LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/09 pp. 10-11
  • Għandek Tinkwieta Dwar li Tqattaʼ Ħin Twil fix-Xemx?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandek Tinkwieta Dwar li Tqattaʼ Ħin Twil fix-Xemx?
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħsara lill-Għajnejn
  • Ħsara lill-Ġilda
  • Ħsara lis-Sistema taʼ l-Immunità
  • Int Li Tħobb Tixxemmex Ipproteġi l-​Ġilda Tiegħek!
    Stenbaħ!—1999
  • Kun Kuntent bil-Kulur tal-Ġilda Tiegħek
    Stenbaħ!—2010
  • Xjentist tal-fiżika jispjega għala għandu fidi f’Alla
    Stenbaħ!—2014
  • Ġilda tas-serp
    Stenbaħ!—2014
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 7/09 pp. 10-11

Għandek Tinkwieta Dwar li Tqattaʼ Ħin Twil fix-Xemx?

“Hekk kif is-saff taʼ l-ożonu dejjem qed jirqaq u n-nies madwar id-dinja qed jaħtfu kull opportunità biex joqogħdu fix-xemx bħala rikreazzjoni, ir-riskju li n-nies jiżviluppaw komplikazzjonijiet taʼ saħħa minħabba li jqattgħu ħin twil esposti għar-raġġi tal-UV [ultravjola] qed isir iktar u iktar inkwetanti għas-saħħa tan-nies.”—IT-TABIB LEE JONG-WOOK, LI QABEL KIEN ID-DIRETTUR ĠENERALI TAʼ L-ORGANIZZAZZJONI DINJIJA TAS-SAĦĦA.

MARTIN, raġel taʼ karnaġġjon bjond mill-Ewropa taʼ Fuq, marret għajnu bih fid-dell t’umbrella fuq bajja fil-kosta taʼ l-Italja. X’ħin stenbaħ, sab li d-dell kien mexa u li saqajh ma kinux għadhom bojod imma saru ħomor nar. “Kelli mmur l-isptar b’emerġenza,” jispjega Martin. “Saqajja kienu ibbiesu u ntefħu bħal żewġ zalzettiet. L-uġigħ baqaʼ insapportabbli sa xi tlett ijiem wara. Ma stajtx inqum bil-wieqfa jew nilwi saqajja. Il-ġilda tant kienet stirata li bżajt li se tiċċarrat.”

Ħafna jemmnu li nies b’karnaġġjon bjond biss, bħal Martin, għandhom joqogħdu attenti għal kemm iqattgħu ħin fix-xemx. Madankollu, filwaqt li nies b’karnaġġjon iktar skur qegħdin f’inqas riskju li jinħarqu bix-xemx, xorta waħda jistgħu jiżviluppaw kanċer tal-ġilda. U l-kanċer tagħhom spiss ma jindunawx bih sakemm jasal fi stat perikoluż. Perikli oħrajn marbutin ma’ tul taʼ ħin fix-xemx jinkludu ħsara lill-għajnejn u lis-sistema taʼ l-immunità, problemi li għandhom mnejn jitfaċċaw snin wara li tkun saret il-ħsara.

M’għandniex xi ngħidu, il-livell tar-raġġi tal-UV ġeneralment jogħla iktar ma wieħed joqrob lejn l-ekwatur. Għalhekk, dawk li jgħixu fit-Tropiċi jew fir-reġjuni taʼ madwarhom u dawk li jivvjaġġaw lejn dawn in-naħat għandhom jieħdu iktar prekawzjonijiet. Raġuni waħda għal dan hi li ġie rapportat li, fis-snin reċenti, is-saff taʼ l-ożonu protettiv taʼ l-atmosfera rqaq. Ejja neżaminaw xi ftit mill-perikli li jistgħu jirriżultaw jekk inqattgħu ħafna ħin fix-xemx.

Ħsara lill-Għajnejn

Daqs 15-il miljun ruħ madwar id-dinja huma għamjin minħabba l-katarretti, il-kaġun ewlieni fid-dinja li jwassal għat-telf tal-vista. Il-katarretti jiżviluppaw meta l-proteini fil-lenti taʼ l-għajn jinħallu, jitħabblu, u jiġimgħu pigmenti li jċajpru din l-istess lenti. Il-katarretti huma waħda mill-problemi li wieħed jistaʼ jiżviluppa jekk iqattaʼ ħafna snin espost għar-raġġi tal-UV. Fil-fatt, huwa kalkulat li sa 20 fil-mija mill-każi tal-katarretti jiżviluppaw jew imorru għall-agħar għax dak li jkun iqattaʼ perijodi twal taʼ ħin fix-xemx.

B’dispjaċir, l-inħawi viċin l-ekwatur, fejn ħafna jbatu bil-katarretti, jinkludu pajjiżi li qed jiżviluppaw u fejn il-biċċa l-kbira min-nies huma foqra. B’hekk, miljuni taʼ nies foqra fl-Afrika, fl-Asja, fl-Amerika Ċentrali, u fl-Amerika t’Isfel huma għamjin għaliex m’għandhomx il-mezzi biex iħallsu għall-operazzjoni tal-katarretti.

