LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/12 pp. 10-11
  • Jimpurtah Alla mill-Annimali?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jimpurtah Alla mill-Annimali?
  • Stenbaħ!—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sa mill-​Bidu Ntwera li Jimpurtah
  • Alla Tassew Jimpurtah!
  • Ċertezza Dwar il-​Ħarsien fil-​Futur
  • L-annimali
    Stenbaħ!—2015
  • Il-​Kattiverija lejn l-​Annimali​—Hija Din Ħażina?
    Stenbaħ!—1998
  • L-annimali jmorru s-sema?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2012
g 1/12 pp. 10-11

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Jimpurtah Alla mill-​Annimali?

L-​ANNIMALI jinsabu f’periklu. Ħafna xjenzati jemmnu li l-​estinzjoni tal-​annimali qed isseħħ b’rata mgħaġġla. L-​annimali qed ibatu konsegwenzi devastanti għax il-​bnedmin qed jiħdulhom l-​abitat tagħhom. Affarijiet bħall-​produzzjoni industrijali tal-​ikel u meta b’kattiverija n-​nies iġelldu l-​annimali jew meta bla qalb jabbandunaw l-​annimali domestiċi, iżidu maʼ din l-​istampa kerha.

Imma xi wħud jaħsbu li sitwazzjoni bħal din hi r-​riżultat naturali li jiġi mill-​progress tal-​bniedem. Imma Alla hekk ried? Abbanduna hu l-​annimali biex ibatu taħt idejn il-​bnedmin? Kif nafu li Alla jimpurtah mill-​annimali?

Sa mill-​Bidu Ntwera li Jimpurtah

Wara li Alla ħalaq il-​ħut, l-​għasafar, u l-​annimali tal-​art, hu kien sodisfatt. Il-​Bibbja tgħid li “ra li dan kien tajjeb.” (Ġenesi 1:21, 25) Dawn il-​ħlejjaq kollha, miż-​żgħar sal-​kbar, kienu mħarsin bi mħabba mill-​Ħallieq. Alla ma ħalaqhomx biss “għorrief bl-​istint” imma wkoll għamel provvedimenti għalihom ħalli jkattru fl-​ambjent tagħhom. Bħalma qal sew kittieb tal-​Bibbja: “Ilkoll kemm huma—lilek jibqgħu jistennew biex tagħtihom l-​ikel fl-​istaġun tiegħu. Dak li tagħtihom huma jiġbruh. Int tiftaħ idek—huma jissodisfaw ruħhom b’affarijiet tajbin.”—Proverbji 30:24; Salm 104:24, 25, 27, 28.

Veru, Alla għamel l-​annimali sottomessi lejn l-​ewwel raġel, Adam. Huma ma ġewx maħluqin bl-​abbiltà li jirraġunaw jew bil-​kapaċità għall-​ispiritwalità. (2 Pietru 2:12; Ġuda 19) B’kuntrast, Adam kien ħlejqa iktar superjuri, maħluq “fix-​xbieha t’Alla.” Kien kapaċi jimita l-​personalità tal-​Ħallieq tiegħu, Ġeħova. (Ġenesi 1:27; Salm 83:18) Imma dan ma fissirx li l-​bnedmin kellhom il-​jedd li jittrattaw l-​annimali b’tali mod li jmur kontra r-​rieda tal-​Ħallieq tagħhom.

Pereżempju, Adam beda jagħti ismijiet lill-​annimali għax Ġeħova tah dan il-​privileġġ. Iktar minn hekk, Ġeħova għen lil Adam billi “ġab [lill-​bhejjem] għand ir-​raġel biex jara x’se jsemmi lil kull waħda.” (Ġenesi 2:19) Kien biss jekk il-​bniedem jaħdem taħt id-​direzzjoni tal-​Ħallieq tiegħu li setaʼ jirnexxi f’li jieħu ħsieb l-​annimali.

Alla Tassew Jimpurtah!

B’sogħba, Adam ħadha kontra l-​Ħallieq tiegħu. Ir-​ribelljoni tiegħu ġabet konsegwenzi devastanti fuq il-​familja umana u fuq il-​ħajja kollha fuq l-​art. Madankollu, il-​Ħallieq wera biċ-​ċar kif l-​annimali kellhom jiġu trattati. Għalkemm eventwalment il-​bniedem tħalla jużahom għall-​ikel u għal skopijiet prattiċi oħrajn, Alla qatt ma ppermetta li jiġu trattati bi krudeltà. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġust jieħu ħsieb l-​annimal domestiku tiegħu, imma l-​ħniniet tan-​nies mill-​agħar huma krudili.”—Proverbji 12:10.

