LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/10 pp. 12-14
  • Kif Tkampa mat-Temtim

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tkampa mat-Temtim
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Jikkaġuna t-​Temtim?
  • Għajnuna Għal Min Itemtem
  • Kun Realistiku
  • Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Stenbaħ!—2010
g 7/10 pp. 12-14

Kif Tkampa mat-​Temtim

“Meta ntemtem nibda nħossni ansjuż, u b’hekk intemtem saħansitra iżjed. Ikun bħallikieku ninsab f’bir fond li ma nistax noħroġ minnu. Darba mort għand psikologa għall-​għajnuna. Din qaltli li kelli bżonn insib tfajla biex nagħmel l-​att sesswali magħha, u b’hekk ikolli iktar stima tiegħi nnifsi! M’għandniex xi ngħidu, ma rġajtx mort lura għandha. Nixtieq biss li n-​nies jaċċettawni kif jien.”—Rafael, 32 sena.

IMMAĠINA kif tħossok kieku biex sempliċement titlob biljett għal tal-​linja jibda jxoqq l-​għaraq għalik, u meta titkellem, spiss teħel fuq xi kelma billi ttenni l-​ewwel ittra. Dan jiġri lil madwar 60 miljun individwu mad-​dinja kollha—1 minn kull 100—li jtemtmu. Dawn spiss ikunu vittmi taʼ twaqqigħ għaċ-​ċajt u diskriminazzjoni. Saħansitra forsi jitqiesu bħala inqas intelliġenti għax jissostitwixxu kliem tqil maʼ kliem iktar sempliċi li jkunu jistgħu jippronunzjawh.

X’jikkaġuna t-​temtim? Hemm rimedju għalih? Hemm xi ħaġa li individwu li jtemtem jistaʼ jagħmel biex ikun iktar fluwenti?a U oħrajn x’jistgħu jagħmlu biex ikunu t’għajnuna?

X’Jikkaġuna t-​Temtim?

Xi nies tal-​qedem kienu jemmnu li t-​temtim kien kaġunat minn spirti mill-​agħar u kellu jsir l-​eżorċiżmu biex jitkeċċew. Skont in-​nies tal-​Medju Evu, l-​ilsien kien jaħti. X’kien ir-​“rimedju”? Ħadid jikwi u ħwawar pikkanti! Fis-​sekli taʼ wara, il-​kirurgi kienu jaqtgħu n-​nervituri u l-​muskoli tal-​ilsien u saħansitra kienu jneħħu t-​tunsilli biex isolvu l-​problema tat-​temtim. Iżda dawn il-​metodi ħorox kollha fallew.

Riċerka li saret fi żmienna tindika li jistaʼ jkun hemm diversi fatturi li jikkaġunaw it-​temtim u mhux kaġun wieħed biss. Fattur wieħed jistaʼ jkun ir-​reazzjoni taʼ persuna meta tkun taħt stress. Fattur ieħor jistaʼ jkun il-​ġenetika. Fil-​fatt, madwar 60 fil-​mija min-​nies li jtemtmu għandhom xi qraba bl-​istess problema. Iktar minn hekk, ir-​riċerka bl-​użu tal-​immaġni medika turi li l-​moħħ taʼ individwu li jtemtem jipproċessa l-​lingwa b’mod differenti. Fil-​ktieb tiegħu, Understanding Stuttering, Dr. Nathan Lavid jgħid li xi wħud “għandhom mnejn jibdew jitkellmu qabel ma moħħhom jiddettalhom kif għandu jiġi pronunzjat il-​kliem.”b

Għalhekk, il-​kaġun ewlieni tat-​temtim mhux bilfors ikun wieħed psikoloġiku, bħalma kienu jaħsbu qabel. Il-​ktieb No Miracle Cures jgħid: “Fi kliem ieħor, mhuwiex possibbli li tikkura t-​temtim f’qasir żmien billi tipprova tikkonvinċi lill-​individwu li jtemtem li jistaʼ jirnexxilu jieqaf itemtem.” Madankollu, jistaʼ jagħti l-​każ li n-​nies li jtemtmu jiżviluppaw problemi psikoloġiċi minħabba l-​kundizzjoni tagħhom. Pereżempju, huma għandhom mnejn jibżgħu minn ċerti sitwazzjonijiet bħal li jitkellmu fil-​pubbliku jew fuq it-​telefon.

