LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/10 pp. 18-21
  • Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Argument jew il-​Problema li Mhix Daqshekk Evidenti?
  • Tgħallem Solvi Jew Evita l-​Argumenti
  • Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?
    Stenbaħ!—2003
  • Għala għandi nagħmel paċi ma’ ħuti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Huwa Ħażin li Nkun Irrid Ftit Privatezza?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Stenbaħ!—2010
g 10/10 pp. 18-21

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?

Kif tqisha r-​relazzjoni tiegħek maʼ kull wieħed u waħda minn ħutek?

․․․․․ L-​aqwa ħbieb

․․․․․ Ġeneralment ningwalawha

․․․․․ Nissaportu lil xulxin

․․․․․ Niġġieldu l-​ħin kollu

XI AĦWA huma qrib ferm taʼ xulxin. Pereżempju, Felicia, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Oħti Irena, li għandha 16-​il sena, hi waħda mill-​aqwa ħbieb tiegħi.”a U Carly, li għandha 17-​il sena, tgħid hekk dwar ħuha Eric, li għandu 20 sena: “Tassew ningwalawha. Lanqas qatt ma niġġieldu.”

Mill-​banda l-​oħra, ħafna għandhom relazzjoni bħal dik taʼ Lauren u Marla. “Aħna niġġieldu għal kull ħaġa taʼ xejn.” tgħid Lauren. Jew għandek mnejn tħossok bħal Alice, li għandha 12-​il sena. Hi tgħid hekk dwar ħuha Dennis, li għandu 14-​il sena: “Itellagħhomli! Jaqbad u jidħol f’kamarti u jiħodli l-​affarijiet mingħajr ma jitlob permess. Qisu tifel żgħir!”

Hemm xi ħadd minn ħutek li jtellagħhomlok? M’għandniex xi ngħidu, il-​ġenituri għandhom ir-​responsabbiltà li jżommu l-​ordni fid-​dar. Madankollu, illum jew għada trid titgħallem tingwalaha maʼ oħrajn. Dan tistaʼ titgħallmu waqt li għadek id-​dar.

Aħseb ftit dwar it-​tilwim li kellek maʼ ħuk jew oħtok. Dwar xiex tiġġieldu l-​iktar? Ara l-​lista t’hawn taħt, u agħmel ✔ fil-​kaxxi li japplikaw, jew ikteb dwar liema tip t’argument iġiegħlek titbaqbaq!

□ L-​affarijiet persunali. Xi ħadd minn ħuti “jissellef” xi affarijiet mingħajr ma jitlob permess.

□ In-​nuqqas taʼ qbil minħabba l-​personalità. Xi ħadd minn ħuti jaġixxi b’egoiżmu jew b’nuqqas taʼ ħsieb jew jipprova jikkontrollali ħajti.

□ Il-​privatezza. Xi ħadd minn ħuti jidħol f’kamarti mingħajr ma jħabbat, jew jaqrali l-​e-​mails jew il-​messaġġi minn fuq il-​mobile mingħajr ma jitlob permess.

□ Affarijiet oħrajn. ․․․․․

Jekk xi ħadd minn ħutek idejqek billi l-​ħin kollu joqgħod jgħidlek x’għandek tagħmel jew billi jinvadi l-​privatezza tiegħek, forsi jkun diffiċli li ma tiġmax ir-​rabja ġo fik. Imma proverbju fil-​Bibbja jgħid: “Meta tagħsar imnieħrek joħroġ id-​demm, u meta tagħsar ir-​rabja joħroġ it-​tilwim.” (Proverbji 30:33) Sewwasew bħalma għandek mnejn tinfaraġ jekk tagħsar imnieħrek, hekk ukoll, jekk iżżomm fil-​komma tistaʼ tasal biex tinfexx f’dagħdigħa taʼ rabja. Imbagħad il-​problema se tiggrava. (Proverbji 26:21) Kif tistaʼ tevita li r-​rabja tinbidel f’argument sħun? L-​ewwel pass hu li tidentifika l-​problema reali.

L-​Argument jew il-​Problema li Mhix Daqshekk Evidenti?

Il-​problemi fost l-​aħwa huma bħall-​ponot. L-​evidenza li hemm ponta tkun daqsxejn taʼ ħmura li tagħti fil-​għajn, imma l-​kaġun tagħha jkun infezzjoni li ma tidhirx. Bl-​istess mod, argument sħun bejn l-​aħwa spiss ikun biss l-​evidenza li hemm problema li mhix daqshekk evidenti.

Tistaʼ teħles minn ponta billi tifqagħha. Madankollu, int tkun sempliċement ħlist mis-​sintomu, u jistaʼ jkun li tħalli xi marka jew tiggrava l-​infezzjoni. L-​aħjar li tagħmel hu li tikkura l-​infezzjoni, u b’hekk tevita li jitilgħulek iktar ponot. L-​istess jistaʼ jingħad meta jkollok problemi maʼ ħutek. Tgħallem identifika l-​problema li mhix daqshekk evidenti, u b’hekk tevita t-​tilwim u tmur mill-​ewwel f’ras il-​għajn. Ukoll, jistaʼ jirnexxilek tapplika l-​parir tas-​sultan għaref Salamun, li kiteb: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu.”—Proverbji 19:11.

Pereżempju, Alice, li ssemmiet qabel, qalet hekk dwar ħuha Dennis, “Jaqbad u jidħol f’kamarti u ‘jissellef’ l-​affarijiet mingħajr ma jitlob permess.” Dan hu l-​argument. Imma x’taħseb li hi verament il-​problema? X’aktarx li għandha x’taqsam mar-​rispett.b

Alice setgħet issolvi din il-​problema billi tgħid lil Dennis biex qatt iktar ma jerġaʼ jidħol f’kamritha jew juża l-​affarijiet tagħha. Imma din is-​soluzzjoni ssolvi biss is-​sintomu u x’aktarx li twassal għal iktar tilwim. Madankollu, li kieku Alice kellha tikkonvinċi lil Dennis biex jirrispetta l-​privatezza u l-​affarijiet persunali tagħha, bla dubju r-​relazzjoni taʼ bejniethom titjieb.

Tgħallem Solvi Jew Evita l-​Argumenti

M’għandniex xi ngħidu, li tidentifika l-​problemi li mhumiex daqshekk evidenti li għandek maʼ xi ħadd minn ħutek huwa biss parti mis-​soluzzjoni. X’tistaʼ tagħmel biex issolvi l-​problema u tevita li jkollok xi argument ieħor fil-​futur? Ipprova applika dawn is-​sitt passi.

1. Ftiehem fuq ċerti regoli bażiċi. Is-​Sultan Salamun kiteb, “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali.” (Proverbji 15:22) Sabiex tevita l-​frustrazzjoni, ħares lura u ara x’kien li kkaġuna l-​argument li nqalaʼ bejnek u bejn xi ħadd minn ħutek. Ara jekk flimkien tistgħux tagħmlu xi regoli li t-​tnejn li intom taqblu fuqhom u li jkunu taʼ soluzzjoni għall-​problema li mhix daqshekk evidenti. Pereżempju, jekk tiġġieldu fuq l-​affarijiet persunali, Regola numru 1 tistaʼ tkun: “Dejjem itlob permess qabel ma tieħu xi ħaġa li mhix tiegħek.” Regola numru 2 tistaʼ tkun: “Irrispetta l-​fatt li ħutek għandhom dritt jgħidulek ‘Le, ma tistax tużah dak l-​oġġett.’” Meta tagħmel dawn ir-​regoli, ftakar fil-​kmand taʼ Ġesù li jgħid: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) B’dan il-​mod, se tagħmlu regoli li sew int u sew ħuk jew oħtok tistgħu tirrispettaw. Imbagħad, iddiskutu mal-​ġenituri tagħkom biex tkunu żguri li huma japprovaw il-​ftehim li tkunu lħaqtu bejnietkom.—Efesin 6:1.

2. Żomm mar-​regoli int stess. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Int, mela, li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int li tippriedka ‘Tisraqx,’ tisraq int?” (Rumani 2:21) Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Pereżempju, jekk trid li xi ħadd minn ħutek jirrispetta l-​privatezza tiegħek, daqshekk ieħor jeħtieġ li int tħabbat qabel ma tidħol fil-​kamra taʼ ħuk jew oħtok jew li titlob permess qabel ma taqra l-​e-​mails jew il-​messaġġi fuq il-​mobile tiegħu jew tagħha.

3. Tiħux għalik malajr. Dan għala hu parir għaqli? Għax bħalma jgħid proverbju fil-​Bibbja, “l-​istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.” (Ekkleżjasti 7:9) Jekk int tieħu għalik malajr, ħajtek se tkun miżerabbli. M’għandniex xi ngħidu, se jkun hemm drabi meta ħuk jew oħtok se jagħmlu jew jgħidu affarijiet li jdejquk. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Jien ġieli għamilt xi ħaġa simili lil ħija jew lil oħti fil-​passat?’ (Mattew 7:1-​5) Jenny tgħid: “Meta kelli 13-​il sena kont naħseb li l-​opinjoni tiegħi kienet l-​iktar waħda importanti u għandha tinstemaʼ. Oħti ż-​żgħira issa għaddejja minn fażi simili. Għalhekk, nipprova ma niħux għaliha.”

4. Aħfer u Insa. Il-​problemi serji għandhom jiġu diskussi u solvuti. Imma hemm għalfejn toqgħod tħaqqaqha maʼ xi ħadd minn ħutek għal kull żball li jagħmel? Alla Ġeħova japprezza meta int tkun lest li ‘tħalli nuqqas għaddej.’ (Proverbji 19:11) Alison, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Oħti Rachel u jien ġeneralment jirnexxilna nsolvu d-​differenzi taʼ bejnietna. It-​tnejn li aħna nkunu lesti li niskużaw ruħna malajr u mbagħad niddiskutu x’setaʼ kien il-​kaġun tan-​nuqqas taʼ qbil bejnietna. Kultant, inħalli dik il-​ġurnata tgħaddi qabel ma niddiskuti xi problema. U ħafna drabi, l-​għada filgħodu jkun qisu qatt ma ġara xejn, tant li lanqas biss ikolli għalfejn niddiskuti l-​problema.”

5. Dur lejn il-​ġenituri tiegħek għall-​għajnuna. Jekk int u xi ħadd minn ħutek ma tkunux tistgħu ssolvu xi kwistjoni importanti, il-​ġenituri jistgħu jgħinukom tagħmlu paċi. (Rumani 14:19) Madankollu, ftakar li meta jirnexxilek issolvi xi argument mingħajr ma jkollok għalfejn tinvolvi lill-​ġenituri tiegħek, tkun għamilt pass importanti f’ħajtek—għax turi li tassew qed timmatura.

6. Apprezza l-​kwalitajiet tajbin taʼ ħutek. X’aktarx li ħutek għandhom kwalitajiet li tammira. Niżżel bil-​miktub ħaġa waħda li tapprezza f’kull wieħed minn ħutek.

Isem X’napprezza

․․․․․ ․․․․․

Minflok ma tiffoka żżejjed fuq in-​nuqqasijiet taʼ ħutek, għala ma tiħux l-​opportunità biex tgħidilhom x’tammira fihom?—Salm 130:3; Proverbji 15:23.

Fatt tal-​ħajja: Meta titlaq mid-​dar, xi drabi se tkun imdawwar b’nies li jirritawk—sħabek tax-​xogħol u nies oħrajn li jkunu maledukati, insensittivi, u egoisti. Id-​dar hija l-​post ideali biex titgħallem tiffaċċja dawn l-​isfidi b’mod paċifiku. Jekk issibha diffiċli li tingwalaha maʼ xi ħadd minn ħutek, kun pożittiv. Dak ħuk jew oħtok tkun qed tgħinek tiżviluppa kwalitajiet taʼ valur li se jkollok bżonnhom iktar tard fil-​ħajja!

Il-​Bibbja tirrikonoxxi li l-​aqwa ħabib li jistaʼ jkollok mhux bilfors ikun ħuk jew oħtok. (Proverbji 18:24) Imma int tistaʼ ssaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ ħutek jekk ‘tkomplu tissaportu lil xulxin,’ saħansitra anki meta jagħtuk raġuni valida ‘għalxiex tilmenta.’ (Kolossin 3:13) Jekk tagħmel hekk, x’aktarx li ħutek se jirritawk inqas. U int għandek mnejn saħansitra tirrita lilhom inqas!

ktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq is-​sit elettroniku www.watchtower.org/ype

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Għal iktar għajnuna, ara l-​kaxxa t’hawn taħt.

AĦSEB DWAR DAN

● Għala hu importanti li tagħraf id-​differenza bejn argument u l-​problema li mhix daqshekk evidenti?

● Liema wieħed mis-​sitt passi li semmejna għandek bżonn taħdem l-​iktar fuqu?

[Kaxxa f’paġna 19]

IDENTIFIKA X’INHI VERAMENT IL-​PROBLEMA

Trid ittejjeb l-​abbiltajiet tiegħek sabiex tidentifika x’inhi l-​problema bejn l-​aħwa li mhix daqshekk evidenti? Jekk iva, mela aqra l-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​iben li telaq mid-​dar u berbaq il-​wirt tiegħu.—Luqa 15:11-​32.

Innota kif irreaġixxa l-​ħu l-​kbir meta ħuh iżgħar minnu mar lura d-​dar. Imbagħad wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

Liema kwistjoni kkaġunat ir-​reazzjoni tal-​ħu l-​kbir?

X’taħseb li kienet il-​problema li ma kinitx daqshekk evidenti?

Il-​missier kif ipprova jsolvi l-​problema?

X’kellu bżonn jagħmel il-​ħu l-​kbir biex isolvi l-​problema?

Issa aħseb dwar argument li kellek dan l-​aħħar maʼ xi ħadd minn ħutek. Imbagħad ikteb it-​tweġibiet tiegħek ħdejn il-​mistoqsijiet.

X’ikkaġuna din il-​kwistjoni?

X’taħseb li setgħet kienet il-​problema li ma kinitx daqshekk evidenti?

Fuq liema regoli bażiċi tistgħu tiftiehmu sabiex issolvu l-​problema u saħansitra tevitaw iktar argumenti fil-​futur?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 20]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

“Irrid nibqaʼ ħbieb maʼ ħuti l-​bniet għall-​bqija taʼ ħajti, u għalhekk jaqbilli nibda naġixxi taʼ ħabiba minn issa.”

“Aħna nagħmlu l-​affarijiet flimkien bħala familja, u dan jgħinna nkunu magħqudin. Donnu m’għadniex nillitikaw daqskemm konna qabel.”

“F’ċerti aspetti aħna differenti minn xulxin daqskemm hu d-​dawl mid-​dlam. Xorta waħda, oħti m’hawnx bħalha. Ma nibdilha maʼ xejn!”

“Mingħajr ħuti, l-​isbaħ memorji li għandi tal-​passat jisfaw fix-​xejn. Lil dawk li għandhom ħuthom, nagħtihom dan il-​parir, ‘Apprezzahom!’”

[Stampi]

Tia

Bianca

Samantha

Marilyn

[Stampa f’paġna 19]

Il-​problemi bejn l-​aħwa huma bħall-​ponot—biex teħles minnhom jeħtieġ li tidentifika l-​problema li mhix daqshekk evidenti u mhux sempliċement tattakka s-​sintomu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja