STUDJU 4
Taħdita Mogħtija b’Mod Fluwenti
META taqra b’leħen għoli, titfixkel int f’ċerti espressjonijiet? Jew meta tidher quddiem udjenza biex tagħti taħdita, issib li spiss iddum tfittex għall-kliem xieraq? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun li għandek problema biex tkun fluwenti. Individwu fluwenti jaqra u jitkellem b’mod li kliemu u ħsibijietu joħorġu bla tbatija, mingħajr sforz. Dan ma jfissirx li hu jitkellem il-ħin kollu, li jitkellem b’ritmu mgħaġġel ferm, jew li jitkellem mingħajr ma jaħseb. Id-diskors tiegħu hu pjaċevoli u mlissen bil-ħlewwa. Fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tingħata attenzjoni speċjali għal kemm wieħed ikun fluwenti.
Hemm varjetà taʼ fatturi li jistgħu jwasslu biex individwu ma jkunx fluwenti. Għandek bżonn tagħti kas b’mod speċjali xi waħda minn dawn l-affarijiet li ġejjin? (1) Meta taqra lil oħrajn, il-fatt li ma tkunx familjari maʼ ċertu kliem jistaʼ jġiegħlek toqgħod taħsibha qabel titkellem. (2) Pawsi qosra u spissi jistgħu jirriżultaw f’diskors bl-iskossi. (3) Nuqqas taʼ preparazzjoni jistaʼ jkun wieħed mill-kaġuni tal-problema. (4) Fattur komuni li ma jħallix lil xi ħadd jitkellem b’mod fluwenti meta jkun quddiem grupp taʼ nies huwa li ma jkunx organizza l-materjal b’mod loġiku. (5) Vokabolarju limitat jistaʼ jwassal biex individwu joqgħod jaħsibha hekk kif ifittex għall-kliem xieraq li se juża. (6) L-enfasizzar taʼ ħafna kliem jistaʼ jfixkel persuna milli tkun fluwenti. (7) Li wieħed ma jkunx midħla tar-regoli tal-grammatika jistaʼ jikkontribwixxi għall-problema.
Jekk ma tkunx fluwenti, in-nies fl-udjenza fis-Sala tas-Saltna mhumiex se jitilqu ’l barra b’mod letterali, iżda se jiġu aljenati mentalment. B’hekk, ħafna minn dak li tgħid jistaʼ jintilef.
Mill-banda l-oħra, hija meħtieġa l-attenzjoni sabiex it-taħdita li tkun intenzjonata li tingħata b’ċerta forza u b’mod fluwenti ma ssirx b’mod dominanti u b’arroganza, forsi sal-punt li tkun imbarazzanti għall-udjenza. Jekk minħabba xi differenzi fl-isfond kulturali n-nies iħarsu lejn il-mod kif titkellem bħala li hu bla tattika jew nieqes mis-sinċerità, dan se jmewwet l-iskop tiegħek. Taʼ min jinnota li l-appostlu Pawlu, għalkemm kien kelliemi tal-esperjenza, kellem lill-Korintin “bid-dgħjufija u bil-biżaʼ u b’ħafna tregħid” sabiex ma jiġbidx l-attenzjoni lejh bla bżonn.—1 Kor. 2:3.
Prattiki li Għandek Tevita. Ħafna nies għandhom vizzju jgħidu espressjonijiet bħal “emm” meta jitkellmu. Oħrajn spiss jibdew xi ħsieb billi jgħidu “issa,” jew idaħħlu xi frażi, bħal “taf int” jew “qed tifhem,” f’kulma jkunu qed jgħidu. Jistaʼ jkun li m’intix konxju taʼ kemm tużahom spiss dawn l-espressjonijiet. Forsi tistaʼ tipprova tipprattika billi xi ħadd joqgħod jisimgħek u jirripeti dawn l-espressjonijiet warajk kull darba li tgħidhom. Għandek mnejn tibqaʼ skantat.
Xi nies jużaw ħafna ripetizzjonijiet meta jaqraw u jitkellmu. Dan jagħmluh billi jibdew sentenza u mbagħad iwaqqfu lilhom infushom f’nofsha u jirripetu minn tal-inqas biċċa minn dak li jkunu qalu diġà.
Jerġaʼ hemm oħrajn li jitkellmu b’ritmu tajjeb, iżda jibdew bi ħsieb wieħed u mbagħad f’nofs sentenza jaqilbu għal xi ħaġa oħra. Għalkemm il-kliem jiġi naturali, bdil ħesrem fil-ħsieb ifixkel milli wieħed ikun fluwenti.
Kif Tagħmel Titjib. Jekk il-problema tiegħek hi li spiss issib ruħek tfittex għall-kelma xierqa, għandek bżonn toqgħod attent u tagħmel sforz biex iżżid il-vokabolarju tiegħek. Agħti kas speċjalment taʼ kliem li m’intix midħla tiegħu fit-Torri tal-Għassa, Stenbaħ!, u pubblikazzjonijiet oħrajn li tkun qed taqra. Fittex dan il-kliem f’dizzjunarju, ara kif irid jiġi pronunzjat u ċċekkja t-tifsira, u żid xi ftit minn dan il-kliem mal-vokabolarju tiegħek. Jekk ebda dizzjunarju mhuwa disponibbli għalik, itlob l-għajnuna taʼ xi ħadd li jitkellem il-lingwa sewwa.
Sabiex titjieb ħudha drawwa li taqra b’leħen għoli regolarment. Agħti kas kliem diffiċli, u għidu b’leħen għoli għal diversi drabi.
Sabiex taqra b’mod fluwenti, jeħtieġ li tifhem kif il-kliem jorbot flimkien f’sentenza. Ġeneralment jeħtieġ li l-kliem jinqara fi gruppi sabiex jitwassal il-ħsieb li jrid jgħaddi l-kittieb. Agħti kas speċjalment għal ġabriet taʼ kliem bħal dawn. Jekk taħseb li jkun taʼ għajnuna, immarkahom. Il-mira tiegħek mhijiex sempliċement li taqra l-kliem b’mod korrett iżda anki li twassal il-ħsibijiet b’mod ċar. Wara li tanalizza sentenza waħda, għaddi għas-sentenza li jmiss sakemm tkun studjajt il-paragrafu kollu kemm hu. Sir midħla tal-ħsieb ġenerali. Imbagħad ipprattika billi taqra b’leħen għoli. Aqra l-paragrafu darba wara l-oħra sakemm tkun tistaʼ taqrah mingħajr ma titfixkel u mingħajr ma tagħmel pawsi bla bżonn. Imbagħad għaddi għal paragrafi oħrajn.
Wara dan, żid il-pass tiegħek. Jekk bdejt tifhem kif il-kliem f’sentenza jorbot flimkien, se tkun tistaʼ tara iktar minn kelma waħda kull darba u tantiċipa xi jkun ġej. Dan tassew se jgħin biex il-qari tiegħek ikun effettiv.
Id-drawwa regulari li taqra mingħajr preparazzjoni minn qabel tistaʼ tkun taʼ taħriġ siewi. Pereżempju, mingħajr ma tipprepara minn qabel, aqra l-iskrittura tal-jum u l-kummenti b’leħen għoli; agħmel dan fuq bażi regulari. Idra ħalli lil għajnejk jaraw il-kliem bħala ġabriet taʼ kliem li jesprimu ħsibijiet kompluti minflok ma jaraw kelma waħda biss kull darba.
Fil-konversazzjoni, li tkun fluwenti jirrikjedi li taħseb qabel titkellem. Ipprattika dan fl-attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Iddeċiedi liema ideat trid twassal u f’liema ordni trid tgħidhom, imbagħad ibda tkellem. Tgħaġġilx. Stinka biex tesprimi ħsieb komplut mingħajr ma tieqaf jew tbiddel il-ħsieb f’nofs sentenza. Għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li tuża sentenzi qosra u sempliċi.
Il-kliem normalment joħroġ naturali jekk tkun taf eżatt xi trid tgħid. Ġeneralment, m’hemmx għalfejn tagħżel il-kliem li se tuża. Fil-fatt, huwa aħjar li tiħodha drawwa li ddaħħal l-idea sew f’moħħok u mbagħad taħseb fil-kliem int u titkellem. Jekk tagħmel dan u jekk iżżomm l-idea f’moħħok minflok ma toqgħod taħseb fuq il-kliem li qed tgħid, il-kliem x’aktarx li se jiġik b’mod awtomatiku, u l-ħsibijiet tiegħek se jiġu espressi mill-qalb. Iżda malli tibda taħseb fuq il-kliem minflok fuq il-ħsibijiet, id-diskors tiegħek mhux se jkun effettiv. Bil-prattika, int jistaʼ jirnexxilek issir fluwenti, kwalità importanti biex tkun kelliemi u qarrej effettiv.
Meta ġie inkarigat biex jirrappreżenta lil Ġeħova quddiem il-ġens taʼ Israel u quddiem il-Fargħun tal-Eġittu, Mosè ħass li ma kienx kapaċi. Għala? Hu ma kienx kelliemi fluwenti; setaʼ kellu diffikultà fil-mod kif jitkellem. (Eżo. 4:10; 6:12) Mosè ġab l-iskużi, iżda l-ebda waħda minnhom ma kienet aċċettata minn Alla. Ġeħova bagħat lil Aron miegħu bħala kelliemi, iżda Hu għen ukoll lil Mosè jitkellem. Għal darba wara l-oħra u b’mod effettiv, Mosè tkellem kemm quddiem individwi u gruppi żgħar taʼ nies kif ukoll quddiem il-ġens kollu kemm hu. (Dt. 1:1-3; 5:1; 29:2; 31:1, 2, 30; 33:1) Jekk int tħabrek biex tagħmel titjib waqt li tafda f’Ġeħova, int ukoll tistaʼ tuża d-diskors tiegħek biex tonora lil Alla.