Għajnuna Għal Min Itemtem

Taʼ interess, in-​nies li jtemtmu normalment ftit li xejn itemtmu meta jkantaw, jitkellmu minn taħt l-​ilsien, jitkellmu waħedhom jew mal-​annimali tagħhom, jitkellmu f’ġemgħa taʼ nies, jew jimitaw lil oħrajn. Iktar minn hekk, 80 fil-​mija mit-​tfal li jtemtmu joħorġu minnha waħedhom, bla kura. Iżda xi ngħidu għall-​20 fil-​mija l-​oħrajn?

Illum jeżistu terapiji li jgħinu lil dak li jkun jitkellem sewwa u jsir iktar fluwenti. Xi tekniki jinvolvu li tirrilassa x-​xedaq, ix-​xofftejn, u l-​ilsien, u li tieħu n-​nifs mid-​dijaframma. Il-​pazjenti jistgħu jiġu mgħallmin ukoll jagħmlu xi “eżerċizzji żgħar.” Dawn jinvolvu li jieħdu nifsijiet iqsar mid-​dijaframma u jerħu ftit nifs qabel ma jibdew jitkellmu. Iktar minn hekk, jistgħu jiġu mħeġġin biex itawlu l-​vokali u ċerti konsonanti. Ir-​rata tad-​diskors tiżdied bil-​mod il-​mod hekk kif il-​persuna ssir iktar fluwenti.

Tekniki bħal dawn forsi tistaʼ titgħallimhom fi ftit sigħat. Iżda għandu mnejn ikun jeħtieġ eluf taʼ sigħat taʼ prattika biex jirnexxilek tuża dawn il-​metodi f’sitwazzjonijiet stressanti ħafna.

Minn kemm kmieni għandu jibda t-​taħriġ? Huwa għaqli li sempliċement tistenna u tara jekk it-​tfal joħorġux minnha waħedhom? L-​istatistiki jindikaw li inqas minn 20 fil-​mija mit-​tfal li jdumu ħames snin itemtmu joħorġu minnha waħedhom, bla kura. Il-​ktieb No Miracle Cures jgħid li “jekk sa sitt snin it-​tfal jibqgħu jtemtmu, x’aktarx li ma joħorġux minnha mingħajr terapija.” Il-​ktieb ikompli jgħid li b’hekk, it-​tfal li jtemtmu għandhom jaraw speċjalista malajr kemm jistaʼ jkun. Mill-​20 fil-​mija mit-​tfal li jkomplu jtemtmu sakemm isiru adulti, madwar 60 sa 80 fil-​mija jmorru tajjeb bit-​terapija.c

Kun Realistiku

Skont l-​ispeċjalista Robert Quesal, li hu nnifsu jtemtem, għal ħafna minn dawk li jtemtmu mhijiex mira realistika li jkunu fluwenti b’mod perfett f’kull ċirkustanza. Rafael, li ssemma fil-​bidu, ma rnexxilux jegħleb din il-​kundizzjoni kompletament, avolja hu sar iktar fluwenti. Hu jgħid: “Il-​problema tiegħi ssir iktar evidenti meta jkolli naqra jew nitkellem fil-​pubbliku, jew meta nkun fil-​kumpanija taʼ xi ħadd tas-​sess oppost li jkun attraenti. Qabel, kont konxju ħafna tiegħi nnifsi għax in-​nies kienu jgħadduni biż-​żmien. Madankollu, dan l-​aħħar ipprovajt naċċetta lili nnifsi kif jien u niħodha biċ-​ċajt. Għalhekk, illum il-​ġurnata x’aktarx nidħaq meta xi kelma ġġegħelni ntemtem, iżda mbagħad nipprova nikkalma u nibqaʼ għaddej.”

Il-​kummenti taʼ Rafael huma fi qbil maʼ dak li tgħid Il-​Fondazzjoni Amerikana tat-​Temtim, jiġifieri, li “tegħleb it-​temtim spiss huwa iktar kwistjoni taʼ li tegħleb il-​biżaʼ li ttemtem milli kwistjoni taʼ li tagħmel iżjed sforz.”

Ħafna minn dawk li qed jissieltu maʼ din il-​problema ma ħallewhiex iżommhom lura milli jkollhom skop fil-​ħajja. Xi wħud saħansitra saru famużi, inkluż l-​istudjuż tal-​fiżika Sir Isaac Newton, il-​politikant Ingliż Winston Churchill, u l-​attur Amerikan James Stewart. Oħrajn żviluppaw snajjaʼ li ma jinvolvux id-​diskors, bħal pereżempju, idoqqu xi strument, ipittru, jew jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali. Dawk minna li ma jtemtmux għandhom japprezzaw l-​isforz kbir li jagħmlu dawk li jtemtmu. Mela ejja nagħtuhom l-​inkuraġġiment u l-​appoġġ kollu li nistgħu.

[Noti taʼ taħt]

a Dan l-​artiklu huwa fil-​maskil għax iktar minn 80 fil-​mija min-​nies li jtemtmu huma tas-​sess maskil.

b Jeżistu xi teoriji dwar il-​kaġuni tat-​temtim u dwar terapiji adattati li filwaqt li għandhom xi elementi in komuni, mhux dejjem ikunu fi qbil. Stenbaħ! mhuwiex favur xi opinjoni jew terapija partikulari.

c F’ċerti każi, it-​terapisti jistgħu jissuġġerixxu li jintuża apparat elettroniku kontra t-​temtim li jġiegħel lil dak li jtemtem jismaʼ leħnu ftit wara li jkun beda jitkellem, jew xi kura li tnaqqas l-​ansjetà marbuta mal-​mod kif wieħed jitkellem.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 13]

KIF TISTAʼ TGĦIN LIL XI ĦADD LI JTEMTEM?

● Oħloq ambjent rilassanti u seren. Il-​ħajja mgħaġġla tal-​lum li hi tant mimlija pressjonijiet spiss tiggrava l-​problema.

● Minflok ma tgħid lil dak li jtemtem biex jitkellem bil-​mod, kun taʼ eżempju billi titkellem bil-​mod int stess. Ismaʼ bil-​paċenzja. Tinterrompix. Tispiċċax is-​sentenzi li jkun qed jgħid. Ħu pawsa qabel twieġeb.

● Evita li tikkritika u tikkoreġi. Uri interess f’dak li jgħid, u mhux kif jgħidu, billi b’mod xieraq tagħmel kuntatt bl-​għajnejn, bl-​espressjonijiet tal-​wiċċ, bil-​lingwaġġ tal-​ġisem, u bil-​kummenti.

● It-​temtim m’għandux ikun xi diżunur. Jekk titbissem u kultant tirrikonoxxi b’qalb tajba li għandu problema tistaʼ ġġiegħel lil dak li jtemtem iħossu iktar komdu. Forsi tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: “Kultant mhuwiex faċli ngħidu dak li nkunu rridu ngħidu.”

● Fuq kollox, urih li int taċċettah kif inhu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]

“NAQRA NAQRA BDEJT INTEMTEM INQAS”

Víctor, li dam itemtem għal diversi snin matul żmien taʼ inkwiet kbir fil-​familja, kien kapaċi jegħleb il-​problema tiegħu fid-​diskors mingħajr terapija. Minħabba li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hu nkiteb fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, li ssir kull ġimgħa f’kull kongregazzjoni. Għalkemm l-​għan tal-​iskola mhuwiex biex tipprovdi terapija li tgħin lil dak li jkun jitkellem sewwa, din l-​iskola tgħin lill-​istudenti jtejbu l-​abbiltà kif jitkellmu u jkunu iktar kunfidenti.

Il-​ktieb li jintuża jismu Benefit From Theocratic Ministry School Education (Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku). Taħt is-​sottitlu “Coping With Stuttering” (Kif Tkampa mat-​Temtim), il-​ktieb jgħid: “Hu importanti li tibqaʼ tipprova. . . . Jekk tkun se tagħti taħdita, ipprepara sew. Kun medhi fil-​mod kif se tagħti t-​taħdita tiegħek. . . . Jekk tibda ttemtem waqt li qed titkellem, kemm jistaʼ jkun, żomm leħnek u lilek innifsek kalm. Irrilassa l-​muskoli tax-​xedaq. Uża sentenzi qosra. Tantx tuża kliem bħal ‘emm’ u ‘eh.’”

Għenitu l-​iskola lil Víctor? Hu jiftakar u jgħid: “Tant kont nikkonċentra fuq dak li nkun se ngħid, u mhux kif se ngħidu, li kont ninsa li kelli problema. Barra minn hekk, kont nipprattika ħafna. Naqra naqra bdejt intemtem inqas.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja