Huma l-Flus Sidek jew il-Qaddej Tiegħek?
GĦANDEK int il-marda tal-flus? Ġie rapportat li din il-kundizzjoni teffettwa lil persentaġġ kbir mill-popolazzjoni tad-dinja. Din x’inhi?
It-Tabib Roger Henderson, riċerkatur dwar is-saħħa mentali fir-Renju Unit, reċentement għaqqad it-terminu “marda tal-flus” biex jiddeskrivi s-sintomi fiżiċi u psikoloġiċi li jesperjenzaw in-nies li huma stressati minħabba l-inkwiet dwar il-flus. Is-sintomi jinkludu qtugħ taʼ nifs, uġigħ taʼ ras, dardir, raxx fil-ġilda, nuqqas t’aptit, rabja mhix ġustifikata, nervi, u ħsibijiet negattivi. “L-inkwiet dwar il-flus huwa kaġun sinifikanti taʼ stress,” jirrapporta Henderson.
M’għandux jissorprendina li matul dawn l-aħħar xhur iktar u iktar nies sfaw vittmi taʼ l-effetti koroh taʼ l-ansjetajiet li huma konnessi mal-flus. Il-kriżi finanzjarja li hawn bħalissa f’ħafna pajjiżi rriżultat f’telf taʼ impjiegi, djar, u tfaddil persunali fuq skala globali. Istituzzjonijiet finanzjarji kbar waqgħu, u saħansitra l-iktar nazzjonijiet sinjuri ħadu miżuri t’emerġenza biex jevitaw falliment finanzjarju totali. Fid-dinja li qed tiżviluppa, il-prezz li dejjem jogħla taʼ l-ikel u taʼ ħtiġijiet bażiċi oħrajn ikkaġuna wkoll ħafna ansjetà.
Il-problemi minħabba l-flus huma komuni wkoll fi żmien t’abbundanza. Matul l-aħħar snin taʼ prosperità finanzjarja, ħafna nies qed jiġu mifnijin mill-inkwiet dwar il-flus. Per eżempju, The Witness, gazzetta taʼ l-Afrika t’Isfel, irrapportat li “feġġet marda soċjali taʼ konsum żejjed, taʼ kummerċjaliżmu, u taʼ ħafna materjaliżmu” u li kienet qed tinfirex fl-Afrika. Il-gazzetta semmiet xi sintomi taʼ din il-“marda,” li jinkludu “stress, dejn, ħela, xogħol żejjed, sentimenti taʼ ċaħda, għira, u dipressjoni.” Hemm min waħħal fil-flus għall-fatt li l-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-Afrika qiegħda dejjem tmur għall-agħar.
Qabel il-kriżi finanzjarja reċenti, l-Indja kellha perijodu taʼ tkabbir finanzjarju impressjonanti. India Today International irrapportat li l-2007 kienet sena meta l-pajjiż f’daqqa waħda laħaq livell għoli u notevoli taʼ nfiq. Madankollu, f’dak iż-żmien, l-uffiċjali hemmhekk beżgħu li l-prosperità taʼ l-Indja kienet se tirriżulta fi żjieda taʼ inkwiet u saħansitra vjolenza.
Ukoll, matul l-istess perijodu, adulti żgħażagħ li jifformaw il-ġenerazzjoni l-ġdida fl-Istati Uniti kienu qed iberbqu l-flus fuq affarijiet lussużi. Madankollu, għalkemm setgħu jonfqu iktar flus, dan ma kienx qed iġibilhom ferħ. Riċerkaturi qalu li f’dan il-post l-għana kien wieħed mill-kaġuni prinċipali tad-dipressjoni, is-suwiċidju, u l-abbuż mill-alkoħol. Studju wieħed wera li minkejja l-abbundanza u l-ġid, “inqas minn terz mill-Amerikani” qalu li huma “ferħanin ħafna.”
In-Naħa l-Oħra tal-Kwistjoni
Min-naħa l-oħra, fi żmien tajjeb u fi żmien ħażin, ħafna nies—kemm sinjuri kif ukoll fqar—m’għandhomx daqstant ansjetajiet dwar il-flus u l-affarijiet materjali tagħhom. Għala hemm din id-differenza?
F’rapport intitolat The Meaning of Money, ir-riċerkaturi osservaw li xi nies huma “motivati ħafna mill-flus u kontrollati mill-flus. Dan jistaʼ jwassal għal stress u mard mentali.” B’kuntrast, huma żiedu: “Dawk li jippjanaw kif iqassmu flushom b’attenzjoni għandhom it-tendenza li jħossu li għandhom kontroll fuq l-affarijiet tagħhom stess u huma pożittivi dwarhom infushom. Huma s-sidien tal-flus mhux il-qaddejja tal-flus . . . Aħna nsostnu li dawk li jippjanaw kif iqassmu flushom b’attenzjoni jistaʼ jkollhom ukoll inqas stress, u b’hekk, inqas tensjoni.”
Int kif tħares lejn il-flus? Kif effettwak in-nuqqas taʼ stabbiltà taʼ l-ekonomija tad-dinja? Il-flus huma sidek jew il-qaddej tiegħek? Forsi ma tesperjenzax is-sintomi taʼ l-hekk imsejħa marda tal-flus. Xorta waħda, kemm jekk għani u kemm jekk fqir, ilkoll kemm aħna vulnerabbli għall-effetti koroh taʼ l-inkwiet dwar il-flus. Ikkunsidra kif aġġustamenti fil-mod kif tieħu ħsieb il-finanzi tiegħek jistgħu jġibulek iktar paċi tal-moħħ u ħajja iktar hienja.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
Il-flus jistgħu jkunu sidek jekk . . .
◻ Tevita li tiddiskuti l-finanzi minħabba l-ansjetà li jikkaġunaw
◻ Spiss il-flus huma s-suġġett taʼ l-argumenti fil-familja
◻ Tonfoq il-flus bl-addoċċ
◻ Tinkwieta l-ħin kollu dwar il-kontijiet
◻ Ma tafx eżatt kemm taqlaʼ
◻ Ma tafx eżatt kemm tonfoq
◻ Ma tafx eżatt kemm għandek tagħti
◻ Il-kontijiet tiegħek spiss huma akbar milli tistenna
◻ Spiss tħallas il-kontijiet tiegħek tard
◻ Tistaʼ tħallas biss l-inqas pagament fuq il-kontijiet tal-credit cards
◻ Tħallas il-kontijiet tiegħek bil-flus li jkunu mwarrbin għal affarijiet oħrajn
◻ Taħdem iktar sempliċement biex tħallas il-kontijiet
◻ Bdejt dejn ġdid biex tħallas dejn antik
◻ Tuża dak li tkun faddalt biex tħallas il-kontijiet tas-soltu
◻ Issibha kważi impossibbli li tasal sa l-aħħar tax-xahar mingħajr ma jkunu spiċċawlek il-flus kollha
◻ Tħoss pressjoni biex takkumula somom kbar taʼ flus
◻ Tbati minn sintomi fiżiċi u/jew psikoloġiċi minħabba l-ansjetà dwar il-flus
[Sors]
Sors: Money Sickness Syndrome, mit-Tabib Roger Henderson