LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 11/13 pp. 10-11
  • Pjanista tal-Mużika Klassika Jispjega t-Twemmin Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Pjanista tal-Mużika Klassika Jispjega t-Twemmin Tiegħu
  • Stenbaħ!—2013
  • Materjal Simili
  • Tagħmel differenza liema mużika nagħżel li nismaʼ?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Mużika li Togħġob ’l Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Stenbaħ!—2013
g 11/13 pp. 10-11

INTERVISTA | ELDAR NEBOLSIN

Pjanista tal-​Mużika Klassika Jispjega t-​Twemmin Tiegħu

Eldar Nebolsin mill-​Uzbekistan hu pjanista taʼ fama internazzjonali. Hu daqq bħala solista maʼ orkestri f’Londra, Moska, San Pietruburgu, New York, Pariġi, Ruma, Sydney, Tokjo, u Vjenna. Eldar trabba fl-​Unjoni Sovjetika bħala ateu. Imma iktar tard wasal għall-​konklużjoni li l-​bniedem hu x-​xogħol taʼ Ħallieq taʼ mħabba. Stenbaħ! staqsieh dwar il-​mużika u t-​twemmin tiegħu.

Kif sirt mużiċista?

Il-​ġenituri tiegħi t-​tnejn huma pjanisti. Bdew jgħallmuni meta kelli ħames snin. Iktar tard, studjajt fl-​iskola tal-​mużika avanzata f’Tashkent.

Għidilna dwar l-​isfidi li tiltaqaʼ magħhom meta ddoqq f’orkestra.

L-​ebda żewġ orkestri mhuma l-​istess. Huma bħal strumenti mużikali ġganteski li “jindaqqu” mis-​surmast tagħhom. Forsi l-​ikbar sfida għas-​solista hi li jkollu komunikazzjoni mużikali bbilanċjata mas-​surmast. Qisha diskursata bejn żewġt iħbieb—iktar milli wieħed minnhom jieħu r-​riedni f’idejh, kull wieħed għandu jċedi lill-​ieħor. Ġeneralment, ikollok biss prova jew tnejn biex tiżviluppa din ir-​relazzjoni.

Kemm tqattaʼ ħin tipprattika?

Mill-​inqas tliet sigħat kuljum—u dan mhux biex nipprattika l-​biċċiet diffiċli biss. Nistudja wkoll l-​istruttura tal-​biċċa li nkun qed nipprepara—imma mingħajr ma ndoqqha. Ħaġ’oħra li nagħmel hi li nismaʼ xogħlijiet oħrajn tal-​istess kompożitur u dan jagħtini fehma aħjar tal-​biċċa li nkun qed nipprepara.

X’tgħid li jiddistingwih pjanista tajjeb?

Il-​kapaċità tiegħu li jġiegħel il-​pjanu “jkanta.” Ħalli nispjega. Il-​pjanu hu tip taʼ strument tal-​perkussjoni. Wara li tindaqq nota, il-​ħoss jistaʼ biss jonqos fil-​volum, għall-​kuntrarju taʼ strumenti tan-​nifs jew il-​vuċi umana, li jistgħu jżommu nota jew inkella jżidu l-​volum tagħha. L-​isfida għall-​pjanisti hi li jegħlbu t-​tendenza li nota tisfuma fix-​xejn. Jagħmlu dan permezz taʼ movimenti sottili tas-​swabaʼ u l-​polz, flimkien mal-​użu kumpless tal-​pedala tal-​lemin, li ttawwal il-​ħin li ddum iddoqq nota u tvarja t-​ton tagħha. Meta pjanista jirnexxilu jagħmilhom tajjeb dawn it-​tekniki diffiċli, hu jistaʼ jġiegħel il-​pjanu jinstemaʼ qisu flawt, kurunetta, jew saħansitra orkestra. Jistaʼ anke jagħmlu jinstemaʼ jixbah lill-​istrument tal-​aqwa kwalità fosthom kollha—il-​vuċi umana.

Jidher ovvju li għandek imħabba profonda għall-​mużika.

Għalija, il-​mużika hija l-​lingwa li l-​iktar tesprimi u tqanqal direttament sentimenti li huma diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tikkomunikahom bil-​kliem.

X’qanqallek l-​interess f’affarijiet spiritwali?

Id-​dar tagħna dejjem kienet mimlija kotba li missieri kien iġib minn Moska. Ktieb li interessani partikularment kien fih stejjer mill-​Bibbja dwar il-​bidu tal-​istorja u l-​esperjenzi tal-​Iżraelin. Ktieb ieħor li ġie f’idejja kien Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.a Il-​preżentazzjoni ċara tiegħu taʼ tagħlim mill-​Bibbja affaxxinatni. Meta mort noqgħod Spanja fl-​1991 biex nistudja l-​mużika ħadtu miegħi dak il-​ktieb u qrajtu kemm-​il darba. Skoprejt twemmin li ma kienx biss ibbażat fuq l-​emozzjoni imma wkoll fuq raġunar li jagħmel sens u fuq evidenza konvinċenti.

Tagħlim li vera qajjimli l-​kurżità kien il-​wegħda tal-​Bibbja li n-​nies jistgħu jgħixu fuq l-​art għal dejjem. Tant kien jagħmel sens! Irrid ngħid li kont għadni ma ltqajtx max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma kont deċiż li meta fl-​aħħar niltaqaʼ magħhom nitlobhom jagħtuni lezzjonijiet tal-​Bibbja.

Kif iltqajt max-​Xhieda?

Ftit jiem wara li ħadt dik id-​deċiżjoni, rajt żewġ nisa, kull waħda bil-​Bibbja f’idha. ‘Jidhru qishom in-​nies li qrajt dwarhom fil-​ktieb tiegħi,’ ħsibt bejni u bejn ruħi. ‘Qed jippritkaw eżatt bħalma għamlu l-​Kristjani fi żminijiet Bibliċi.’ F’kemm ili ngħidlek bdejt nistudja l-​Bibbja maʼ Xhud. Illum, l-​għaxqa tiegħi hi li ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-​Ħallieq tagħna.

Meta tqis li kont ateu, xi kkonvinċiek biex temmen f’Ħallieq?

Kienet il-​mużika nfisha. Kważi kulħadd japprezzaha l-​mużika u b’tali mod li ebda annimal ieħor ma jistaʼ. Il-​mużika tistaʼ tesprimi l-​ferħ, il-​kunfidenza, it-​tenerezza, u kważi kull emozzjoni oħra. Aħna awtomatikament niċċaqalqu mar-​ritmi tal-​mużika. Imma hi neċessarja l-​mużika għas-​sopravivenza tagħna? Għandha xi sehem fis-​“sopravivenza tal-​iktar b’saħħtu,” bħalma jgħallmu l-​evoluzzjonisti? Ma naħsibx. Fil-​fehma tiegħi, mhux raġunevoli li tikkonkludi li l-​moħħ uman, bil-​kapaċità tiegħu li joħloq u japprezza l-​mużika bħal dik taʼ Mozart u Beethoven, hu l-​prodott tal-​evoluzzjoni. Spjegazzjoni ħafna iktar raġunevoli hi li l-​moħħ hu l-​prodott taʼ Ħallieq għaref u kollu mħabba.

Il-​Bibbja hi bħal sinfonija bi struttura eleganti, arranġament tas-​sengħa, u b’messaġġ li jqanqal l-​emozzjoni tal-​umanità

X’wasslek biex temmen li l-​Bibbja hi minn Alla?

Il-​Bibbja hi kollezzjoni taʼ 66 ktieb żgħir li nkitbu fuq medda taʼ madwar 1,600 sena minn xi 40 raġel. Staqsejt lili nnifsi, ‘Min setaʼ dderieġa l-​kitba taʼ kapolavur unit bħal dan?’ L-​unika risposta raġunevoli hi Alla. F’moħħi, il-​Bibbja hi bħal sinfonija bi struttura eleganti, arranġament tas-​sengħa, u b’messaġġ li jqanqal l-​emozzjoni tal-​umanità kollha.

a Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova issa jużaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja. Tistaʼ ssibu f’www.jw.org/mt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja