Ibbenefika Billi Tirsisti għal Valuri Spiritwali
“Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus, u min iħobb l-għana ma jixbax bil-qligħ.”—Koħèlet 5:9 (5:10, NW).
XOGĦOL żejjed jistaʼ jwassal għall-istress, u l-istress jistaʼ jġib miegħu problemi taʼ saħħa li xi drabi jwasslu għall-mewt. F’ħafna pajjiżi, il-familji qed jisfaxxaw fix-xejn minħabba d-divorzju. Iktar iva milli le, wara dawn it-traġedji jkun hemm it-tħassib żejjed għall-affarijiet materjali. Minflok ma joqgħod igawdi dak li għandu, individwu li jinqabad fil-ġiri sfrenat biex jikseb l-affarijiet materjali jistaʼ jsib li qatt ma jkun kuntent b’dak li jikseb imma dejjem ikun irid iktar, avolja dan jistaʼ jiswielu saħħtu. Ktieb li jgħin biex wieħed itejjeb lilu nnifsu jistqarr: “Ħafna ħaduha drawwa li jakkwistaw affarijiet għax il-ġâr tagħhom hekk għamel, anki jekk dan ikun tant iffissat fix-xogħol li taʼ tlieta u erbgħin sena jkun qed jistieden li jagħtih xi attakk f’qalbu.”
Il-kilba li wieħed jistaʼ jkollu biex jirsisti għal affarijiet materjali tistaʼ tant tkun kbira li ċċaħħdu minn kwalunkwe ferħ li kieku jistaʼ jgawdi fil-ħajja. Id-dgħjufijiet tagħna f’dan irrigward spiss jiġu sfruttati minn forza qawwija—ir-reklami! Il-programmi televiżivi huma miżgħuda b’reklami li jħeġġuk biex tixtri affarijiet li wisq probabbli lanqas għandek bżonnhom u li forsi tant ikunu għaljin li lanqas biss tistaʼ tixtrihom. Dan kollu jistaʼ jwassal għal ħsara kbira.
Meta jkun moħħna biss biex nitpaxxew, nistgħu bla ma nintebħu nagħmlu ħsara kbira lilna nfusna, kemm spiritwalment u kemm moralment. Per eżempju, l-għaref Sultan Salamun osserva: “Mistrieħ il-moħħ hu ħajja għall-ġisem.” (Proverbji 14:30) B’kuntrast, it-taħbit żejjed, l-ansjetà, u l-pressjonijiet biex ingeddsu l-għana materjali jistgħu jeqirdulna saħħitna u l-hena tagħna. Ir-relazzjonijiet ukoll jiġu effettwati ħażin meta nħallu l-miri materjali jiddominawlna ħajjitna. U meta l-ħajja tal-familja u soċjali taʼ dak li jkun imorru għall-agħar, anki l-kwalità taʼ ħajtu in ġenerali tiġi effettwata.
Il-Valuri Spiritwali Huma Superjuri
“Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema,” wissa l-appostlu Pawlu kważi elfejn sena ilu. (Rumani 12:2) Id-dinja tħobb lil dawk li jħaddnu l-valuri tagħha. (Ġwanni 15:19) Din għandha ħabta tappella għas-sensi tiegħek tal-vista, tal-mess, tat-togħma, tax-xamm, u tas-smigħ—iva, sabiex int tadotta ħajja materjalistika. Tenfasizza “x-xewqa taʼ l-għajnejn” sabiex int u oħrajn tirsistu biex tiksbu l-għana materjali.—1 Ġwanni 2:15-17.
Imma hemm valuri li huma bil-wisq superjuri għall-flus, il-prominenza, u l-ġid materjali. Sekli ilu, is-Sultan Salamun akkwista dak kollu li d-dinja setgħet toffri materjalment. Hu bena djar u kellu ġonna, siġar tal-frott, qaddejja, annimali, kantanti rġiel u nisa, kif ukoll ħafna deheb u fidda. Ħadd iktar qabel Salamun ma żied il-ġid materjali tiegħu daqskemm żiedu hu. Salamun kien sinjurun. Tistaʼ tgħid li kellu kulma tixtieq qalbu. Iżda, meta ħares lejn dak li rnexxielu jikseb, hu qal: “Kollox frugħa u ġiri wara r-riħ.”—Koħèlet 2:1-11.
Bl-għerf superjuri li Ġeħova kien tah, Salamun kien jaf li meta wieħed jirsisti għall-valuri spiritwali kien se jikseb sodisfazzjon akbar. Hu kiteb: “Hawn hu l-qofol tad-diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.’”—Koħèlet 12:13.
It-teżor li nsibu fil-paġni tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, jiswa bil-wisq iktar mid-deheb jew il-fidda. (Proverbji 16:16) Il-veritajiet profondi huma bħal ġawhar li qegħdin hemm biex tiskoprihom. Se tfittixhom u tħaffer għalihom? (Proverbji 2:1-6) Il-Ħallieq tagħna, is-Sors tal-valuri veri, iħeġġek biex tagħmel dan, u hu se jgħinek. Kif?
Ġeħova jipprovdi veritajiet prezzjużi permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu. (Salm 1:1-3; Isaija 48:17, 18; Mattew 24:45-47; 1 Korintin 2:10) Meta teżamina dan il-ġawhar rari li l-valur tiegħu hu imprezzabbli, int se jkollok l-opportunità li tagħżel b’mod intelliġenti l-aqwa ħajja u l-iktar waħda premjanti. U dan m’huwiex se jkun diffiċli li tagħmlu, għaliex Ġeħova, il-Ħallieq tagħna, jaf x’neħtieġu biex inkunu verament ferħanin.
Il-Bibbja Tinkuraġġixxi l-Aqwa Valuri
It-twissijiet, jew il-pariri, taʼ min joqgħod fuqhom li jinsabu fil-Bibbja huma kemm prattiċi kif ukoll uniċi. M’hemmx livelli morali oħra li jħabbtuha maʼ dawk li tgħallem il-Bibbja. Il-pariri tagħha huma dejjem taʼ benefiċċju. Iż-żmien wera kemm din tgħid il-verità u kemm hi prattika. Xi ftit mill-pariri siewja li nsibu fil-Bibbja huma li wieħed għandu jaħdem iebes, ikun onest, juża flusu bil-għaqal, u jevita l-għażż.—Proverbji 6:6-8; 20:23; 31:16.
Fi qbil maʼ dan, Ġesù qal: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-art, fejn jittieklu mill-kamla u s-sadid, u fejn jidħlu l-ħallelin biex jisirqu. Minflok, aħżnu teżori fis-sema, fejn ma jittiklux mill-kamla u mis-sadid, u fejn ma jidħlux il-ħallelin biex jisirqu.”—Mattew 6:19, 20.
Din it-twissija f’waqtha għadha tapplika llum daqskemm kienet 2,000 sena ilu. Minflok ma nkunu medhijin infittxu kif niksbu l-għana materjali, aħna nistgħu nibbenefikaw issa billi nirsistu għal mod taʼ ħajja superjuri. Is-sigriet hu li naħżnu teżori spiritwali, li jwasslu għal ħajja taʼ hena u kuntentizza vera. Dan kif nistgħu nagħmluh? Billi naqraw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u napplikaw dak li nitgħallmu minnha.
Valuri Spiritwali Jġibu Barkiet
Meta l-valuri spiritwali jiġu applikati b’mod xieraq, dawn se jkunu taʼ benefiċċju għalina fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Sewwasew bħalma l-faxx taʼ l-ożonu li qiegħed ħafna ogħla mill-art jipproteġina mir-raġġi tax-xemx li huma tant taʼ ħsara, il-prinċipji morali taʼ min joqgħod fuqhom jipproteġuna billi jagħmluna konxji taʼ l-effetti perikolużi tal-materjaliżmu. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara u li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina. Għax l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.”—1 Timotju 6:9, 10.
L-imħabba għar-rikkezzi tħajjar lin-nies ifittxu iktar għana, pożizzjoni, u poter. Biex jinkisbu dawn il-miri, spiss jintużaw mezzi qarrieqa u diżonesti. Il-ġiri wara l-affarijiet materjali jistaʼ jisraq il-ħin, is-saħħa, u l-abbiltajiet taʼ dak li jkun. Jistaʼ wkoll ma jħallix lil dak li jkun jorqod bil-lejl. (Koħèlet 5:11 [5:12, NW]) Il-ġiri wara l-għana materjali jfixkilna milli nagħmlu progress spiritwali. Ġesù Kristu, l-aqwa bniedem li qatt għex, wera ċar x’inhi l-aħjar triq: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Hu kien jaf li r-rikkezzi spiritwali jwasslu għal barkiet permanenti u huma bil-wisq iktar importanti mill-affarijiet materjali temporanji li niksbu.—Luqa 12:13-31.
Huma Tassew taʼ Benefiċċju?
“Il-ġenituri tiegħi pprovaw kemm felħu biex jikkonvinċuni li l-valuri spiritwali m’humiex prattiċi,” jiftakar Greg. “Madankollu, jien verament ksibt il-paċi tal-moħħ talli rsistejt biex nilħaq miri spiritwali għaliex jien ħieles mill-istress li jiġi meta wieħed jitħabat għall-għana.”
Barra minn hekk, il-valuri spiritwali jgħinuk tibni relazzjonijiet persunali aħjar. Il-ħbieb veri jinġibdu lejk minħabba t-tip taʼ persuna li int u mhux minħabba dak li għandek. Il-Bibbja tirrikkmanda: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref.” (Proverbji 13:20) Iktar minn hekk, huma l-għerf u l-imħabba li jgħinu biex familja tirnexxi u mhux l-affarijiet materjali.—Efesin 5:22–6:4.
Il-valuri ma nitwildux bihom. Irridu nitgħallmuhom minn dawk taʼ madwarna jew minn xi ħadd ogħla minna. Għalhekk, edukazzjoni bbażata minn fuq il-Bibbja tistaʼ tgħinna nbiddlu l-ħarsa mentali kollha tagħna dwar l-affarijiet materjali. “Ġejt megħjun biex inbiddel il-valuri li kelli, u tgħallimt inkun kuntent bil-bżonnijiet tal-ħajja,” jgħid Don, li qabel kien bankier.
Irsisti għall-Għana Spiritwali Dejjiemi
Il-valuri spiritwali jenfasizzaw barkiet li jibqgħu għal żmien twil, u mhux xi sodisfazzjon tal-mument. Pawlu kiteb: “L-affarijiet . . . li jidhru [materjali] huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux [spiritwali] huma għal dejjem.” (2 Korintin 4:18) Huwa minnu li l-ġiri wara affarijiet materjali jistaʼ jissodisfa x-xewqat tal-mument, imma mir-regħba m’huwiex se joħroġ ġid dejjiemi. Il-valuri spiritwali huma għal dejjem.—Proverbji 11:4; 1 Korintin 6:9, 10.
Il-Bibbja tikkundanna li wieħed jiffoka fuq affarijiet materjali bħalma qed jagħmlu l-maġġuranza tan-nies illum. Tgħallimna kif irrażżnu x-xewqat egoistiċi billi nżommu għajn sempliċi, iffokata fuq l-iktar affarijiet importanti, l-għana spiritwali. (Filippin 1:10) Ukoll tikxef eżatt x’inhi r-regħba—li tagħmel lilek innifsek qabel Alla. Hekk kif napplikaw dak li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla, aħna jkollna ferħ akbar. Ma nkunux iktar moħħna biex nirċievu iżda biex nagħtu. X’motiv qawwi biex ninbidlu u minflok ma jkun moħħna biex inpaxxu lilna nfusna jkun moħħna fil-valuri spiritwali!
Irridu nammettu li, sa ċertu punt, il-flus jistgħu jkunu taʼ protezzjoni. (Koħèlet 7:12) Imma l-Bibbja tistqarr b’mod realistiku: “[Ġidek] ikun ġa għadda; għax żgur irabbi l-ġwienaħ, u jtir bħal ajkla fl-ajru.” (Proverbji 23:5) In-nies jissagrifikaw ħafna affarijiet importanti biex jiksbu affarijiet materjali—is-saħħa, il-familja, u saħansitra kuxjenza nadifa—b’riżultati diżastrużi. Mill-banda l-oħra, il-fatt li jkollna l-ispiritwalità jissodisfa l-iktar bżonnijiet importanti li jistaʼ jkollna—il-bżonn għall-imħabba, il-bżonn għal skop, u l-bżonn li nqimu lil Alla taʼ mħabba, Ġeħova. Il-Bibbja turi wkoll it-triq għall-ħajja taʼ dejjem bħala bnedmin perfetti f’art magħmula ġenna—it-tama li Alla qed joffrilna.
Dalwaqt, il-ħolma li l-bniedem jgħix bla ma jonqsu xejn se titwettaq kompletament fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Salm 145:16) F’dak iż-żmien l-art kollha se tkun ‘mimlija bl-għarfien tal-Mulej.’ (Isaija 11:9) Il-valuri spiritwali se jiffjorixxu. Il-materjaliżmu u l-effetti koroh li jkun ħalla se jispiċċaw kompletament. (2 Pietru 3:13) Imbagħad, dawk l-affarijiet li jagħmlu l-ħajja ferm iktar sabiħa u pjaċevoli—saħħa perfetta, xogħol sodisfaċenti, rikreazzjoni bnina, familja li taf tħobb, u ħbiberija dejjiema m’Alla—se jġibu l-hena veru lill-bnedmin għal dejjem.
