ĠIE DISINJAT?
Il-Wiċċ tal-Ġwienaħ tal-Farfett
● Il-kuluri jleqqu mill-isbaħ fuq il-ġwienaħ taʼ xi friefet ikanġu skont minn liema naħa tarahom. Speċi minnhom tant għandha kulur tal-ġwienaħ pur u qawwi li tistaʼ taraha minn 805 metri ’l bogħod. X’jagħmel lill-ġwienaħ tal-farfett rimarkevoli?
Ikkunsidra: Ringieli taʼ wċuħ imħaffrin fit-tond żgħar ħafna fuq il-ġwienaħ taʼ farfett tal-bużbież aħdar (Papilio blumei) jirriflettu d-dawl b’diversi modi. Pereżempju, in-nofs taʼ kull wiċċ imħaffer fit-tond jirrifletti dawl isfar fl-aħdar, filwaqt li t-truf jirriflettu dawl blu. Ukoll, id-dawl f’nofs taʼ wiċċ imħaffer fit-tond jiġi rifless dirett, imma d-dawl li jolqot il-ġnub l-ewwel jgħaddi minn wiċċ li fih diversi saffi, u dan ikabbar u jdawwar parzjalment lir-raġġi tad-dawl. It-taħlita finali tissejjaħ kulur strutturali minħabba l-mod kumpless kif isir.
Ir-riċerkaturi damu għaxar snin biex jipproduċu kopja simplifikata tal-wiċċ tal-ġwienaħ tal-friefet. Jittamaw li din it-teknoloġija se tagħmilha iktar diffiċli biex il-flus u l-kards tal-kreditu jiġu falsifikati u tagħmel ċelluli solari li jkunu iktar effiċjenti f’li jaħżnu l-enerġija mix-xemx. Madankollu, hija sfida li tikkopja l-wiċċ tal-ġwienaħ tal-friefet. Il-Professur Ullrich Steiner taċ-Ċentru tan-Nanuxjenza fl-Università taʼ Cambridge jikteb: “Minkejja l-fehma xjentifika dettaljata tal-ottika, il-varjetà tal-għaġeb taʼ kuluri li jinsabu fin-natura spiss hi iktar minn dak li nistgħu noħolqu bit-teknoloġiji tagħna.”
Int x’taħseb? Il-wiċċ tal-ġwienaħ tal-farfett ġie b’kumbinazzjoni? Jew ġie disinjat?
[Stampa f’paġna 24]
Farfett tal-bużbież aħdar
[Stampa f’paġna 24]
Il-ġewnaħ taʼ farfett kif jidher minn mikroskopju
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 24]
Farfett: Faunia, Madrid; mill-mikroskopju: © Eye of Science/Photo Researchers, Inc.