Kif Tilħaq il-Miri Spiritwali Tiegħek
1. Liema miri spiritwali għandhom ħafna żgħażagħ Kristjani?
1 Bħala żagħżugħ Kristjan, bla dubju l-miri tiegħek fil-ħajja huma influwenzati mill-imħabba li għandek għal Ġeħova u mill-kliem taʼ Ġesù lill-Kristjani kollha biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mt. 6:33) Il-mira tiegħek tistaʼ tkun biex tespandi l-ministeru tiegħek billi taqdi bħala pijunier jew fejn il-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna huwa akbar. Xi wħud jistaʼ jkollhom f’moħħhom li jaqdu bħala volontieri fix-xogħol tal-bini internazzjonali, jaqdu f’xi fergħa, jew jaqdu bħala missjunarji. Kemm huma miri li jġibu sodisfazzjon u taʼ min ifaħħarhom!
2. X’jistaʼ jgħinek tilħaq il-miri spiritwali tiegħek?
2 Mod wieħed li jistaʼ jgħinek tilħaq il-miri spiritwali tiegħek huwa billi tiktibhom. It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 2004, qal: ‘Idea mċajpra tibda tidher iktar ċara u ovvja meta tesprimiha bil-kliem. Għalhekk, forsi tkun tixtieq tniżżel bil-miktub il-miri tiegħek u l-mod kif se twettaqhom, u tagħmel lista taʼ l-ostakli li jistgħu jinqalgħu kif ukoll tal-modi kif tegħlibhom.’ Barra minn hekk, miri oħrajn jistgħu jgħinuk tara xi progress qed tagħmel u tibqaʼ ffokat hekk kif issus wara mira li ddum iktar biex tintlaħaq.
3. Semmi xi miri li jintlaħqu malajr u li jistgħu jgħinu lil dak li jkun biex jikkwalifika għall-magħmudija.
3 Miri li Jintlaħqu Malajr: Jekk int għadek ma tgħammidtx, ikkunsidra x’għandek bżonn tagħmel biex tilħaq din il-mira. Jistaʼ jkollok bżonn fehma aħjar tat-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Jekk inhu hekk, agħmilha l-mira tiegħek biex tistudja l-ktieb X’Tgħallem il-Bibbja? bir-reqqa billi tfittex l-iskritturi ċitati kollha. (1 Tim. 4:15) Agħmel mira wkoll biex taqra l-Bibbja kollha minn Ġenesi sa Rivelazzjoni, kif il-Beteliti u l-istudenti taʼ Gilgħad huma mitluba jagħmlu. Wara dan, żomm maʼ programm regulari taʼ qari kuljum tal-Bibbja. (Salm 1:2, 3) Immaġina kemm dan jistaʼ jgħinek tikber spiritwalment! Iftaħ u agħlaq b’talba mill-qalb kull darba li tistudja u taqra silta mill-Bibbja, u dejjem ħabrek biex tapplika dak li titgħallem.—Ġak. 1:25.
4. Liema miri li jintlaħqu malajr jistaʼ jagħmel Kristjan li għandu mira li ddum iktar biex tintlaħaq, bħal li jaqdi f’Betel jew fis-servizz missjunarju?
4 Jekk int diġà mgħammed, liema miri oħrajn tistaʼ tilħaq? Għandek bżonn ittejjeb l-abbiltajiet tiegħek fl-ippridkar? Per eżempju, tistaʼ tagħmilha l-mira tiegħek biex issir iktar tas-sengħa meta tuża l-Kelma t’Alla fil-ministeru taʼ l-għalqa? (2 Tim. 2:15) Kif tistaʼ tespandi l-ministeru tiegħek? Agħmel miri speċifiċi li jintlaħqu malajr u li huma skond l-età u ċ-ċirkustanzi tiegħek. B’hekk, se tiġi megħjun tilħaq miri li jdumu iktar biex jintlaħqu.
5. Il-fatt li għamel miri li jintlaħqu malajr, wieħed ħu kif ġie megħjun biex jilħaq il-mira tiegħu li jaqdi f’Betel?
5 Ġrajja taʼ Suċċess: Meta Tony, li kellu 19-il sena, żar l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova, hu ġie mqanqal li jmur jaqdi f’Betel. Madankollu, ħajtu ma kinitx xi waħda eżemplari, u kien għadu lanqas biss iddedika ruħu lil Alla. Tony iddeċieda li jġib ħajtu fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova u għamel mira li jikkwalifika għall-magħmudija. Wara li laħaq din il-mira, hu għamel mira li jsir pijunier awżiljarju u wara pijunier regulari, u mmarka fuq il-kalendarju tiegħu d-dati meta xtaq jibda. Immaġina l-ferħ li kellu wara li kien ilu pijunier għal xi żmien u ġie mistieden jaqdi f’Betel!
6. X’jistaʼ jgħinek tilħaq il-miri spiritwali tiegħek?
6 Int ukoll tistaʼ tilħaq il-miri spiritwali tiegħek hekk kif tkompli tfittex l-interessi tas-Saltna l-ewwel. Ħalli f’idejn Ġeħova “l-ħidma tiegħek” permezz tat-talb u stinka bil-għaqal biex tilħaqhom.—Prov. 16:3; 21:5.