[Kaxxa F’Paġna 6]
Uża Flusek bil-Għaqal!
Agħraf x’inhuma l-bżonnijiet tiegħek. Ġesù għallimna nitolbu: “Agħtina ħobżna għal dan il-jum skond il-bżonn taʼ dan il-jum.” (Luqa 11:3) L-affarijiet li tixtieq tibdiex tqishom bħala bżonnijiet. Ftakar li ħajtek ma tiddependix minn dak li għandek.—Luqa 12:16-21.
Ippjana kif tqassam il-flus. Taqbadx u tixtri kulma tara. Il-Bibbja tgħid: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu; imma min jgħaġġel jiġi fil-bżonn.” (Proverbji 21:5) Ġesù ta parir lis-semmiegħa tiegħu biex iqisu n-nefqa qabel ma jidħlu għal xi proġett finanzjarju.—Luqa 14:28-30.
Evita dejn bla bżonn. Fejn hu possibbli faddal biex tixtri xi ħaġa minflok ma tixtriha bid-dejn. Il-proverbju jpoġġiha b’dan il-mod: “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” (Proverbji 22:7) Jekk tikkontrolla lilek innifsek u ma tonfoqx iktar milli tiflaħ, int jistaʼ jirnexxilek tippjana biex tixtri affarijiet li jiswew iktar.
Evita l-ħela. L-affarijiet li diġà għandek ibżaʼ għalihom ħalli jservuk, u b’hekk tnaqqas il-ħela. Mill-mod kif uża l-affarijiet, Ġesù wera li ma kinitx togħġbu l-ħela.—Ġwanni 6:10-13.
Żomm l-iktar affarijiet importanti l-ewwel. Bniedem għaqli se ‘juża l-ħin bl-aħjar mod’ biex ikun jistaʼ jwettaq miri iktar importanti.—Efesin 5:15, 16.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
Nitgħallmu mill-Esperjenza—Jeżisti Mod Aħjar minn Dan
L-esperjenza persunali—kemm dik sabiħa u kemm dik kerha—tistaʼ tgħallimna lezzjonijiet siewja. Imma huwa minnu, kif jgħidu, li l-aħjar mod biex titgħallem huwa bl-esperjenza? Le, hemm sors taʼ gwida iktar superjuri. Is-salmista identifika dan is-sors meta talab: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.”—Korsiv tagħna; Salm 119:105.
Li titgħallem permezz taʼ l-istruzzjoni mingħand Alla għala huwa ferm aħjar milli titgħallem mill-esperjenza persunali? Għal raġuni waħda, it-tagħlim mill-esperjenza biss—li nitgħallmu bl-iżbalji tagħna u nerġgħu nipprovaw—jistaʼ jiswiena ħafna kif ukoll ikun taʼ wġigħ. Xi ħaġa oħra hi li dan m’huwiex neċessarju. Alla qal lill-Iżraelin tal-qedem: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:18.
Raġuni waħda għaliex il-Kelma t’Alla tispikka bħala sors taʼ informazzjoni hija għax din tinkludi l-eqdem u l-iktar rakkont preċiż dwar l-esperjenza tal-bniedem. X’aktarx li int tistaʼ tirrealizza li huwa aħjar li titgħallem mis-suċċessi u n-nuqqasijiet t’oħrajn mingħajr ma tbati konsegwenzi, milli tirripeti l-iżbalji tagħhom. (1 Korintin 10:6-11) Iktar importanti minn hekk, fil-Bibbja, Alla jagħtina liġijiet eċċellenti u prinċipji bħala gwida li huma taʼ min joqgħod fuqhom mija fil-mija. “Il-liġi taʼ Ġeħova hija perfetta . . . It-tfakkira taʼ Ġeħova hija taʼ min jafdaha, billi lil wieħed mingħajr esperjenza tagħmlu għaref.” (Salm 19:7, NW) Ċertament, li titgħallem mill-għerf tal-Ħallieq tagħna mimli mħabba huwa l-aħjar mod possibbli.
[Stampi f’paġna 4]
Id-dinja tridek tadotta l-ħajja materjalistika tagħha
[Stampa f’paġna 5]
It-teżor li hemm fil-Bibbja hu bil-wisq iktar taʼ valur mid-deheb jew il-fidda