Il-miri huma bħal pjanta taʼ perit; jekk tagħmel sforz jistgħu jsiru realtà
GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
12 Agħmel miri
DAN XI JFISSER
Mira hi ħafna iktar minn ħolma—xi ħaġa li tittama li ssir reali. Il-miri jinvolvu li tippjana, tkun flessibbli, u li taqtaʼ bi snienek billi taħdem iebes.
Hemm miri li jistgħu jintlaħqu malajr, forsi fi ftit ġranet jew ġimgħat, oħrajn li jistgħu jieħdu xhur, u jerġaʼ oħrajn jistgħu jieħdu sena jew iktar. Miri li jieħdu iktar żmien jistgħu jintlaħqu billi dak li jkun jilħaq diversi miri iżgħar li jwasslu għall-mira finali.
GĦALA HU IMPORTANTI
Li tilħaq il-miri se jgħinek ikollok iktar fiduċja fik innifsek, ħbiberiji iktar b’saħħithom, u tkun iktar ferħan.
Fiduċja fik innifsek: Meta tagħmel miri żgħar u tilħaqhom, se jkollok biżżejjed kunfidenza biex tilħaq miri ikbar. Ukoll, tħossok iktar fiduċjuż fik innifsek meta tiffaċċja l-isfidi taʼ kuljum, bħal li tibqaʼ sod minkejja pressjoni minn dawk taʼ madwarek.
Il-ħbiberiji: Kulħadd jieħu pjaċir ikun imdawwar b’nies li jafu xi jridu u li lesti li jaħdmu biex jilħqu l-miri tagħhom. Iktar minn hekk, waħda mill-aqwa affarijiet kif issaħħaħ ħbiberija hi billi taħdmu għall-istess mira.
Il-ferħ: Meta tagħmel miri u tilħaqhom, tħossok sodisfatt.
“Nieħu pjaċir ikolli miri. Iżommuni okkupat u dejjem ikolli xi ħaġa oħra għal xiex nirsisti. U meta tilħaq mira u tħares lura, tħossok veru sew u tgħid, ‘Illaħwa, irnexxieli nagħmilha!’”—Christopher.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jekk tistenna sakemm ir-riħ u t-temp ikunu eżatt kif tridhom, qatt m’int se tiżraʼ xi ħaġa u qatt m’int se taħsad xejn.”—Ekkleżjasti 11:4, Today’s English Version.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Ħu dawn il-passi biex tagħmel miri u tilħaqhom.
Ara x’miri tixtieq tilħaq. Agħmel lista taʼ miri li tistaʼ tilħaq u agħżel fuq liema se taħdem l-ewwel, it-tieni, it-tielet, u tibqaʼ sejjer, skont il-prijorità.
Ippjana. Għal kull mira, agħmel dan:
Agħmel data realistika taʼ meta trid tilħaqha.
Ippjana l-passi li huma involuti.
Aħseb f’xi diffikultajiet li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom, u kif se tegħlibhom.
Ħu azzjoni. Toqgħodx tistenna sakemm ikollok kollox ippjanat sal-inqas dettall biex tibda. Saqsi lilek innifsek, ‘X’inhi l-ewwel ħaġa li nistaʼ nagħmel biex nilħaq il-mira tiegħi?’ Imbagħad agħmilha. Wara li tlesti kull pass, ħu nota tal-progress tiegħek.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.