Alla saħansitra ta lill-​ġens t’Iżrael tal-​qedem liġijiet rigward il-​benesseri tal-​annimali. L-​arranġament tas-​Sabat, ġurnata taʼ mistrieħ assolut kull ġimgħa, kien taʼ ġid għall-​annimali tal-​Iżraelin fis-​sens li huma wkoll setgħu jistrieħu. (Eżodu 23:12) Taʼ min jinnota li għalkemm l-​ebda xogħol ma kien permess f’din il-​ġurnata sagra, in-​nies kellhom jgħinu annimal imweġġaʼ jew f’diffikultà. (Luqa 14:5) Ukoll, Alla kkmanda li l-​baqar kellhom jingħataw l-​ikel waqt li jkunu jaħdmu, u l-​annimali ma kellux ikollhom tagħbija tqila wisq. (Eżodu 23:5; Dewteronomju 25:4) Kien projbit li taħt madmad jitpoġġew flimkien barri u ħmar, u dan għen biex l-​ebda annimal ma jweġġaʼ. (Dewteronomju 22:10) Jidher ċar li l-​Bibbja tgħallem li l-​annimali kellhom jiġu trattati kif jixraq, b’rispett, u b’mogħdrija!

Għalkemm ħafna nies jiffokaw fuq il-​problemi tagħhom u jinjoraw kwalunkwe konsegwenza għall-​annimali, Alla b’mogħdrija jaħseb fihom. Meta l-​profeta Ġona rreaġixxa bla ħniena meta l-​abitanti taʼ Ninwe nidmu u nħelsu mill-​ġudizzju t’Alla, Ġeħova qal: “Jien, min-​naħa tiegħi, m’għandux jiddispjaċini għal Ninwe l-​belt il-​kbira, li fiha hemm iktar minn mija u għoxrin elf bniedem li lanqas biss jafu d-​differenza bejn idhom il-​leminija u x-​xellugija, minbarra li hemm ħafna annimali domestiċi?” (Ġona 4:11) Iva, il-​Ħallieq ġietu ħniena anke mill-​annimali!

Ċertezza Dwar il-​Ħarsien fil-​Futur

Huwa ċar li Alla tassew jimpurtah minn kif l-​annimali jiġu trattati. Ibnu l-​maħbub, Ġesù, saħansitra qal li m’hemmx għasfur tal-​bejt li jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jkun jaf Missieru. (Mattew 10:29) B’kuntrast, anke bl-​aħjar intenzjonijiet, il-​bnedmin ma jifhmux bis-​sħiħ kif l-​azzjonijiet tagħhom jinfluwenzaw l-​ambjent. Hemm bżonn taʼ bidla fil-​mod taʼ kif l-​umanità taħseb biex is-​soċjetà umana tiġi mħarsa b’tali mod li juri tħassib għall-​annimali.

B’ferħ, il-​Bibbja tiddeskrivi ż-​żmien meta taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla, “l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Għarfien bħal dan se jagħti lill-​bnedmin ubbidjenti l-​edukazzjoni u t-​taħriġ li jeħtieġu biex jieħdu ħsieb l-​art kif suppost. L-​influwenza tal-​Ħallieq imbagħad se tagħmel ċert li jkun hemm il-​paċi bejn il-​bnedmin u l-​annimali, u b’hekk il-​kundizzjonijiet fuq l-​art jerġgħu għal dawk li Alla oriġinalment kien ried.

Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​bidla li mbagħad se ssir billi tispjega: “Il-​lupu se jgħammar għal xi żmien mal-​ħaruf, u l-​leopard jimtedd mal-​gidi, u l-​għoġol u l-​iljun b’saħħtu u l-​annimal magħluf tajjeb ilkoll flimkien; u tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom. U l-​baqra u l-​ors se jirgħu; il-​frieħ tagħhom se jimteddu flimkien. U saħansitra l-​iljun se jiekol it-​tiben bħall-​barri. U t-​tarbija tal-​ħalib se tilgħab fuq il-​ħofra tal-​kobra; u t-​tifel li qataʼ l-​ħalib iqiegħed idu fuq il-​bokka tal-​bejta taʼ serp velenuż.” X’tama tal-​għaġeb biex naħsbu fuqha!—Isaija 11:6-​8.

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● Jimpurtah Alla minn kif jiġu trattati l-​annimali?—Proverbji 12:10; Mattew 10:29.

● Huwa possibbli li jkun hemm paċi sħiħa bejn il-​bnedmin u l-​annimali?—Isaija 11:6-​9.

[Kumment f’paġna 11]

Hemm bżonn taʼ bidla fil-​mod taʼ kif l-​umanità taħseb biex l-​annimali jiġu mħarsin sew

[Sors tal-Istampa f’paġna 11]

La Voz de Galicia/Fotógrafo: Víctor Mejuto

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja