Għandek Bżonn Iktar Ħin?
JEKK immarkajt it-tieni jew it-tielet għażla għall-biċċa l-kbira mill-mistoqsijiet li hawn fil-ġenb, probabbilment veru għandek bżonn iktar ħin. U m’intix waħdek. Kważi kullimkien in-nies huma taħt pressjoni biex jagħmlu dak li hemm bżonn isir—u dan forsi m’għandu xejn x’jaqsam maʼ dak li hu verament importanti għalihom. Minflok, jistaʼ jkollu x’jaqsam għalkollox maʼ li jlaħħqu mal-bżonnijiet taʼ dak il-ħin—isewwu l-karozza, jikkuntentaw lill-imgħallem, jieħdu ħsieb affarijiet mhux mistennijin. Hekk kif int tittratta kriżi wara oħra, għandek mnejn tħoss li m’għandekx kontroll fuq kif tqassam il-ħin tiegħek. Saħansitra tistaʼ tħoss li l-ħajja qed tgħaddi malajr mingħajr ma tesperjenzaha.
Naturalment, bejnek u bejn ruħek tgħid li dan hu kollu temporanju. Eventwalment, il-ħajja se tnaqqas il-pass, u se jkollok il-ħin biex tiffoka fuq l-affarijiet li tassew huma importanti għalik—l-affarijiet li jġibu skop u sodisfazzjon f’ħajtek kif ukoll f’dik tal-familja tiegħek u f’taʼ oħrajn. Imma meta? Jidher li se jkollok iktar ħin fl-iskeda tiegħek illum? Din il-ġimgħa? Ix-xahar id-dieħel?
B’mod realistiku, id-dinja taʼ madwarek x’aktarx li mhix se tnaqqas il-pass. Imma int tistaʼ tieħu azzjoni biex tagħmel il-ħin li għandek bżonn. Kif tistaʼ tagħmel dan?
[Kaxxa f’paġna 3]
Kemm spiss ikollok ħin għal affarijiet li huma verament importanti għalik?
◯ Kuljum
◯ Fi tmiem il-ġimgħa
◯ Kważi qatt
Matul ġurnata normali, int
◯ Tagħmel dak li tkun ippjanajt?
◯ Issegwi rutina taʼ bilfors li tfixkillek il-pjanijiet tiegħek?
◯ B’mod impulsiv tagħmel kulma jinqalaʼ?
Matul ġurnata normali, tħoss
◯ Li għandek kontroll fuq ħajtek?
◯ Li qiegħed taħt pressjoni biex tlaħħaq maʼ talbiet mhux raġunevoli?
◯ Li m’għandekx kontroll fuq ħajtek u tmur minn attività għal oħra?
Fi tmiem il-ġurnata, int issib li
◯ Tkun wettaqt l-affarijiet importanti?
◯ Tkun spiċċajt ix-xogħol neċessarju, forsi b’mod inadegwat?
◯ Ma kellekx ħin għal dak li hu tassew importanti?
Kif tħossok normalment fi tmiem il-ġurnata?
◯ Sodisfatt u kuntent
◯ Bla ħeġġa, għajjien, u stressat
◯ Frustrat