Ħsara lill-Ġilda

Madwar id-dinja, terz mill-każi tal-kanċer ikun kanċer tal-ġilda. Kull sena jiġu rapportati xi 130,000 każ ġdid taʼ melanoma, l-iktar tip perikoluż taʼ kanċer tal-ġilda. U jkun hemm bejn żewġ u tliet miljun każ ġdid taʼ kanċer ieħor tal-ġilda, bħal basal cell carcinomas u squamous cell carcinomas. Huwa stmat li jmutu xi 66,000 ruħ kull sena minħabba l-kanċer tal-ġilda.a

Id-dawl tax-xemx kif jagħmel il-ħsara lill-ġilda tiegħek? L-iktar effett qawwi, komuni, u magħruf li jġarrab xi ħadd li jqattaʼ ħafna ħin fix-xemx hu l-ħruq, jew l-eritema. L-effetti immedjati tal-ħruq jistgħu jdumu diversi ġranet u jistgħu jwasslu biex il-ġilda timtela bil-bżieżaq u titqaxxar.

Meta dak li jkun jinħaraq bix-xemx, ir-raġġi tal-UV joqtlu l-maġġuranza miċ-ċelluli fis-saff taʼ barra tal-ġilda u jagħmlu l-ħsara lis-saffi taʼ taħt. Kwalunkwe bidla fil-kulur tal-ġilda taʼ individwu minħabba li jkun qattaʼ ħafna ħin fix-xemx hija sinjal taʼ ħsara. Il-kanċer jistaʼ jiżviluppa jekk issir ħsara lid-DNA tal-ġeni li jikkontrollaw it-tkabbir u t-tqassim taċ-ċelluli tal-ġilda. Id-dawl tax-xemx ibiddel ukoll il-mod kif tinħass il-ġilda u jdgħajjef l-elastiċità tagħha. Dan iwassal lil dak li jkun biex jitkemmex qabel il-waqt, kif ukoll jitbenġel malajr.

Ħsara lis-Sistema taʼ l-Immunità

Xi studji wrew li meta l-ġilda tassorbi ħafna raġġi tal-UV, l-attivitajiet taʼ ċerti partijiet fis-sistema taʼ l-immunità taʼ persuna jiġu effettwati bl-ikrah. Dan forsi jnaqqas l-abbiltà li għandu l-ġisem biex jiddefendi lilu nnifsu kontra xi mard. Ġie notat li anki meta tqattaʼ ħin moderat fix-xemx, iżżid ir-riskju taʼ infezzjonijiet minħabba l-batterji, il-fungu, il-parassiti, jew viruses. Ħafna nies jinnotaw li meta jkunu fix-xemx spiss toħorġilhom cold sore, jew herpes simplex, marda li tikkaġuna nfafet żgħar fix-xofftejn. Rapport taʼ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jispjega li kategorija waħda tad-dawl ultravjola, magħrufa bħala UVB, “donnha tnaqqas l-effettività tas-sistema taʼ l-immunità—fil-każ taʼ cold sores ma tkunx tistaʼ tikkontrolla l-virus Herpes simplex u dan iwassal biex l-infezzjoni tibqaʼ toħroġ.”

Għalhekk, fejn jidħol il-kanċer, id-dawl tax-xemx jistaʼ jikkaġuna l-ħsara b’żewġ modi. L-ewwel, billi jagħmel ħsara diretta lid-DNA u mbagħad billi jnaqqas l-abbiltà naturali tas-sistema taʼ l-immunità li tfejjaq din il-ħsara.

Għalhekk, irridu nieħdu prekawzjonijiet għaqlin sabiex ma nesponux ruħna żżejjed għax-xemx. Is-saħħa tagħna, u saħansitra ħajjitna, jistgħu jkunu fil-periklu.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar il-kanċer tal-ġilda, ara l-Awake! tat-8 taʼ Ġunju, 2005, paġni 3-10.

[Kaxxa f’paġna 11]

KIF TIPPROTEĠI LILEK INNIFSEK

◼ Illimita l-ħin li tqattaʼ fix-xemx bejn l-għaxra taʼ fil-għodu u l-erbgħa taʼ wara nofsinhar, meta r-raġġi tal-UV ikunu l-iktar qawwijin.

◼ Ipprova oqgħod fid-dell.

◼ Għatti dirgħajk u riġlejk bi ħwejjeġ li ma joqogħdux miegħek u li jgħattuk sew.

◼ Ilbes kappell kbir biex tipproteġi lil għajnejk, widnejk, wiċċek, u għonqok.

◼ Nuċċalijiet tax-xemx magħluqin mill-ġnub li jkunu taʼ kwalità tajba u li jipprovdu protezzjoni taʼ 99 fil-mija sa 100 fil-mija kontra l-UVA u l-UVB (kategoriji tad-dawl ultravjola) se jnaqqsu bil-kbir ir-riskju taʼ ħsara lill-għajnejn.

◼ Uża krema protettiva, li hi effettiva kontra varjetà kbira taʼ mikro-organiżmi u li jkollha protezzjoni minn taʼ l-inqas taʼ factor 15, u ibqaʼ ndilek sew kull sagħtejn.

◼ Il-WHO tirrikkmanda li nevitaw lampi u sodod apposta li jitfgħu raġġi tal-UV biex dak li jkun jismar kif ukoll il-ħwienet fejn jużawhom, għaliex jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ġilda.

◼ Kun żgur li tipproteġi t-trabi u t-tfal żgħar, għax il-ġilda tagħhom hi iktar delikata.

◼ Qatt torqod fix-xemx.

◼ Jekk tikbirlek xi għazza, nemxa, jew ponta li qed tinkwetak, tajjeb li tmur tara tabib.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja