‘Għandi Wisq X’Nagħmel!’
DAWK li jerfgħu l-weights fl-Olimpijadi ma jipprovawx iwaqqfu rekords ġodda kuljum. Huma jagħmlu eżerċizzju regulari b’weights iżgħar u b’dan il-mod jiksbu s-saħħa biex jerfgħu l-weights il-kbar. Jekk kontinwament jipprovaw jaqbżu l-limitu tagħhom, huma jistgħu jagħmlu ħsara lill-muskoli u l-ġogi u jistgħu jkollhom jieqfu jerfgħu l-weights.
Bl-istess mod, bħala student, int x’aktarx li taħdem iebes fl-iskola. U meta tirċievi inkarigi diffiċli jew tipprepara għall-eżamijiet, int kapaċi u lest li tagħmel sforz saħansitra akbar.a Imma xi ngħidu jekk il-ġranet kollha tiegħek huma mimlijin wisq bix-xogħol taʼ l-iskola u b’inkarigi oħrajn biss? Int tistaʼ ssibha diffiċli li tiekol kif jixraq jew li torqod biżżejjed. Il-livell għoli taʼ stress kontinwu maż-żmien jistaʼ jmarrdek. Forsi bħalissa hekk tħossok.b
Ħowmwerk li Ma Jispiċċa Qatt
“Minn sena għall-oħra, il-ħowmwerk tiegħi jiżdied u jsir iktar diffiċli. Indum ħafna biex nispiċċah,” tgħid Hiroko,c studenta taʼ 15-il sena mill-Ġappun. “Jien ikolli ħafna affarijiet oħrajn li rrid nagħmel imma l-ħowmwerk ikun għall-għada. Kultant inħossni nippanikja.” Rigward il-ħowmwerk li tirċievi, Svetlana t’14-il sena mir-Russja tikteb: “Sirt insibha iktar diffiċli li llesti l-ħowmwerk tiegħi. Kull sena jkolli iktar suġġetti x’nistudja u l-għalliema jagħtuna ħafna iktar x’nagħmlu. Ukoll, kull għalliem jikkunsidra s-suġġett tiegħu bħala li hu iktar importanti mill-oħrajn. Huwa diffiċli nsib bilanċ u llaħħaq ma’ kollox.”
Għala tingħata daqstant enfasi lill-ħowmwerk? Gilberto, li għandu 18-il sena, mill-Brażil jikteb: “L-għalliema jgħidu li jridu jippreparawna għas-suq tax-xogħol li hu kompetittiv ħafna.” Anki jekk dan hu l-każ, int tistaʼ ssib ruħek taħt pressjoni kbira minħabba l-ammont kbir taʼ ħowmwerk li tirċievi. Forsi tistaʼ tnaqqas l-istress kemm billi tbiddel il-mod kif tqisu kif ukoll billi tieħu passi prattiċi biex torganizza ruħek.
Ikkunsidra ż-żjieda fil-ħowmwerk bħala taħriġ li għandek bżonn sabiex ikollok suċċess bħala adult. Għalkemm il-ħin li tqattaʼ tagħmel il-ħowmwerk jidher li ma jispiċċa qatt, is-snin taʼ l-iskola se jispiċċaw qabel ma taħseb int. Meta tibda taħdem biex tmantni lilek innifsek, int se tkun grat li spiċċajt dawk l-inkarigi diffiċli. Se tara li se ‘tgawdi affarijiet tajbin minħabba x-xogħol iebes’ li għamilt fl-iskola.—Ekkleżjasti 2:24.
Int tistaʼ tnaqqas ħafna stress billi tkun dixxiplinat miegħek innifsek u organizzat. (Ara l-kaxxa “Modi Prattiċi Kif Tnaqqas l-Istress.”) Meta tistabbilixxi metodu kif tlesti x-xogħol taʼ l-iskola tiegħek fil-ħin u b’attenzjoni, l-għalliema tiegħek jistgħu jibdew jafdawk u jkunu jridu jgħinuk. Immaġina li għandek dan it-tip taʼ relazzjoni ma’ wieħed mill-għalliema tiegħek. Jekk tiġri xi ħaġa mhux mistennija u int tgħidlu minn qabel li mhux se tlaħħaq tlesti l-inkarigu fil-ħin, ma taħsibx li l-għalliem tiegħek se jkun iktar lest li jbiddel dak li jkun talab minnek? Wieħed mill-qaddejja t’Alla jismu Danjel “kien taʼ min jafdah u ma nstabet fih assolutament ebda traskuraġni jew korruzzjoni.” Peress li Danjel kien ħabrieki f’li jwettaq xogħlu hu rċieva t-tifħir u l-fiduċja tas-sultan. (Danjel 6:4) Jekk timita lil Danjel fil-mod kif tieħu ħsieb l-inkarigi tiegħek taʼ l-iskola, int tistaʼ tirċievi iktar konsiderazzjoni meta jkollok bżonnha.
Se jitlaq l-istress kollu li hu relatat ma’ l-iskola jekk tismaʼ b’attenzjoni fil-klassi, tagħmel il-ħowmwerk, u tlesti l-proġetti fil-ħin? Le, imma ftit mill-istress li jibqaʼ jistaʼ jiġi sempliċement mix-xewqa tiegħek stess biex tmur tajjeb. Minflok ma tfittex mod faċli kif ma tagħmilx ix-xogħol taʼ l-iskola, int forsi tispiċċa tkun verament trid titgħallem u tibbenefika mil-lezzjonijiet li jkollok.
Stress taʼ dan it-tip hu pożittiv u taʼ min jixtiequ. Madankollu, int tistaʼ tiffaċċja stress li hu taʼ ħsara u bla bżonn.
Attivitajiet li M’Humiex Parti mill-Kurrikulu taʼ l-Iskola Jżommuhom Okkupati Wisq
Immaġina lil xi ħadd li ma jibżax għall-karozza tiegħu meta jsuq. Hu joqrob b’veloċità kbira lejn is-sinjali li jgħidulu biex jieqaf u jieqaf f’daqqa bit-tajers iwerżqu. Imbagħad jagħfas il-gass u jgħaqqad ir-roti biex jitlaq. X’se jispiċċa jagħmlilha lill-karozza tiegħu dan l-individwu li jsuq bl-addoċċ? Hu x’aktarx li se jagħmel ħsara lill-magna u lil partijiet oħrajn. Imma qabel dan, hu għandu mnejn jeqridha f’inċident serju.
B’mod simili, ħafna studenti jaħdmu iebes ħafna fiżikament u mentalment qabel u wara l-iskola. Fil-ktieb tagħha Doing School, Denise Clark Pope kitbet dan li ġej dwar xi wħud mill-istudenti li kienet iltaqgħet magħhom: “Il-ġranet tagħhom taʼ l-iskola jibdew kmieni, siegħa jew sagħtejn sħaħ qabel il-ħin li ħafna adulti jibdew ix-xogħol tagħhom, u spiss jispiċċaw tard bil-lejl, wara li jkunu pprattikaw il-futbol, għamlu l-provi taż-żfin, il-laqgħat tal-kunsill taʼ l-istudenti, xogħol sekulari part-time, u l-ħin tal-ħowmwerk.”
Meta l-istudenti jkollhom ħafna affarijiet x’jagħmlu kuljum, x’aktarx li jesperjenzaw il-problemi. Minħabba l-istress kbir, huma għandhom mnejn isofru minn uġigħ f’rashom u fl-istonku. Hekk kif l-għeja kontinwa ddgħajjef is-sistema taʼ l-immunità tagħhom, huma jistgħu jimirdu. Imbagħad, f’daqqa waħda ma jkunux jifilħu jagħmlu dak li kienu qed jagħmlu u forsi jitħabtu mhux ħażin biex jerġgħu jiksbu saħħithom. Qed jiġrilek xi ħaġa simili?
Huwa tajjeb li taħdem iebes għal miri siewja, imma int kemm int b’saħħtek hemm limitu għal dak li tistaʼ tagħmel f’ġurnata waħda. Il-Bibbja toffri dan il-parir għaqli: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Żewġ tifsiriet tal-kelma “raġunevoli” huma “mhux estrem jew eċċessiv” u “li jkollok moħħ f’loku.” Individwu raġunevoli jieħu deċiżjonijiet li m’humiex taʼ ħsara għalih innifsu jew għal oħrajn. Hu juri l-maturità, li għandha valur kbir fid-dinja instabbli tal-lum. Għalhekk, biex tibżaʼ għal saħħtek, kun raġunevoli—elimina ftit mill-attivitajiet li lħaqt ikkommettejt ruħek għalihom imma li huma inqas essenzjali.
Ġiri Wara l-Għana
Madankollu, għal xi żgħażagħ, ir-raġunevolezza tidher bħala xkiel minflok bħala għajnuna biex jilħqu l-miri tagħhom. Studenti bħal dawn jemmnu li s-sigriet għas-suċċess hu xogħol b’paga tajba ħafna u l-għana li xogħol bħal dan iġib miegħu. Pope sabet dan it-tip taʼ rraġunar fost iż-żgħażagħ li ltaqgħet magħhom. Hi osservat: “Dawn l-istudenti jixtiequ li jistgħu jorqdu iżjed u jtejbu saħħithom, imma l-iskedi mimlijin tagħhom, inkluż l-obbligi taʼ l-iskola, tal-familja, u tax-xogħol, ma jippermettulhomx jagħmlu din il-bidla. B’mod simili, huma jixtiequ li jistgħu jqattgħu iktar ħin ma’ sħabhom, jagħmlu attivitajiet oħrajn, jew jieħdu waqfa għal xi ġranet mill-iskeda mimlija tagħhom, imma l-maġġuranza jemmnu li ma jistgħux jagħmlu dawn l-affarijiet u jżommu l-marki għoljin tagħhom. Huma rrikonoxxew li jridu jagħmlu għażla u għalihom is-suċċess fil-futur kien iktar importanti mill-kuntentizza preżenti.”
Studenti li jaħdmu iebes ħafna jagħmlu tajjeb li jikkunsidraw dak li qal darba raġel għaref: “Individwu se jakkwista xi ħaġa jekk jirbaħ id-dinja kollha imma jitlef ħajtu? Dażgur li le! M’hemm xejn x’jistaʼ jagħti biex jerġaʼ jikseb ħajtu.” (Mattew 16:26, Today’s English Version) B’dan il-kliem, Ġesù Kristu wissa li l-miri li nistgħu nistinkaw biex nilħqu f’din id-dinja m’humiex siewja minħabba li jistgħu jkunu taʼ periklu għalina fiżikament u emozzjonalment, u jistgħu jagħmlu ħsara lir-relazzjoni tagħna m’Alla.
Fil-ktieb tagħha The Price of Privilege, il-psikologa Madeline Levine kitbet dwar “il-fatt li l-flus, l-edukazzjoni, il-qawwa, il-prestiġju, u l-affarijiet materjali ma joffru l-ebda protezzjoni kontra d-dwejjaq jew il-mard emozzjonali.” Pope, li ssemmiet qabel, għamlet din l-osservazzjoni: “Nara ħafna tfal u ġenituri jitħabtu biex ikunu perfetti—minħabba li b’mod żbaljat jemmnu li hu neċessarju li tkun perfett biex ikollok is-suċċess.” U hi żiedet: “Għandna nitħabtu biex inkunu f’saħħitna—mentalment u fiżikament u spiritwalment.”
Xi affarijiet huma bil-wisq iktar importanti mill-flus. Dawn jinkludu li tkun f’saħħtek fiżikament u mentalment, li jkollok kuxjenza tajba, u ħbiberija mal-Ħallieq tagħna. Dawn huma għotjiet imprezzabbli mingħand Alla. Jekk titlifhom fil-ġiri wara l-fama jew ir-rikkezzi, tistaʼ qatt ma terġaʼ ġġibhom lura. B’dan f’moħħok, innota x’għallem Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.”—Mattew 5:3.
Ħafna żgħażagħ aċċettaw din il-verità. Waqt li jagħmlu l-aħjar li jistgħu fl-iskola, huma jafu li l-eċċellenza akkademika u l-affarijiet materjali ma jġibux hena dejjiemi. Huma jirrikonoxxu li l-ġiri wara miri bħal dawn iġibilhom stress bla bżonn. Dawn l-istudenti tgħallmu li huwa fundamentali li jissodisfaw “il-bżonn spiritwali tagħhom” għal futur verament hieni. Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jew ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jkunu ferħanin juruk kif tkun hieni hekk kif tissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħek.
[Noti taʼ taħt]
a Għal studenti li ma tantx imorru tajjeb fl-iskola jew li jagħmlu ftit sforz, ara “Young People Ask . . . Could I Be Doing Better in School?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Nistaʼ Mmur Aħjar fl-Iskola?) fl-Awake! tat-22 taʼ Marzu, 1998, paġni 20-22.
b Għal iktar informazzjoni fuq dan is-suġġett, ara “Young People Ask . . . What Can I Do About So Much Homework?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Nistaʼ Nagħmel Minħabba Dan il-Ħowmwerk Kollu?) fl-Awake! tat-8 t’April, 1993, paġni 13-15 u “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nsib il-Ħin Biex Nagħmel il-Ħowmwerk?” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2004, paġni 13-15.
c Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Kumment f’paġna 6]
Int kemm int b’saħħtek hemm limitu għal dak li tistaʼ tagħmel f’ġurnata waħda
[Kumment f’paġna 8]
Tistaʼ tikseb l-aqwa edukazzjoni billi tieħu għarfien dwar il-Ħallieq tiegħek
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
MODI PRATTIĊI KIF TNAQQAS L-ISTRESS
❑ Taħli ħafna ħin tqalleb fil-karti jew fil-kotba tan-noti, biex tipprova ssib dak li trid? Xi nies għandhom bżonn l-għajnuna biex ikunu iktar organizzati. Tistħix tistaqsi lil oħrajn għal suġġerimenti.
❑ Toqgħod titnikker? Bħala test, agħmel sforz biex tlesti inkarigu qabel il-waqt. Il-mistrieħ u s-sodisfazzjon li tħoss se jissorprenduk u jistgħu jimmotivawk biex ma toqgħodx tħalli x-xogħol taʼ l-iskola tiegħek għal darb’oħra.
❑ Issib li spiss tispiċċa toħlom matul il-lezzjonijiet? Ipprova dan għal xahar: Ismaʼ b’attenzjoni d-diskussjonijiet li jsiru fil-klassi, u ħu noti tajbin biex ikollok referenza għal iktar tard. Int tistaʼ tkun sorpriż b’kemm isir eħfef il-ħowmwerk tiegħek. Dan ir-riżultat tajjeb se jnaqqaslek l-istress fl-iskola.
❑ Għażilt klassijiet li bihom titgħallem iktar malajr is-suġġetti tiegħek imma li jeħtieġu ħafna iktar ħin u sforz? Huwa vitali li tieħu dawn il-klassijiet? Tkellem mal-ġenituri tiegħek. Ħu l-opinjoni taʼ xi ħadd li għandu ħarsa raġunevoli lejn l-edukazzjoni. Tistaʼ ssib li dawn il-korsijiet li għażilt li tieħu ftit iżidu l-progress tiegħek lejn il-gradwazzjoni.
[Kaxxa f’paġna 6]
ĦAJT PROTETTIV IMMAĠINARJU
“L-affarijiet taʼ valur li għandu l-għani huma l-belt b’saħħitha tiegħu, u huma bħal ħajt protettiv fl-immaġinazzjoni tiegħu.” (Proverbji 18:11) Fiż-żminijiet tal-qedem, in-nies kienu jiddependu minn ħitan, jew swar, għoljin għall-protezzjoni kontra l-attakki. Imma immaġina li qed tgħix f’belt li hi mdawra b’ħajt li jeżisti biss fl-immaġinazzjoni tiegħek. Tipprova kemm tipprova tikkonvinċi lilek innifsek li l-ħajt veru jeżisti, dak il-ħajt m’hu se jipprovdi l-ebda difiża kontra l-għedewwa tiegħek.
Bħal nies li jgħixu f’post bla protezzjoni bħal dan, iż-żgħażagħ li qed jiġru wara l-għana se jiġu diżappuntati. Int ġenitur? Tagħmel tajjeb jekk tgħin lil ibnek jew lil bintek tevita n-nassa tal-materjaliżmu u ma tmurx tgħix f’belt b’ħajt immaġinarju.
Il-veritajiet ibbażati fuq il-Bibbja li ġejjin jistgħu jgħinuk tirraġuna ma’ ibnek jew bintek:
◼ Ħafna għana spiss iġib ħafna iktar problemi milli jsolvi. “L-abbundanza taʼ l-għani mhix qed tħallih jorqod.”—Ekkleżjasti 5:12; 1 Timotju 6:9, 10.
◼ Bi ppjanar tajjeb, persuna m’għandhiex bżonn l-għana biex tkun ferħana. “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5; Luqa 14:28.
◼ Dħul medju li jkopri l-bżonnijiet taʼ dak li jkun iwassal għall-kuntentizza. “Tagħtinix faqar u lanqas rikkezzi.”—Proverbji 30:8.d
[Nota taʼ taħt]
d Iktar informazzjoni rigward in-nassa tal-materjaliżmu tistaʼ tinsab fl-Awake! tat-8 t’April, 2003, paġni 20-21.
[Stampa f’paġna 7]
Ma jirnexxilekx tagħmel dak li tixtieq billi tagħmel wisq affarijiet
[Stampa f’paġna 7]
Ħares lejn il-ħowmwerk bħala parti mit-taħriġ tax-xogħol tiegħek u MHUX bħala problema