LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 11/13 pp. 6-9
  • Valuri Morali li Jagħmluk Bniedem Aħjar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Valuri Morali li Jagħmluk Bniedem Aħjar
  • Stenbaħ!—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • VALURI LI DEJJEM JONQSU
  • VALURI TAʼ MIN JAFDAHOM!
  • “IMXI FIT-​TRIQ TAT-​TAJBIN”
  • Il-bżonn tal-valuri morali
    Stenbaħ!—2019
  • 7 Il-valuri
    Stenbaħ!—2018
  • Ankrati b’Valuri li Ma Jinbidlux
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ibbenefika Billi Tirsisti għal Valuri Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2013
g 11/13 pp. 6-9

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Valuri Morali li Jagħmluk Bniedem Aħjar

Christina ma setgħetx temmen lil għajnejha! Kienet għadha kif sabet basket tal-​plastik iswed li kien fih somma flus ġmielha—l-​ekwivalenti għall-​paga li kienet taqbad f’iktar minn 20 sena! U hi kienet taf min kien tilfu. X’għandha tagħmel? Kieku int x’kont tagħmel? It-​tweġiba tiegħek tirrifletti kif tqis l-​onestà u kemm tkun lest li tibqaʼ żżomm maʼ dan il-​valur morali.

X’inhuma l-​valuri? Dawn huma prinċipji morali jew etiċi li aħna nqisuhom tajbin u importanti. Għandhom mnejn jinkludu l-​maħfra, l-​onestà, l-​imħabba, il-​libertà, ir-​rispett lejn il-​ħajja, u r-​rażan. Għalhekk, il-​valuri tagħna jinfluwenzaw l-​imġiba, il-​prijoritajiet, u r-​relazzjonijiet tagħna, kif ukoll il-​gwida morali li nagħtu lil uliedna. Iżda, minkejja l-​importanza tagħhom, il-​valuri morali qabdu n-​niżla.

VALURI LI DEJJEM JONQSU

Fl-​2008, riċerkaturi fl-​Istati Uniti intervistaw mijiet taʼ żgħażagħ dwar kif iħossuhom rigward il-​valuri morali. “Dak li jiskuraġġik hu kemm lanqas biss jafu jaħsbu u jitkellmu dwar kwistjonijiet morali,” qal David Brooks f’The New York Times. Il-​maġġoranza ħassew li l-​istupru u l-​qtil kienu ħżiena, imma “apparti dawn il-​każi estremi, lanqas biss daħlilhom f’moħħhom li jaħsbu dwar il-​morali, anki meta kkunsidraw affarijiet bħal li jsuqu fis-​sakra, li jiċċijtjaw fl-​iskola, jew li jaqilbuha lill-​partner.” Bħalma qalet waħda żagħżugħa, “Ma noqgħodx inħabbel rasi spiss dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.” Ħafna qiesu din il-​kwistjoni b’dan il-​mod: ‘Jekk tħoss li xi ħaġa hi tajba, agħmilha. Agħmel dak li tgħidlek qalbek.’ Huwa dan ir-​raġunar għaqli?

Filwaqt li l-​qalb tal-​bniedem kapaċi tħobb u tagħder bil-​kbir, tistaʼ wkoll tkun ‘qarrieqa u ddisprata.’ (Ġeremija 17:9) Din ir-​realtà tal-​biki tistaʼ tidher fil-​livelli morali li dejjem jinbidlu—xejra li bassret il-​Bibbja. “Fl-​aħħar jiem,” qalet żmien twil ilu, “in-​nies se jkunu egoisti, rgħiba, faħħarin, u kburin,” kif ukoll “ma jkollhomx qalbhom tajba [u] jkunu vjolenti.” Barra minn hekk, “huma se jobogħdu t-​tajjeb” u “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Timotju 3:1-​5, Good News Translation.

Dawn ir-​realtajiet għandhom iqanqluna neżaminaw qalbna, u mhux nafdawha b’għajnejna magħluqa! Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “Min jafda lil qalbu stess hu stupidu.” (Proverbji 28:26) Bħal boxxla, qalbna jeħtieġ li tkun aġġustata b’eżattezza permezz taʼ valuri sodi jekk irridu li din tkun taʼ ġid għalina. Fejn nistgħu nsibu valuri bħal dawn? Ħafna jafdaw il-​Bibbja, għax hija eżatta u diretta.

VALURI TAʼ MIN JAFDAHOM!

Il-​valuri tal-​Bibbja jagħtu evidenza li kienu mfasslin apposta għall-​bniedem. Ikkunsidra biss ftit eżempji—il-​kwalitajiet bħalma huma l-​imħabba, il-​qalb tajba, il-​ġenerożità, u l-​onestà.

