Il-Ħarsa Tal-Bibbja
Huwa Xieraq li Titlob lill-“Qaddisin”?
Marie u Theresa kienu jqisu lilhom infushom bħala “Kattoliċi tajbin.” It-tnejn li huma kienu jemmnu fil-“qaddisin.” Marie kienet temmen li setgħet titlobhom għall-għajnuna. Theresa kienet titlob b’mod regulari lill-“qaddis” patrun tar-raħal tagħha. Kienet titlob ukoll lill-“qaddisa” li għaliha kienet imsemmija.
L-ISTESS bħal Marie u Theresa, miljuni taʼ nies madwar id-dinja jitolbu lill-“qaddisin” tagħhom biex jaqilgħu xi grazzja. Skont in-New Catholic Encyclopedia, “il-qaddisin jaqdu bħala interċessuri [jew medjaturi] għall-bnedmin,” u “hu ‘tajjeb u taʼ benefiċċju’ li nitolbuhom sabiex niksbu . . . grazzji mingħand Alla.”
Madankollu, Alla kif iħares lejn il-kwistjoni? Hu aċċettabbli għalih li nitolbu lill-“qaddisin” biex jaqdu bħala interċessuri għalina? Ikkunsidra dak li tgħid il-Bibbja.
Għandna Nitolbu lill-“Qaddisin” għall-Għajnuna?
Il-Bibbja mkien ma ssemmi li xi aduratur leali lejn Alla xi darba talab lil xi “qaddis.” Għala? In-New Catholic Encyclopedia tistqarr li kien biss “fit-tielet seklu [li] ġie rikonoxxut biċ-ċar li hu effettiv li titlob lill-qaddisin għall-għajnuna.” Dan kien xi 200 sena wara l-mewt taʼ Kristu. Mela, it-tagħlim ma bediex minn Ġesù u l-kittieba ispirati tal-Bibbja li ddokumentaw il-ministeru tiegħu. Għala?
Il-Bibbja tgħallem b’mod konsistenti li għandna nitolbu lil Alla biss u nagħmlu dan f’isem Ġesù Kristu. “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja,” qal Ġesù. “Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6, Għaqda Biblika Maltija) Dan il-kliem ċar hu fi qbil mat-tagħlim taʼ Ġesù dokumentat f’Mattew 6:9-13. Waqt li Ġesù spjega s-suġġett tat-talb, hu qal lis-segwaċi tiegħu: “Hekk, mela, itolbu: Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. . . . ” (Mattew 6:9) Biċ-ċar, Missierna tas-sema hu l-uniku wieħed li lilu għandna nitolbu. Din il-verità hija skont prinċipju fundamentali tal-Bibbja.
It-Talb—Att taʼ Qima
“It-talb,” tgħid The World Book Encyclopedia, “jirreferi għal kliem u ħsibijiet b’riverenza diretti lejn Alla, allat irġiel u nisa, jew bnedmin u oġġetti taʼ qima oħrajn. . . . It-talb huwa forma taʼ qima importanti fi kważi r-reliġjonijiet kollha tad-dinja.” (Korsiv tagħna.) Staqsi lilek innifsek: ‘Huwa xieraq li ninżlu għarkopptejna u nitolbu bil-qima lil xi ħadd ieħor ħlief lill-Ħallieq u d-Donatur tal-Ħajja tagħna?ʼ (Salm 36:9) “L-aduraturi veri,” qal Ġesù, “iqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23) Il-Bibbja tistqarr ukoll li l-Ħallieq tagħna jirrikjedi d-“devozzjoni esklużiva” tagħna.—Dewteronomju 4:24; 6:15.
Ikkunsidra l-eżempju tal-appostlu Kristjan Ġwanni. Wara li ngħata l-viżjonijiet spettakolari dokumentati fil-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni, l-appostlu miblugħ ‘inxteħet iqim f’riġlejn l-anġlu’ li wrieh dawn l-affarijiet. Kif wieġeb l-anġlu? “Oqgħod attent!” qal hu. “Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek . . . Qim lil Alla.” (Rivelazzjoni 22:8, 9) Iva, għal darb’oħra l-Bibbja tenfasizza li għandna nqimu biss lil Alla Ġeħova.
Fi qbil maʼ dan li għedna, Alla biss jissejjaħ “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Iktar minn hekk, bħala Dak li Jistaʼ Kollox, hu biss għandu l-awtorità, l-għarfien, u l-qawwa biex iwieġeb kwalunkwe rikjesta xierqa li tkun saret fit-talb. (Ġob 33:4) Anki Ġesù Kristu, kif ammetta hu stess, għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. (Mattew 20:23; 24:36) Madankollu, minkejja dan, Ġesù Kristu ngħata awtorità kbira, inkluż ir-responsabbiltà li jaqdi bħala l-Interċessur tal-umanità.
Interċessur li Jifhimna
Il-Bibbja tgħid dwar Ġesù: “Jistaʼ wkoll isalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-ħniena għalihom.” (Ebrej 7:25) Fi kliem ieħor, Ġesù jistaʼ jaqdi bħala l-Interċessur li jifhem għan-nom taʼ dawk li “jersqu lejn Alla permezz tiegħu.” Dan ma jfissirx li għandna nitolbu lil Ġesù u bħallikieku kien se jressaq talbna quddiem Alla. Minflok, ifisser li nitolbu lil Alla f’isem Ġesù, u b’hekk nirrikonoxxu l-awtorità tiegħu. Għala Ġesù huwa l-Interċessur ideali?
Raġuni waħda hi li Ġesù esperjenza l-ħajja bħala bniedem u dan għenu biex jifhem iżjed bis-sħiħ it-tbatijiet t’oħrajn. (Ġwanni 11:32-35) Raġuni oħra hi li hu wera mħabbtu għall-bnedmin billi fejjaq lill-morda, qajjem lill-mejtin, u għen lil kull min ġie għandu biex isir jaf lil Alla. (Mattew 15:29, 30; Luqa 9:11-17) Hu anki ħafer id-dnubiet. (Luqa 5:24) Dan inisslilna l-fiduċja li jekk aħna nidinbu “għandna ajjutant mal-Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust.”—1 Ġwanni 2:1.
L-imħabba u l-mogħdrija taʼ Ġesù huma kwalitajiet li għandna nipprovaw nimitaw. Veru, m’għandniex l-awtorità li naqdu bħala interċessuri. Imma nistgħu nitolbu għal oħrajn. Fil-fatt, l-imħabba għandha ġġegħelna nagħmlu dan. “Itolbu għal xulxin,” kiteb Ġakbu. “It-talb bil-ħerqa tal-ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.”—Ġakbu 5:16.
Marie u Theresa tgħallmu dawn il-veritajiet prezzjużi billi eżaminaw il-Bibbja huma stess. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk tagħmel l-istess. Bħalma qal Ġesù, “dawk li jqimuh [lil Alla] iridu jqimu bl-ispirtu u l-verità.”—Ġwanni 4:24.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Ġesù lil min biss qal li għandna nitolbu?—Mattew 6:9.
● F’liema xogħol jaqdi Ġesù? —Ebrej 7:25.
● Għandna nitolbu lil Alla għall-benesseri t’oħrajn?—Ġakbu 5:16.