Żgħażagħ—X’Inhuma L-Miri Spiritwali Tagħkom?
1 Jehovah jaf kemm ix-xogħol taʼ fejda u l-miri li jistgħu jintlaħqu huma importanti biex iġibu l-hena. (Ara Ġenesi 1:28; 2:15, 19.) Illum, Jehovah ta lill-poplu tiegħu l-inkarigu li jippriedka u jgħallem. Aħna għandna wkoll il-mira aħħarija li niksbu ħajja li ma tispiċċa qatt fil-Ġenna taʼ l-Art. Sadattant, jeħtieġ li nistabbilixxu miri spiritwali progressivi jekk irridu nevitaw li nużaw b’mod żvijat l-enerġiji u r-riżorsi tagħna.—1 Kor. 9:26.
2 Miri Realistiċi Għaż-Żgħażagħ: Iż-żgħażagħ għandhom ikollhom miri teokratiċi li jistgħu jilħquhom skond il-kapaċitajiet individwali tagħhom. (1 Tim. 4:15) Xi wħud żgħar ħafna laħqu l-mira taʼ li jitgħallmu jgħidu l-kotba tal-Bibbja saħansitra qabel ma tgħallmu jaqraw. Permezz taʼ l-istudju tal-familja, it-tfal jitgħallmu jippreparaw għal-laqgħat sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri taʼ li jagħmlu kummenti taʼ fejda u li jinkitbu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Meta t-tfal jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom fis-servizz taʼ l-għalqa, huma jitgħallmu jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda hekk kif jimxu ’l quddiem lejn il-mira taʼ li jsiru pubblikaturi mhux mgħammdin. Il-ġenituri għandhom ipoġġu quddiem uliedhom żgħar il-mira tad-dedikazzjoni u l-magħmudija.
3 Jekk int żagħżugħ, x’jinkludu l-miri spiritwali tiegħek? “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek” billi tiffoka fuq il-miri verament importanti fil-ħajja. (Koħ. 12:1; Salm 71:17) Għala ma taqdix bħala pijunier awżiljarju matul ix-xhur li ma jkollokx skola? Ħsibt dwar li tidħol fil-ministeru full-time bħala pijunier regulari? Xi ngħidu dwar li titgħallem lingwa ġdida sabiex fil-ġejjieni tkun tistaʼ tgħin lil xi grupp jew kongregazzjoni li jitkellmu b’lingwa barranija fl-inħawi fejn toqgħod jew x’imkien ieħor? Ħafna li llum qegħdin jaqdu f’Betel jew bħala indokraturi li jivvjaġġaw jew missjunarji poġġew is-servizz speċjali full-time bħala l-mira tagħhom meta kienu għadhom l-iskola. Għala ma tagħmilx l-istess int ukoll?
4 Waqt li għadek t’età tenera, stinka biex timita l-eżempju taʼ Ġesù. Saħansitra fl-età żgħira taʼ 12-il sena, hu tkellem bil-libertà dwar affarijiet spiritwali. (Luqa 2:42-49, 52) Li tagħmilha l-mira taʼ benefiċċju għalik li tagħmel studju persunali, li taqra l-Bibbja kuljum, u li tissieħeb regolarment maʼ Kristjani maturi fil-laqgħat u fis-servizz se jgħinek biex tikseb is-sengħa li tgħallem lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla kif kien jagħmel Ġesù.