Marte mill-Qrib
F’AWISSU tas-sena 2003, Marte kienet xi 56 miljun kilometru ’l bogħod mill-pjaneta tagħna, l-iktar qrib li qatt kienet fi kważi 60,000 sena. Fuq skala astronomika, dan hu bħallikieku l-pjaneta l-ħamra spiċċat prattikament fil-bitħa tagħna, għall-pjaċir taʼ min iħobb jistudja l-istilel u l-pjaneti.
Sal-bidu tas-sena 2004, għadd taʼ vetturi spazjali kienu nġabru fuq Marte. Xi wħud studjaw il-pjaneta mill-wiċċ tagħha, waqt li oħrajn studjawha mill-orbita. X’għallmuna dawn il-missjonijiet dwar din il-pjaneta li hi qrib tagħna?
Nesploraw il-Pjaneta l-Ħamra
Il-vettura spazjali Mars Global Surveyor waslet fuq Marte fis-sena 1997. Din skopriet li Marte darba kellha forza manjetika qawwija. Ukoll, il-vettura spazjali ġabret informazzjoni dettaljata tal-karatteristiki taʼ Marte, u fost affarijiet oħrajn skopriet li d-distanza fil-wiċċ tal-pjaneta mill-iktar post baxx sa l-ogħla post hi taʼ iktar minn 29 kilometru, meta mqabbla maʼ dik tad-dinja li hi taʼ ftit iktar minn 19-il kilometru.a
L-iktar post baxx f’Marte hu fl-għadira kbira taʼ Hellas, li milli jidher ġiet ifformata mill-impatt t’asterojde ġganteska. L-ogħla post hu l-quċċata tal-vulkan enormi Olympus Mons, li hu għoli 21 kilometru. Kamera fuq is-Surveyor tat informazzjoni wkoll dwar blat li deher li kien wiesaʼ iktar minn 18-il metru, kif ukoll dwar meded kbar taʼ ħotbiet tar-ramel li jimxu mar-riħ u kanali li ma kinux ilhom li ġew ifformati. Strument ieħor iddetermina li ħafna mill-blat tal-wiċċ joriġina mill-vulkani.
Għalkemm f’Novembru taʼ l-2006 l-komunikazzjoni mal-Mars Global Surveyor intilfet, tliet vetturi spazjali oħrajn—it-2001 Mars Odyssey, il-Mars Express, u l-Mars Reconnaissance Orbiter—komplew jinvestigaw il-pjaneta l-ħamra.b Huma użaw kameras u ditekters iktar sensittivi biex jeżaminaw l-atmosfera taʼ Marte u l-ambjent spazjali u saħansitra skoprew informazzjoni u wrew li hemm ħafna silġ fil-parti tat-tramuntana tal-pjaneta.
Dan is-silġ hu l-mira prinċipali tal-vettura spazjali Phoenix Mars Lander li niżlet bla problemi fuq il-pjaneta l-ħamra fil-25 taʼ Mejju, 2008. Din il-vettura hija armata bi strumenti avanzati ferm biex tanalizza kemm l-atmosfera u kemm il-permafrost tar-reġjun polari. Ix-xjenzati jittamaw li jitgħallmu dwar jekk il-ħamrija friżata qattx kellha fiha l-ħajja mikroskopika. Madankollu, it-tfittxija għall-ħajja—jew għallinqas għal kundizzjonijiet favorevoli għaliha—bdiet qabel.
Il-Vetturi taʼ l-Esplorazzjoni Spazjali Spirit u Opportunity
Spirit u Opportunity, żewġ vetturi spazzjali li jesploraw lil Marte, waslu fuq Marte f’Jannar tas-sena 2004, u l-post fejn kellhom jinżlu ġie determinat fuq il-bażi taʼ l-informazzjoni li kienet inkisbet f’missjonijiet taʼ qabel. Dawn il-vetturi—li kull waħda minnhom hi kważi daqs karozza żgħira tat-tlielaq—niżlu bil-mod fl-atmosfera taʼ Marte billi użaw tarki kontra s-sħana, paraxuts, u rokits. Meta kienu neżlin huma bdew joqomsu fil-wiċċ minħabba li kienu f’boroż taʼ l-arja, u niżlu b’mod simili ħafna għall-vettura iżgħar bl-isem taʼ Mars Pathfinder li niżlet qabilhom fl-1997.c
Il-wiċċ taʼ Marte jkopri kważi l-istess ammont t’art niexfa li għandha d-dinja, allura hemm ħafna x’tistaʼ tesplora permezz tar-robots. Il-post li ntgħażel għall-vettura spazjali Opportunity kien il-Meridiani Planum, biċċa art kollha saffi taʼ blat qadim li fih il-mineral b’ħafna ħadid imsejjaħ ematite. Spirit niżlet fuq in-naħa l-oħra taʼ Marte biex tesplora l-profondità tal-kratier ġgantesk Gusev, li xi riċerkaturi jemmnu li x’aktarx fil-qedem kien fih għadira. Skond dokument preparat min-NASA, il-mira taʼ din il-missjoni doppja kienet li “tiġi eżaminata l-istorja tal-kundizzjonijiet ambjentali f’postijiet li darba setgħu kienu mxarrbin u tajbin biex ikun hemm il-ħajja fihom.”
“Ġeoloġi” fuq Marte
Meta Spirit waslet fid-destinazzjoni tagħha fl-4 taʼ Jannar, 2004, kien hemm art vojta kollha blat imfarrak u ħofor tondi baxxi. Il-vettura studjat il-post b’mod simili ħafna għall-mod kif kieku jeżaminah ġeologu uman, billi eżaminat diversi tipi taʼ ħamrija, blat, u forom naturali taʼ l-art. Ix-xjenzati li ggwidaw lil Spirit iddeterminaw li l-post fejn niżlet kien miksi bi blat vulkaniku u kellu ħafna ħofor kaġunati mill-meteoriti. Imbagħad, Spirit saqet 2.6 kilometri biex tinvestiga grupp t’għoljiet żgħar. Hemmhekk skopriet forom taʼ blat mhux tas-soltu u xkafef taʼ saffi taʼ blat artab li jistaʼ jkun oriġinaw minn vulkan.
Sadanittant, fil-25 taʼ Jannar, 2004, Opportunity, wara li vvjaġġat 456 miljun kilometru, niżlet xi 25 kilometru biss ’il bogħod mill-post fejn kellha tinżel. Il-borża taʼ l-arja li kienet fiha l-vettura spazjali bdiet toqmos fuq il-wiċċ ċatt taʼ Meridiani u tgerbet eżatt għal ġo kratier żgħir. Xjenzat xebbah din il-ġrajja maʼ ballun tal-golf spazjali li spiċċa eżatt fil-ħofra maʼ l-ewwel daqqa!
Opportunity esplorat għadd taʼ kratieri b’saffi taʼ blat li fih kien hemm biċċiet forma taʼ sferi żgħar mimlijin ematite li ngħataw il-laqam blueberries. Għalkemm fir-realtà m’humiex blu, il-kulur griż tagħhom jagħmel kuntrast mal-ħamrija u l-blat ħamrani fl-isfond. Ċerti saffi taʼ ġebel jifformaw saffi taʼ mewġ u forom li huma komuni f’postijiet bir-ramel fejn ikun għaddej l-ilma. Xi xjenzati jħossu li dawn il-forom, flimkien mal-klorin u l-bromu li jinsabu fil-blat, jissuġġerixxu li xi darba kien hemm l-ilma mielaħ.
Il-missjoni taʼ l-2008 tal-vettura Phoenix Mars Lander ipprovdiet iktar informazzjoni dwar il-wiċċ taʼ Marte, speċjalment dwar ir-reġjun bis-silġ li għandha. Strument fuq ir-robot niżel taħt il-wiċċ tas-silġ, u ġabar kampjuni tal-ħamrija u s-silġ biex jiġu eżaminati fiż-żewġ “laboratorji” li għandha fuqha l-Phoenix. Però, il-missjoni kienet pjanata li tkun relattivament qasira minħabba li ftit xhur biss wara li jitlesta x-xogħol li kellha tagħmel il-vettura, spjegat ir-rivista Science, ix-xitwa taʼ Marte kienet se “tiksi lil Phoenix bi gverta ħoxna taʼ ġelu tal-karbonju dijossidu.”
Il-fatt li x-xjenzati jistgħu fir-realtà jesploraw pjaneti oħrajn li jinsabu mijiet taʼ miljuni taʼ kilometri ’l bogħod juri x’jistgħu jagħmlu l-bnedmin meta jaħdmu flimkien lejn mira waħda. Dawn il-kisbiet iġibu wkoll ġieħ lill-abbiltà tal-bniedem. M’għandniex xi ngħidu, l-esplorazzjoni taʼ l-ispazju—tabilħaqq, ix-xjenza kollha kemm hi—hija possibbli biss minħabba li l-liġijiet fiżiċi li jiggvernaw l-univers huma konsistenti u taʼ min joqgħod fuqhom għalkollox. Dawn il-liġijiet ma nħalqux minnhom infushom imma ġew stabbiliti mill-Arkitett Grandjuż taʼ l-univers, Alla Ġeħova.
[Noti taʼ taħt]
a Dsatax-il kilometru jirrappreżenta d-distanza bejn il-qiegħ tal-Foss tal-Mariana (Mariana Trench) fl-Oċean Paċifiku u l-quċċata tal-Muntanja Everest.
b It-2001 Mars Odyssey u l-Mars Reconnaissance Orbiter ittellgħu mill-Amministrazzjoni Nazzjonali Ajrunawtika u Spazjali (NASA), u l-Mars Express ittellgħet mill-Aġenzija Spazjali Ewropea.
c Ara l-artiklu “A Robot Explores Mars” (Robot Jesplora lil Marte) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1998.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]
HEMM ĦAJJA FUQ MARTE?
Sir William Herschel u Percival Lowell, astronomi tas-sekli 18 u 19, issuġġerew li l-pjaneta l-ħamra kienet mimlija ħajja intelliġenti, u t-teorija taʼ Darwin dwar l-evoluzzjoni donnha appoġġat din l-idea. Imma dawk l-opinjonijiet kollha spiċċaw fix-xejn. Osservazzjonijiet li saru bis-satellita rrivelaw art vojta u atmosfera rqiqa li fil-maġġorparti tagħha hi magħmula mill-karbonju dijossidu. Fl-1976, permezz taʼ l-esperimenti li għamlet il-vettura spazjali Viking 1 ġie skopert li m’hemm ebda ħajja fuq il-wiċċ taʼ Marte.d
Però, ix-xjenzati għadhom qed ifittxu t-traċċi taʼ xi ħajja, u dan l-aħħar ipprovaw jagħmlu dan permezz tal-Phoenix Mars Lander. Minħabba li xi mikrobi jistgħu jibqgħu ħajjin f’ambjenti estremi fuq l-art, ix-xjenzati jħossu li forsi jeżistu xi organiżmi simili f’ċerti postijiet f’Marte. Il-vettura Beagle 2, imwaħħla maʼ Mars Express, kienet armata biex tittestja sustanzi organiċi fil-ħamrija taʼ Marte, imma ma rnexxilhiex tinżel fl-aħħar tas-sena 2003. Is-sena taʼ wara, ix-xjenzati skoprew traċċi tal-gass metanu fl-atmosfera taʼ Marte, u dan qanqal l-ispekulazzjoni dwar jekk il-gass kienx t’oriġini bijoloġika jew vulkanika.
Tistaʼ l-ħajja tibda waħedha, ikun fejn ikun fl-univers? Il-Bibbja twieġeb, billi tgħid: “[Għand Alla] hemm is-sors tal-ħajja.” (Salm 36:9) Iva, il-ħajja tistaʼ tiġi biss mill-ħajja, u d-Donatur oriġinali tal-Ħajja hu l-Ħallieq, Alla Ġeħova.—Atti 17:25.
[Nota taʼ taħt]
d Ara l-artiklu “The Red Planet Revisited” (Żjara Oħra lill-Pjaneta l-Ħamra) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Novembru, 1999.
[Sors]
NASA/JPL/Cornell
[Stampa f’paġna 15]
L-id tar-robot—bil-pala żgħira, l-istrument li jfittex, u l-kamera—tal-Phoenix Mars Lander
[Stampa f’paġna 15]
Ritratt tal-“blueberries” miżjud bil-kulur
[Stampa f’paġna 15]
Il-vulkan estint Olympus Mons, għoli iktar minn 21 kilometru
[Stampa f’paġna 15]
Il-vettura spazjali Spirit ħaffret u barxet il-wiċċ taʼ din il-blata
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 15]
Xellug fuq: NASA/JPL-Caltech/University of Arizona/Texas A&M University; lemin fuq: NASA/JPL/Malin Space Science Systems; taħt lemin u xellug: NASA/JPL/Cornell