LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 2/8 pp. 13-15
  • Kif Nistaʼ Nsib il-Ħin biex Nagħmel il-Ħowmwerk?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nsib il-Ħin biex Nagħmel il-Ħowmwerk?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fejn Nistaʼ Nsib il-​Ħin?
  • L-​Affarijiet Importanti Jiġu l-​Ewwel
  • ‘Ixtri’ ż-​Żmien fl-​Iskola
  • Kif Tuża l-​Ħin Tiegħek Aħjar
  • Kif Nistaʼ Nlaħħaq mal-Homework?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • ‘Għandi Wisq X’Nagħmel!’
    Stenbaħ!—2009
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2004
  • X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Qed Inġib Marki Baxxi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 2/8 pp. 13-15

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nsib il-​Ħin biex Nagħmel il-​Ħowmwerk?

‘Jien qiegħda fl-​aħħar sena taʼ l-​iskola, u ma niflaħx iktar bl-​istress li għandi. . . . Mhux b’ċajta, imma għandi wisq proġetti u preżentazzjonijiet x’nagħmel. M’għandix ħin biex nagħmilhom.’—Tfajla taʼ 18-il sena.

TĦOSSOK miżgħud bl-​ammont kbir taʼ ħowmwerk li ġġib miegħek mill-​iskola kuljum? Jekk tħossok hekk, m’intix waħdek. “Hekk kif l-​iskejjel mal-​pajjiż kollu jistinkaw biex jgħollu l-​livelli—u l-​marki tat-​testijiet fuq il-​kapaċità taʼ l-​istudenti—dawn qed ikomplu jżidu l-​ammont taʼ ħowmwerk,” jgħid rapport tal-​ġurnali fl-​Istati Uniti. “F’ċerti postijiet l-​istudenti fl-​iskola sekondarja jgħidu li qed jagħmlu iktar minn tliet sigħat [ħowmwerk] kull fil-​għaxija. Studju li sar fl-​Università taʼ Michigan jissuġġerixxi li t-​tfal żgħar qed jagħmlu tliet darbiet iktar ħowmwerk milli kienu jagħmlu t-​tfal 20 sena ilu.”

Mhux l-​istudenti fl-​Istati Uniti biss qed ikollhom ruxxmata ħowmwerk. Per eżempju, waqt li 30 fil-​mija mit-​tfal taʼ 13-il sena f’dan il-​pajjiż irrapportaw li qed jagħmlu iktar minn sagħtejn ħowmwerk kuljum, f’Tajwan u fil-​Korea, l-​ammont kien t’40 fil-​mija, u fi Franza, iktar minn 50 fil-​mija. “Xi drabi taqbadni tensjoni kbira meta jibda jinġemagħli ħafna ħowmwerk,” tilmenta Katie, studenta universitarja fl-​Istati Uniti. L-​istess iħossuhom Marilyn u Belinda, li jattendu l-​iskola f’Marsilja, Franza. “Aħna spiss inqattgħu sagħtejn jew iktar nagħmlu l-​ħowmwerk kull fil-​għaxija,” tgħid Marilyn. “Meta jkollok responsabbiltajiet oħrajn, jistaʼ jkun diffiċli ssib il-​ħin.”

Fejn Nistaʼ Nsib il-​Ħin?

Ma jkunx sabiħ li kieku, meta jkollok bżonn, sempliċement iżżid ftit sigħat oħra fil-​ġurnata biex tlesti l-​ħowmwerk tiegħek u tieħu ħsieb kulma jibqagħlek tagħmel? Fil-​fatt, jistaʼ jirnexxilek tagħmel xi ħaġa simili jekk titgħallem mill-​prinċipju Bibliku li hemm f’Efesin 5:​15, 16: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu [‘jixtru,’ NW] ż-​żmien.” Għalkemm il-​kittieb Bibliku ma kellux f’moħħu l-​ħowmwerk meta kiteb dak il-​kliem, il-​prinċipju jistaʼ jiġi applikat fil-​ħajja taʼ kuljum. Meta tixtri xi ħaġa, trid iċċedi xi ħaġa oħra minflokha. Hawnhekk l-​idea hi li biex issib il-​ħin għall-​istudju, trid twarrab il-​ħin minn xi ħaġa oħra. Imma xiex?

Żagħżugħa jisimha Jillian tagħti dan il-​parir: “Agħmel lista taʼ xi trid tagħmel l-​ewwel.” Fi kliem ieħor, ara x’inhuma l-​prijoritajiet. Il-​laqgħat Kristjani u l-​affarijiet spiritwali għandhom jingħataw prijorità fil-​lista tiegħek. U tinsiex ir-​responsabbiltajiet tiegħek fil-​familja, il-​faċendi, u m’għandniex xi ngħidu, il-​ħowmwerk.

Imbagħad, ipprova żomm djarju għal xi ġimgħa biex tara kif fil-​fatt tqattaʼ l-​ħin tiegħek. Tistaʼ tibqaʼ mistagħġeb b’dak li ssib. Kemm tqattaʼ ħin tara t-​televixin? tfittex fl-​Internet? Tmur iċ-​ċinema? titkellem fuq it-​telefon? iżżur il-​ħbieb? Meta tqis dawn l-​affarijiet, id-​djarju tiegħek kif jaqbel mal-​lista taʼ prijoritajiet li għamilt? Jistaʼ jkun li kulma għandek tagħmel hu li tanalizza l-​ħin li tqattaʼ quddiem it-​televixin, titkellem fuq it-​telefon, jew tuża l-​Internet biex tara fejn tistaʼ tixtri ħafna iktar żmien!

L-​Affarijiet Importanti Jiġu l-​Ewwel

Dan ma jfissirx li trid tarmi t-​televixin tiegħek jew issir eremita. Jistaʼ jkun li jkollok bżonn tistabbilixxi r-​regola, “L-​Affarijiet importanti jiġu l-​ewwel.” Vers Bibliku li jistaʼ jiġi applikat jgħidlek ‘agħraf agħżel l-​aħjar.’ (Filippin 1:​10) Per eżempju, ladarba l-​iskola hija importanti, tistaʼ tagħmel regola għalik innifsek li ma tixgħelx it-​televixin qabel ma tkun lestejt dak li għandek tagħmel, studjajt għal-​laqgħat Kristjani, u lestejt il-​ħowmwerk. Veru, ma tantx tieħu pjaċir titlef il-​programm favorit tiegħek fuq it-​televixin. Imma kun onest, kemm-il darba poġġejt bil-​qiegħda bl-​iskop li tara biss il-​programm favorit tiegħek u mbagħad tispiċċa quddiem it-​televixin sa fil-​għaxija—u ma tagħmel xejn iktar?

Mill-banda l-​oħra, trid tagħti biżżejjed importanza lill-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani. Per eżempju, jekk taf li dalwaqt se jkollok test jew xi ħowmwerk importanti, tistaʼ tipprova taħdem fuqu minn ħafna qabel biex ma jkollokx tfixkil għal-​laqgħat tiegħek. Forsi tistaʼ anki titkellem maʼ l-​għalliema dwar is-​sitwazzjoni tiegħek, u tgħidilhom kemm tapprezza jekk jgħidulek minn żmien qabel dwar xi ħowmwerk li forsi jinzerta dakinhar taʼ xi laqgħa. Xi għalliema jistgħu jkunu lesti jikkooperaw.

Prinċipju ieħor t’għajnuna nitgħallmuh mir-​rakkont Bibliku taʼ Marta, ħabiba taʼ Ġesù. Din kienet persuna bieżla u ħabrieka ħafna, imma l-​prijoritajiet tagħha ma kinux kif suppost. Darba minnhom, hi kienet qed tinfileġ biex tipprova tħejji ikla x’aktarx elaborata għal Ġesù waqt li oħtha, Marija, qagħdet tismaʼ lil Ġesù minflok ma qagħdet tgħinha. Meta Marta bdiet tilmenta dwar dan, Ġesù qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-​aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”​—Luqa 10:​41, 42.

X’inhi t-​tagħlima? Żomm l-​affarijiet sempliċi. Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju fis-​sitwazzjoni tiegħek? Jistaʼ jkun li int “taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ”​—forsi billi tipprova tlaħħaq mal-​ħowmwerk u taħdem part-time? Jekk taħdem, il-​familja tiegħek verament għandha bżonn il-​flus? Jew sempliċement tieħu pjaċir ikollok xi ħaġa żejda fil-​but biex tixtri l-​affarijiet li tixtieq imma mhux li għandek bżonn?

Per eżempju, f’ċerti pajjiżi ż-​żgħażagħ ikollhom sebaʼ mitt sena sakemm jixtru karozza. Karen Turner, counselor taʼ l-​iskola sekondarja, tispjega li “hemm pressjoni kbira fuq iż-​żgħażagħ taʼ llum biex ikollhom jew jaqilgħu l-​flus għax għandhom spiża biex iżommu karozza.” Madankollu Turner tikkonkludi: “Tinqalaʼ problema meta tipprova tlaħħaq maʼ ħafna affarijiet bħal attivitajiet oħrajn minbarra l-​kurrikulu taʼ l-​iskola, flimkien max-​xogħol, u t-​tagħbija akkademika kbira. Imbagħad l-​istudent jitgħabba żżejjed.” Għala titgħabba żżejjed jekk m’għandikx għalfejn? Jekk ix-​xogħol taʼ l-​iskola sejjer lura, forsi tistaʼ taħdem inqas sigħat jew saħansitra tieqaf taħdem.

‘Ixtri’ ż-​Żmien fl-​Iskola

Minbarra li tara fejn tistaʼ ssib iktar ħin wara l-​iskola, aħseb kif tistaʼ tuża l-​ħin b’mod aħjar waqt li tkun l-​iskola. “Jien nipprova nagħmel kemm nistaʼ ħowmwerk waqt perijodi mwarrbin apposta għall-​istudju fil-​ħin taʼ l-​iskola,” jgħid Josue. “B’hekk inkun nistaʼ nkellem lill-​għalliem jekk ikun hemm xi ħaġa li ma nkunx fhimt fil-​klassi dakinhar.”

Ħaġa oħra li tistaʼ tikkunsidra hija li twaqqaf xi suġġetti li m’humiex obbligatorji. Ukoll, tistaʼ forsi tagħti daqqa t’għajn lejn l-​attivitajiet li int involut fihom u li m’humiex konnessi mal-​kurrikulu taʼ l-​iskola. Billi tbiddel xi affarijiet f’dawn l-​aspetti, tistaʼ tirbaħ iktar ħin għall-​istudju u l-​ħowmwerk.

Kif Tuża l-​Ħin Tiegħek Aħjar

Tajjeb, ejja nassumu li għamilt xi sagrifiċċji u bidliet u rnexxielek issib ftit iktar ħin għall-​ħowmwerk. Kif se tużah aħjar dan il-​ħin? Jekk jirnexxilek tagħmel 50 fil-​mija iktar ħowmwerk fl-​istess ammont taʼ ħin, ma tkunx qisek irbaħt 50 fil-​mija iktar ħin? Mela dawn huma xi suġġerimenti kif tistaʼ tkun iktar effiċjenti.

◼ Agħmel pjan. Qabel ma tibda l-​ħowmwerk, aħseb ftit fuq affarijiet bħal dawn: Fuq liema suġġett għandek taħdem l-​ewwel? Kemm għandu jieħu ħin dan ix-​xogħol? Liema riżorsi—kotba, karti, lapes u pinna, calculator—għandek bżonn biex tlestih?

◼ Sib post fejn tagħmel il-​ħowmwerk. Laħjar ħaġa hi li fil-​post ma jkunx hemm xi jtellfek. ‘Jekk għandek skrivanija, użaha,’ tgħid żagħżugħa jisimha Elyse. ‘Tistaʼ tikkonċentra aħjar meta tkun bil-​qiegħda milli meta tkun mimduda fuq is-​sodda.’ Jekk m’għandikx kamra għalik waħdek, jistaʼ jkun li ħutek ikunu lesti jħalluk ftit bi kwietek waqt li tistudja jew tagħmel il-​ħowmwerk. Jew forsi tistaʼ tmur f’xi ġnien jew librerija pubblika. Jekk għandek kamra għalik waħdek, tfixkilx l-​isforz tiegħek billi tixgħel it-​televixin jew iddoqq mużika li ttellfek waqt li tkun qed tipprova tistudja.

◼ Kultant ieqaf ftit. Jekk wara ftit tal-​ħin ma tkunx tistaʼ tikkonċentra, ieqaf għal ftit ħin għax dan jistaʼ jgħinek terġaʼ taqbad ir-​ritmu.

◼ Toqgħodx titnikker! “Jien dejjem nitnikker,” tgħid Katie, kwotata iktar qabel. “Donni ma nistax inġiegħel lili nnifsi nibda biċċa xogħol qabel l-​aħħar minuta.” Evita li toqgħod titnikker billi tħejji skeda fissa għall-​ħowmwerk tiegħek u żżomm magħha. Jekk iddum biżżejjed iżżomm maʼ skeda, din issir drawwa tajba.

Ix-​xogħol taʼ l-​iskola huwa importanti, imma bħalma wera Ġesù lil Marta, l-​iktar attivitajiet importanti li għandna nagħmlu​—“l-​aħjar sehem”​—huma dawk spiritwali. Kun ċert li l-​ħowmwerk ma jiħodlokx il-​ħin minn affarijiet importanti bħall-​qari tal-​Bibbja, il-​parteċipazzjoni fil-​ministeru, u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani. Dawn huma affarijiet li se jtejbulek ħajtek għall-​eternità!​—Salm 1:​1, 2; Lhud 10:​24, 25.

[Stampi f’paġna 15]

Huwa diffiċli ssib ħin għall-​ħowmwerk jekk tipprova tlaħħaq maʼ ħafna attivitajiet

[Stampa f’paġna 15]

Jekk torganizza ruħek sew tistaʼ tgħin lilek innifsek biex issib iktar ħin ħalli tagħmel il-​ħowmwerk

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja