Kif Tistaʼ Tikkontrolla Ħinek
“Għal kollox hemm żmien stabbilit.” —Ekkleżjasti 3:1.
SABIEX tagħmel il-ħin għal affarijiet importanti, għandek bżonn tkun taf x’inhuma dawn l-affarijiet. Dan ikun eħfef jekk ikollok fehma ċara tal-valuri tiegħek, il-miri tiegħek, u l-attivitajiet speċifiċi li jappoġġawhom.
L-ewwel, mela, iċċara l-valuri tiegħek. Tistaʼ tipprova tniżżel bil-miktub kull valur li jiġik f’moħħok, bħall-familja, il-ħbiberija, ix-xogħol iebes, l-edukazzjoni, is-suċċess, id-dehra tajba, il-flus, il-ferħ, iż-żwieġ, il-qalb tajba, is-saħħa fiżika, is-saħħa spiritwali. Imbagħad staqsi lilek innifsek, ‘Liema minn dawn il-valuri huma l-iktar importanti għalija?
Wara dan, ikkunsidra l-miri kollha li tixtieq tilħaq fil-ħajja. X’inhi d-differenza bejn il-valuri u l-miri? F’dan il-kuntest, nistgħu ngħidu li l-valuri huma dejjiema, filwaqt li l-miri jistgħu, f’xi waqt, jintlaħqu u jiġu mmarkati bħala li huma lesti.
Liema miri tistaʼ tagħmel għalik innifsek? Trid tqattaʼ iktar ħin mal-familja tiegħek? Issib xogħol iktar adattat? Ittejjeb l-abbiltajiet tiegħek f’passatemp favorit? Issib passatemp ġdid? Tiżviluppa ċerta kwalità? Tmur vaganza? Taqra ktieb? Tikteb ktieb?
Imbagħad iddeċiedi liema minn dawn il-miri huma l-iktar importanti għalik. Kun ċert li jaqblu mal-valuri tiegħek. Pereżempju, jekk tagħmel il-mira li ssir sinjurun, x’aktarx li se ġġib konflitt f’ħajtek.
Issa għall-miri li għażilt, ikkunsidra għadd t’attivitajiet li jistgħu jgħinuk tilħaq kull mira. Pereżempju, jekk waħda mill-miri tiegħek hi li titlef ċertu ammont taʼ piż, l-eżerċizzju hu attività li tistaʼ tgħinek tagħmel dan.
Din l-Analisi Kif Tistaʼ Tgħinek?
Jekk il-miri tiegħek jaqblu mal-valuri tiegħek u tagħmel l-attivitajiet li jistgħu jgħinuk tilħaq il-miri tiegħek, ħajtek se tieħu direzzjoni waħda. Se ssib li se tqattaʼ iktar ħin fuq dak li hu importanti għalik. Naturalment, dan ma jfissirx li għandek tkun insensittiv għall-bżonnijiet u x-xewqat t’oħrajn. (Filippin 2:4) Ifisser li se tkun iktar kapaċi tidentifika u tirrifjuta opportunitajiet li xejn m’għandhom x’jaqsmu maʼ dak li hu verament taʼ siwi.
Irridu nammettu li se jkun hemm xi sfidi. Xi xogħlijiet għandhom mnejn ma jkunux daqshekk importanti, imma xorta waħda jkunu neċessarji. Dawn jistgħu jimlewlek il-ġurnata tiegħek, u jħallu ftit jew xejn ħin għal dak li hu l-iktar importanti għalik. Jistgħu jinqalgħu xi emerġenzi. U ċerti bidliet f’ħajtek jistgħu jfixklu l-iskeda tiegħek. Imma billi tieħu passi prattiċi biex tqattaʼ iktar ħin fuq l-affarijiet li huma importanti għalik, se jkollok iktar kontroll fuq kif tqattaʼ l-ħin tiegħek u tgħix ħajtek.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
JIFFRANKAW IL-ĦIN ID-DJARJI ELETTRONIĊI?
Jiffrankaw il-ħin għal xi wħud, imma jaħlu l-ħin għal oħrajn. Pereżempju, assistent diġitali persunali, jew PDA, jistaʼ jinkludi kalendarju, lista taʼ numri tat-telefon u indirizzi, listi taʼ x’għandek tagħmel, programm fejn tikteb, fejn iżżomm in-noti, kamera, u aċċess għall-e-mail u għall-Internet. Tistaʼ tuża tagħmir bħal dan biex tiffranka l-ħin jekk iżżommu aġġornat u ġġorru miegħek. Madankollu, tistaʼ faċilment taħli l-ħin jekk tagħmel ħafna tfittix, teftif, jew tibdil bla siwi jew jekk tixtri aċċessorji mhux neċessarji jew tħalli l-użu tal-apparat ifixkel relazzjonijiet jew responsabbiltajiet importanti.
Suġġeriment: Agħmel riċerka qabel ma tixtri. Jekk apparat elettroniku spiss ma jaħdimx tajjeb, ikun hemm bżonn ħafna ħin biex issewwih. Ukoll, kull apparat elettroniku hu tajjeb daqs min jużah. Għalhekk, jekk għandek wieħed, użah biex tiffranka l-ħin, mhux biex taħlih.
[Stampa f’paġni 4, 5]
Tistaʼ tagħmel il-ħin għal affarijiet li huma importanti għalik?