L-Aħħar tad-Dinja—Iqanqal Interess Kbir
IBEŻŻGĦEK il-futur? Jekk iva, m’intix waħdek. Sa minn żmien il-qedem in-nies spekulaw dwar x’se jkun il-futur tal-umanità, u ħafna waslu għall-konklużjoni li l-futur mhux se jkun kollu ward u żahar. Il-possibbiltà li d-dinja se tintemm kienet taʼ interess għan-nies għal millennji sħaħ.
Pereżempju, ikkunsidra stejjer li ħarġu dan l-aħħar. Komiks, programmi tat-televixin, mijiet taʼ films, u eluf taʼ kotba jirrakkontaw stejjer dwar kif id-dinja se tintemm. Dawn l-istejjer huma dwar kull tip taʼ viljakk li jattakka u jeqred lill-bnedmin kollha—robots qattiela, mostri taʼ kull xorta, aljeni, zombies, fatati, draguni, xadini kbar, għasafar, ġrieden sfigurati, u żnażan ġganteski. Ħadd ma jemmen verament li l-bnedmin se jinqerdu b’dan il-mod!
M’għandniex xi ngħidu, stejjer u teoriji oħrajn ibeżżgħu lil ċerti wħud ferm iktar. Xi wħud minn dawn it-teoriji jsostnu li huma xjentifiċi. Waħda minnhom tbassar li l-qoxra tad-dinja kollha kemm hi se tiċċaqlaq f’daqqa u tipproduċi tsunamijiet, terremoti, u vulkani enormi. Teorija oħra ssostni li l-pjaneti kollha se jifformaw linja dritta fl-ispazju u li dan se jikkaġuna lill-irjieħ solari tax-xemx jitqawwew u jagħmlu straġi fuq l-art. Terġaʼ oħra tgħid li l-poli manjetiċi tad-dinja f’daqqa waħda se jieħdu post xulxin, u minħabba f’hekk ir-radjazzjoni tax-xemx toqtolna lkoll. Tinkwetax. Dawn l-affarijiet mhux se jiġru. Però, sitwazzjonijiet immaġinarji bħal dawn xorta jkomplu jimlew l-imħuħ taʼ ħafna nies.
Xi ngħidu għan-numru bla għadd taʼ kotba u Websajts dedikati għall-aħħar tad-dinja li jbassru li d-dinja se tintemm fil-21 taʼ Diċembru taʼ din is-sena? Jingħad li hemm pjaneta jisimha Nibiru (jew Pjaneta X) riesqa lejn id-dinja u se taħbat mal-art f’Diċembru tal-2012. Din u teoriji oħrajn li mhumiex appoġġati mill-fatti huma bbażati fuq interpretazzjonijiet taʼ kalendarju tal-qedem tal-Maja li, skont xi wħud, jispiċċa fis-solstizju tax-xitwa tal-2012.a
Ipperswaduti minn tbassir simili taʼ diżastru, xi wħud bnew xeltrijiet fuq wara tad-dar tagħhom jew nefqu flejjes kbar biex jirriservaw xeltrijiet taħt l-art. Oħrajn marru jgħixu fil-muntanji u tgħallmu jfendu għal rashom, indipendenti mis-servizzi pubbliċi, bħall-ilma, il-gass, jew id-dawl.
M’għandniex xi ngħidu, hemm dawk li ma jemmnu xejn minn dan. Huma jidħqu bl-idea li d-dinja dalwaqt se tispiċċa. Pereżempju, xi xjenzati tan-NASA jsostnu: “L-Art mhu se jiġrilha xejn ħażin fl-2012. Il-pjaneta tagħna ilha 4 biljun sena għaddejja tajjeb, u xjenzati kredibbli mad-dinja kollha ma jafu bl-ebda theddida konnessa mal-2012.”
Madankollu, ikun żball jekk nikkonkludu li l-umanità mhijiex fil-periklu jew li dawk li jibilgħu kollox biss jemmnu li l-aħħar tad-dinja hu iktar minn sempliċi ħrafa. Verament se tispiċċa d-dinja? Jekk iva, kif u meta?
[Nota ta’ taħt]
a Is-solstizju tax-xitwa hu dak il-jum fis-sena, ġeneralment il-21 taʼ Diċembru, li jkun fih l-inqas sigħat taʼ dawl.