Imħabba għal oħrajn.

“Jekk sirt taf tħobb, allura żgur li se jkollok l-​hena,” jgħid il-​ktieb Engineering Happiness—A New Approach for Building a Joyful Life. Jidher ċar li aħna l-​bnedmin neħtieġu l-​imħabba. Mingħajrha ma nistgħux inkunu tassew ferħanin.

Dak li tgħid il-​Bibbja: “Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) L-​istess kittieb tal-​Bibbja qal ukoll: “Kieku . . . m’għandix imħabba, ma jien xejn.”—1 Korintin 13:2.

Din l-​imħabba la hi sesswali u lanqas mhi purament sentimentali; hija mħabba bi prinċipju. Hija x-​xorta taʼ mħabba li tqanqalna ngħinu lil xi ħadd li ma nafuhx u li jkollu xi problema, bla ma nippretendu li jagħtina xi ħaġa lura. Fl-​1 Korintin 13:4-​7 naqraw: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. . . . Ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-​ħsara. Ma tithenniex bl-​inġustizzja, imma tithenna bil-​verità. Kollox tiflaħ, . . . kollox tissaporti.”

Meta fil-​familja ma jkunx hemm imħabba bħal din, ilkoll ibatu, speċjalment it-​tfal. Mara jisimha Monica kitbet li meta kienet għadha tifla, kienet tiġi abbużata fiżikament, emozzjonalment, u sesswalment. “La kont maħbuba u lanqas kelli tama,” qalet. Imbagħad meta kellha 15-​il sena, marret toqgħod man-​nanniet tagħha li huma Xhieda taʼ Ġeħova.

“Monica qalet: “Fis-​sentejn li kont ngħix magħhom, avolja kont mistħija għallmuni nkun dħulija u nuri mħabba u jimpurtani minn oħrajn. Għenuni nsir żagħżugħa rispettabbli.” Issa, Monica għandha żwieġ hieni, u flimkien maʼ żewġha u t-​tliet uliedha turi mħabba lejn oħrajn billi taqsam magħhom il-​messaġġ tal-​Bibbja.

Għadu sottili tal-​imħabba huwa l-​materjaliżmu—li l-​kumdità materjali u l-​pjaċiri huma l-​ogħla valuri. Iżda, xi studji sekulari spiss juru li n-​nies għandhom bżonn veru ftit flus biex ikunu ferħanin. Infatti, nies li jkollhom valuri materjalistiċi jistgħu attwalment ikunu qed jinvestu fin-​nuqqas taʼ hena, ħarsa li tiġi appoġġata mill-​Bibbja. Ekkleżjasti 5:10 jgħidilna: “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul. Dan ukoll frugħa.” Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus.”—Ebrej 13:5.

Qalb tajba u ġenerożità.

“Ma jkunx tajjeb kieku tistaʼ tidħol f’ħanut u tixtri l-​hena taʼ dejjem?” qal artiklu fl-​Istati Uniti tal-​Amerika li nkiteb minn The Greater Good Science Center fl-​Università taʼ Kalifornja, f’Berkeley. “Din l-​idea mhijiex daqshekk stramba daqskemm tinstemaʼ—sakemm dak li tixtri jkun għal xi ħadd ieħor.” X’inhu l-​punt? Meta nagħtu nkunu iktar ferħanin milli meta nirċievu.

Dak li tgħid il-​Bibbja: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Spiss, l-​aqwa mod kif nistgħu nagħtu—u l-​iktar mod premjanti—hu li nagħtu minna nfusna, jiġifieri mill-​ħin u mill-​enerġija tagħna. Pereżempju, mara jisimha Karen rat tliet nisa—omm u żewġ uliedha bniet—bilqiegħda f’karozza bil-​bonit miftuħ. L-​omm u waħda mill-​bniet kienu sejrin l-​ajruport għax kienu se jsiefru; imma l-​karozza ma riditx tistartja, u t-​taksi ma ġietx. Karen offriet li twassalhom, avolja l-​ajruport kien 45 minuta ’l bogħod. Huma aċċettaw l-​offerta. Meta reġgħet lura, Karen rat lill-​bint l-​oħra taʼ dik il-​mara għadha tistenna fil-​karozza tagħha fil-​parking.

“Dalwaqt ġej ir-​raġel,” qalet il-​mara.

“Qed nieħu gost li kollox sew,” wieġbet Karen. “Sejra nagħmel xi xogħol fil-​ġnien tas-​Sala tas-​Saltna, jew il-​knisja, tagħna.”

“Int waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?” staqsietha l-​mara.

“Iva,” qalet Karen, u kellhom konversazzjoni qasira.

Ftit ġimgħat wara, Karen irċiviet ittra. Parti minnha kienet tgħid: “Jien u ommi ma nsejniex il-​pjaċir kbir li għamiltilna. L-​ajruplan ilħaqnieh bis-​saħħa tiegħek! Oħti qaltilna li int waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u b’hekk stajna nifhmu iktar għala kont daqshekk qalbek tajba magħna. Ommi hija Xhud, u jien Xhud inattiva. Imma dalwaqt se nagħmel xi ħaġa dwar dan!” Karen kienet ferħana ħafna li setgħet tgħin żewġ Xhieda bħalha. Hi qalet: “Qabiżli d-​dmugħ.

L-​awtur Charles D. Warner kiteb: “Waħda mill-​iktar affarijiet sodisfaċenti . . . fil-​ħajja hi li meta xi ħadd sinċerament jipprova jgħin lil ħaddieħor ikun qed jgħin lilu nnifsu.” Dan jiġri għaliex Alla ma ħalaqx lill-​bnedmin biex ikunu egoisti, imma pjuttost, biex jirriflettu l-​kwalitajiet prezzjużi tiegħu.—Ġenesi 1:27.

Onestà.

Dan il-​valur etiku hu importanti għal kull soċjetà ċivilizzata. Id-​diżonestà ġġib il-​biżaʼ, in-​nuqqas taʼ fiduċja, u t-​taħsir soċjali.

Dak li tgħid il-​Bibbja: “Min se jkun mistieden fit-​tinda [t’Alla]?” X’inhi t-​tweġiba? “Dak li jimxi bla nuqqas u . . . jitkellem il-​verità f’qalbu.” (Salm 15:1, 2) Iva, l-​onestà ġenwina, bħall-​kwalitajiet l-​oħrajn li kkunsidrajna, hi karatteristika tal-​bniedem. Mhijiex influwenzata miċ-​ċirkustanzi jew il-​konvenjenza.

Tiftakarha lil Christina li sabet il-​basket bil-​flus? Ix-​xewqa tagħha ma kinitx li ssir sinjura, imma li togħġob lil Alla. Għalhekk, meta rritorna s-​sid inkwetat, hi qaltlu li flusu kienu nstabu. Hu baqaʼ skantat bl-​onestà tagħha. U anki l-​imgħallem tagħha, għax iktar tard taha promozzjoni għal xogħol f’maħżen li jirrikjedi lil xi ħadd li tistaʼ tafdah sew. Kemm huwa minnu l-​kliem li nsibu fl-​1 Pietru 3:10: “Min iħobb il-​ħajja u jrid jara jiem tajbin, ħa jrażżan . . . xofftejh milli jitkellmu l-​qerq.”

“IMXI FIT-​TRIQ TAT-​TAJBIN”

Il-​valuri morali misjubin fil-​Bibbja jirriflettu l-​imħabba profonda li għandu l-​Ħallieq tagħna għalina, għaliex dawn il-​valuri jgħinuna ‘nimxu fit-​triq tat-​tajbin.’ (Proverbji 2:20; Isaija 48:17, 18) Meta nsegwu din il-​gwida, aħna, min-​naħa tagħna, inkunu qed nuru mħabbitna għal Alla u nirċievu ħafna barkiet. Fil-​fatt, il-​Bibbja tagħmel din il-​wegħda: “Żomm triqtu [t’Alla], u hu jeżaltak biex tieħu l-​art. Meta l-​ħżiena jitqaċċtu, int se tarah dan.”—Salm 37:34.

X’futur tal-​għaġeb hemm jistenna lil dawk kollha li jżommu l-​livelli tal-​Bibbja—ħajja f’art mimlija paċi u ħielsa minn kull ħażen! Ċertament li huwa taʼ min jikkunsidra l-​valuri mgħallmin fil-​Bibbja.

Bżonn Urġenti Għal “Etika Globali”

Is-​sopravivenza tal-​bniedem “għandha mnejn tiddependi milli tiġi aċċettata etika globali,” jgħid il-​ġurnal Counseling and Values. “Aktarx li valur morali li l-​iktar hemm qbil dwaru hu r-​Regola tad-​Deheb.” X’inhi din ir-​regola? Din ġiet mgħallma minn Ġesù Kristu u tgħid: “Agħmlu lil oħrajn dak li triduhom jagħmlu lilkom.”—Mattew 7:12, Good News Translation.

Valuri li Jagħmluna Aħjar

  • “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Marku 12:31.

  • “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.”—Rumani 12:17.

  • “Komplu . . . aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.” —Kolossin 3:13.

  • “L-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja