LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 9/15 pp. 4-7
  • Kif Jistgħu Jgħinuk il-Qaddisin Veri?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Jistgħu Jgħinuk il-Qaddisin Veri?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imqaddsin minn Alla
  • L-​Invokazzjoni u l-​Interċessjoni tal-​Qaddisin
  • L-​Irwol taʼ l-​Uħud Qaddisin
  • Il-​Barkiet taħt il-​Ħakma tas-​Saltna
  • Għandna Nitolbu lill-Qaddisin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Huwa Xieraq li Titlob lill-“Qaddisin”?
    Stenbaħ!—2011
  • Għandi Nitlob lill-Qaddisin?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • L-Interess li Jintwera Llum fil-“Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 9/15 pp. 4-7

Kif Jistgħu Jgħinuk il-​Qaddisin Veri?

GĦAL min kienet tapplika fl-​Iskrittura l-​kelma Griega tradotta “qaddis”? Dizzjunarju wieħed jinnota li “meta tintuża fil-​plural, u tkun tapplika għal dawk li jemmnu, tirreferi għalihom kollha u ma tapplikax biss għal individwi li għandhom qdusija eċċezzjonali, jew għal dawk li, wara li mietu, kienu karatterizzati minn għemejjel taʼ qdusija eċċezzjonali.”

Għalhekk, l-​appostlu Pawlu rrefera għall-​Kristjani tal-​bidu kollha bħala qaddisin veri, jew uħud qaddisin. Per eżempju, hu indirizza ittra miktuba fl-​ewwel seklu E.K. “lill-​Knisja [“kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla li qiegħda f’Korintu, flimkien mal-​qaddisin kollha li qegħdin [fil-Provinċja Rumana taʼ l-​]Akaja.” (2 Korintin 1:1) Iktar tard, Pawlu kiteb ittra “lill-​maħbubin kollha taʼ Alla li jinsabu Ruma msejjħin biex ikunu qaddisin.” (Rumani 1:7) Ovvjament, dawn l-​uħud qaddisin kienu għadhom ma mitux, lanqas ma kienu magħżulin minħabba xi virtù li tispikka iktar minn taʼ l-​oħrajn li kienu jemmnu bħalhom. Fuq liema bażi kienu jintgħarfu bħala qaddisin?

Imqaddsin minn Alla

Il-​Kelma t’Alla turina li individwu ma jintgħamilx qaddis mill-​bniedem jew minn xi organizzazzjoni. L-​Iskrittura tistqarr: “[Alla] salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-​għemejjel tagħna, imma skond il-​pjan tiegħu stess u skond il-​grazzja tiegħu.” (2 Timotju 1:9) Qaddis jiġi santifikat minħabba s-​sejħa taʼ Jehovah, skond il-​grazzja t’Alla u fi qbil maʼ l-​iskop Tiegħu.

L-uħud qaddisin tal-​kongregazzjoni Kristjana huma membri taʼ “patt ġdid.” Id-​demm imxerred taʼ Ġesù Kristu jagħmel validu lil dan il-​patt u jissantifika lil dawk li għandhom sehem fih. (Lhud 9:15; 10:29; 13:​20, 24) Minħabba li huma mnaddfin f’għajnejn Alla, huma ‘saċerdozju qaddis u joffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz taʼ Ġesù Kristu.’—1 Pietru 2:​5, 9.

L-​Invokazzjoni u l-​Interċessjoni tal-​Qaddisin

Peress li miljuni taʼ nies jemmnu li l-​“qaddisin” jistgħu jagħtu qawwa speċjali lil dawk li jemmnu, huma jqimuhom billi jużaw xi relikwi jew jitolbuhom biex jidħlu għalihom. Huwa dan tagħlim li ġej mill-​Bibbja? Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu kif għandhom jersqu lejn Alla meta qalilhom: “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.’” (Mattew 6:9) Kif jixraq, it-​talb huwa indirizzat lil Alla Jehovah biss.

Xi teoloġi, biex jipprovaw jappoġġaw l-​interċessjoni tal-​“qaddisin,” jikkwotaw Rumani 15:​30, fejn naqraw: “Nħeġġiġkom, ħuti, permezz taʼ Sidna Ġesù Kristu u permezz taʼ l-​imħabba taʼ l-​Ispirtu, tqabdu miegħi intom u itolbu lil Alla għalija.” Kien Pawlu qed iħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex jitolbu lilu jew isejħu lil ismu sabiex jersqu lejn Alla? Le. Waqt li l-​Bibbja tħeġġeġ li jsir talb offrut għall-​qaddisin veri, jew l-​uħud qaddisin, Alla mkien m’ordnalna nitolbu lil jew permezz taʼ dawn l-​uħud qaddisin.—Filippin 1:​1, 3, 4.

Madankollu, Alla ħatar Interċessur għat-​talb tagħna. “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja,” qal Ġesù Kristu. “Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi.” Ġesù stqarr ukoll: “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-​Missier ikun igglorifikat permezz taʼ Ibnu. Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.” (Ġwann 14:​6, 13, 14) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah lest li jismaʼ t-​talb tagħna meta noffruh f’isem Ġesù. Dwar Ġesù, il-​Bibbja tgħidilna: “Huwa jistaʼ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqaʼ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.”—Lhud 7:25.

Jekk Ġesù huwa lest li jidħol għalina, għala l-​aduraturi fil-​Kristjaneżmu spiss isejħu lill-​“qaddisin” biex jidħlu għalihom fit-​talb tagħhom? Will Durant, studjuż taʼ l-​istorja, fil-​ktieb tiegħu The Age of Faith, imur lura għall-​oriġini taʼ din il-​prattika. Waqt li jinnota l-​fatt li n-​nies kienu jibżgħu minn Alla li Jistaʼ Kollox u li Ġesù kien jidher iktar avviċinabbli, Durant jistqarr: “Dak li jkun ma kienx jażżarda jitkellem maʼ [Ġesù] wiċċ imbwiċċ wara li jkun injora għalkollox il-​Beatitudnijiet Tiegħu. Kienet tidher iktar ħaġa għaqlija li jitlob lil xi qaddis li jkun ċertifikat mill-​kanonizzazzjoni bħala li qiegħed fis-​sema, u jittallab għall-​interċessjoni tiegħu maʼ Kristu.” Huwa dan il-​biżaʼ ġustifikat?

Il-​Bibbja tgħallimna li permezz taʼ Ġesù jistaʼ jkollna “l-​ħila nersqu permezz tal-​fidi tagħna” lejn Alla fit-​talb. (Efesin 3:​11, 12) Alla li Jistaʼ Kollox ma jinstabx ’il bogħod wisq mill-​bnedmin sabiex jismaʼ t-​talb tagħna. Is-​salmista David talab b’fiduċja: “Int, li tismaʼ talbna. Quddiemek jersaq kull bniedem, minħabba fi ħtijietu.” (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]) Minflok ma jagħti l-​qawwa permezz tar-​relikwi tal-​“qaddisin” mejtin, Jehovah iferraʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu fuq dawk li jitolbuhulu bil-​fidi. Ġesù rraġuna: “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”—Luqa 11:13.

L-​Irwol taʼ l-​Uħud Qaddisin

L-​uħud qaddisin li lilhom Pawlu kiteb l-​ittri tiegħu mietu ħafna sekli ilu u, maż-​żmien, kellhom jirċievu “l-​kuruna tal-​ħajja,” irxoxt fis-​sema. (Apokalissi 2:10) L-​aduraturi t’Alla Jehovah jirrealizzaw li l-​qima lil dawn il-​qaddisin veri m’hijiex skritturali u ma tistax tipproteġihom mill-​mard, mid-​diżastri naturali, min-​nuqqas taʼ stabbiltà ekonomika, mix-​xjuħija, jew mill-​mewt. Għalhekk, għandek mnejn tistaqsi, ‘Jimpurtahom verament minna dawn l-​uħud qaddisin t’Alla? Għandna nistennewhom jaġixxu għan-​nom tagħna?’

Uħud qaddisin spikkaw fi profezija dokumentata minn Danjel. Fis-​sitt seklu Q.E.K., ra viżjoni li qanqlitu u li t-​twettiq tagħha kellu jibqaʼ għaddej sa żmienna. Mill-​baħar ħarġu erbaʼ bhejjem tal-​biżaʼ li jissimbolizzaw lill-​gvernijiet tal-​bniedem u li ma jistgħux jissodisfaw il-​bżonnijiet veri tal-​bnedmin. Danjel imbagħad ipprofetizza: “Imma s-​saltna jirċevuha l-​qaddisin taʼ Alla l-​Għoli, u s-​saltna tibqaʼ tagħhom għal dejjem, u għal dejjem taʼ dejjem.”—Danjel 7:​17, 18.

Pawlu kkonferma dan il-​“wirt” għall-​“qaddisin,” li se jkunu werrieta bi sħab maʼ Kristu fis-​sema. (Efesin 1:​18-21) Id-​demm taʼ Ġesù fetaħ it-​triq għall-​144,000 uħud qaddisin li kellhom jiġu rxoxtati fil-​glorja tas-​sema. L-​appostlu Ġwanni ddikjara: “Hieni u qaddis min għandu sehem fl-​ewwel qawmien taʼ l-​imwiet: it-​tieni mewt ma għandha ebda setgħa fuq dawn, imma jkunu qaddisin taʼ Alla u taʼ Kristu, u jsaltnu miegħu matul l-​elf sena.” (Apokalissi 20:​4, 6; 14:​1, 3) Fil-​viżjoni, Ġwanni semaʼ ġemgħa ħlejjaq tas-​smewwiet jgħannu quddiem Ġesù glorifikat: “B’demmek ksibt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin, li għad isaltnu fuq l-​art.” (Apokalissi 5:​9, 10) Kemm iqawwilna qalbna dan! Alla Jehovah innifsu għażel bir-​reqqa lil dawn l-​irġiel u n-​nisa. Iktar minn hekk, huma qdew lealment fuq l-​art, waqt li ffaċċjaw prattikament kull problema li jgħaddi minnha l-​bniedem. (1 Korintin 10:13) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li dawn il-​qaddisin irxoxtati se jkunu ħakkiema kollhom ħniena u li jifhmuna, billi jikkunsidraw id-​dgħjufijiet u l-​limitazzjonijiet tagħna.

Il-​Barkiet taħt il-​Ħakma tas-​Saltna

Il-​gvern tas-​Saltna dalwaqt se jaġixxi sabiex jeħles lill-​art mill-​ħażen u t-​tbatija kollha. F’dak iż-​żmien, il-​bnedmin se jersqu eqreb lejn Alla iktar minn qatt qabel. Ġwanni kiteb: “U smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.’” Dan se jġib barkiet bla għadd għall-​bnedmin, għax il-​profezija tkompli: “Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:​3, 4.

Xi żmien se jkun dan! Ir-​riżultati tat-​tmexxija perfetta taʼ Kristu Ġesù u l-​144,000 uħud qaddisin ikomplu jiġu deskritti f’dan il-​kliem dokumentat f’Mikea 4:​3, 4: “Jkun [Jehovah] l-​imħallef taʼ ħafna popli, f’idejh ikun id-​destin taʼ ġnus setgħana, mqar l-​aktar imbiegħda. Ix-​xwabel tagħhom idewwbuhom f’sikek, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Il-​ġnus ma jisiltux ix-​xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-​gwerra. Imma kull wieħed jinsab taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-​Mulej taʼ l-​eżerċti tkellem.”

L-istedina biex nieħdu sehem minn dawn il-​barkiet tiġi offruta mill-​uħud qaddisin. Waqt li jiġu simbolizzati mill-​għarusa, il-​qaddisin veri jkomplu jgħidu: “Ejja!” Il-​vers ikompli: “Min jismaʼ, ħa jgħid: ‘Ejja!’ U min hu bil-​għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-​ilma tal-​Ħajja.” (Apokalissi 22:17) X’jinkludi “l-​ilma tal-​Ħajja”? Fost affarijiet oħra, l-​għarfien eżatt dwar l-​iskopijiet t’Alla. Meta kien qed jitlob ’l Alla, Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Dan l-​għarfien huwa disponibbli permezz taʼ studju regulari tal-​Bibbja. Kemm nistgħu nkunu henjin li permezz tal-​Kelma t’Alla nistgħu nagħrfu l-​identità vera taʼ l-​uħud qaddisin u nitgħallmu kif se jużahom għall-​benefiċċju etern tal-​bnedmin!

[Stampa f’paġna 4]

Pawlu kiteb ittri ispirati lill-​qaddisin veri

[Stampa f’paġna 4, 5]

L-​appostli leali taʼ Ġesù saru qaddisin veri

[Stampa f’paġna 6]

Nistgħu nitolbu b’fiduċja lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu

[Stampa f’paġna 7]

Il-​qaddisin, jew l-​uħud qaddisa, irxoxtati se jaħkmu fuq l-​art b’mogħdrija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja