Mużika li Togħġob ’l Alla
Il-mużika ġiet deskritta bħala “l-eqdem u l-iktar arti naturali mit-tipi kollha taʼ arti li jeżistu.” Din, bħal-lingwa, hija don taʼ l-għaġeb li lill-bniedem tagħmlu ferm iktar superjuri mill-annimal. Il-mużika tqanqal l-emozzjonijiet. Tistaʼ tpaxxi l-widna u tibqaʼ żżommha f’moħħok. Fuq kollox, il-mużika tistaʼ wkoll togħġob ’l Alla.
BĦALMA turi l-Bibbja, l-Iżraelin kienu nies li jħobbu l-mużika. Unger’s Bible Dictionary jgħid li l-mużika kienet “arti popolari ħafna fl-antik—fi żminijiet Bibliċi.” Fil-qima tagħhom taʼ kuljum kienu jdaħħlu l-mużika kemm vokali u kemm strumentali. Imma kienet il-vuċi li kienet tintuża l-iktar.
Qabel ma kien inawgurat it-tempju li nbena minn ibnu Salamun, is-sultan David ħatar rappreżentanti fost il-Leviti “għat-tmexxija tal-kant” fit-tabernaklu. (1 Kronaki 6:16, 17 [6:31, 32, NW]) Meta l-arka tal-patt, li kienet tirrappreżenta l-preżenza taʼ Jehovah, waslet Ġerusalemm, David għamel arranġamenti sabiex ftit mil-Leviti jkunu jistgħu “[j]fakkru, iroddu ħajr, u jfaħħru lill-Mulej.” Waqt li kienu jkantaw dawn kienu jdoqqu “l-arpi u ċ-ċetri, . . . il-platti . . . [u] t-trombi.” Dawn l-irġiel kienu “magħżulin, u msemmijin b’isimhom, biex ifaħħru lill-Mulej: ‘Għax għal dejjem hi t-tjieba tiegħu.’”—1 Kronaki 16:4-6, 41; 25:1.
Ir-ritornell “għal dejjem hi t-tjieba tiegħu” jidher ħafna drabi fil-ktieb tas-Salmi, l-iktar ktieb Bibliku assoċjat mal-mużika. Per eżempju, hemm 26 vers f’Salm 136 u dawn kollha jispiċċaw b’dan ir-ritornell. “Għax qasir, setaʼ jdur għal ilsienhom,” josserva wieħed studjuż tal-Bibbja. “Kulmin kien jisimgħu, setaʼ jibqaʼ jiftakru.”
Il-kitba li nsibu qabel ħafna mis-salmi tindika li kienu jintużaw l-istrumenti mużikali. Salm 150 isemmi t-tromba, l-arpa, iċ-ċetra, it-tanbur, is-sfafar, kif ukoll id-daqq tal-kordi. Madankollu, l-iktar li tissemma hija l-vuċi. Vers 6 jħeġġeġ: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej! Hallelujah!”
Ladarba l-mużika tesprimi s-sentimenti tagħna, fi żminijiet Bibliċi n-nies kienu jesprimu l-ħsibijiet taʼ niket tagħhom billi jkantaw għanjiet funebri jew xi innu bil-kantaliena. Madankollu, dan it-tip taʼ kant ma tantx kont issibu fil-mużika taʼ Iżrael. “Kien biss f’ċerti għanjiet funebri jew taʼ dwejjaq li kienu jippreferu dan l-istil taʼ kantaliena minn dak tal-melodija mużikali jew tad-diskors li jingħad b’ton differenti u b’enfasi,” tosserva l-enċiklopedija Biblika, Insight on the Scriptures.a
Ġesù u l-appostli leali tiegħu għannew tifħir lil Jehovah fil-lejl taʼ qabel il-mewt taʼ Ġesù, meta bla dubju kienu qed ikantaw il-kliem tas-Salmi msejħin Ħallel. (Salmi 113–118) Min jaf kemm saħħaħhom dan lid-dixxipli taʼ Ġesù ħalli jkunu jistgħu jifilħu għaliha l-mewt taʼ Sidhom! Iktar minn hekk, id-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu leali lejn is-Sovran Suprem taʼ l-univers, Jehovah, żgur li kompliet tissaħħaħ hekk kif huma rripetew għal ħames darbiet ir-ritornell: “għal dejjem it-tjieba tiegħu.”—Salm 118:1-4, 29.
Il-Kristjani tal-bidu ġewwa Efesu u Kolossi kienu jkantaw ‘salmi u innijiet.’ Maʼ dawn kienu jżidu “għana spiritwali” li kienu jkantaw f’qalbhom. (Efesin 5:19; Kolossin 3:16) Kemm bil-kant kif ukoll bid-diskors, huma b’mod xieraq użaw fommhom biex ilissnu t-tifħir. Ġesù mhux hekk kien qal li “mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm”?—Mattew 12:34.
Mużika li Alla Jobgħod
Mhux il-mużika kollha li hemm imsemmija fil-Bibbja kienet togħġbu lil Alla. Aħseb ftit fuq dak li ġara ħdejn il-Muntanja Sinaj, fejn Mosè ngħata l-Liġi, inklużi l-Għaxar Kmandamenti. Mosè x’samaʼ meta niżel minn fuq il-muntanja? “M’hux ħoss l-għajat taʼ rebħa; m’hux ħoss l-għajat taʼ telfa, imma l-ħoss taʼ għana” differenti. Din kienet mużika li kellha x’taqsam maʼ l-idolatrija, xi ħaġa li qanqlet il-korla t’Alla u li rriżultat fil-mewt taʼ madwar 3,000 ruħ li kienu qed idoqqu u jisimgħu dik il-mużika.—Eżodu 32:18, 25-28.
Għalkemm il-bnedmin kapaċi jikkomponu, idoqqu u jieħdu gost b’kull tip taʼ mużika, dan ma jfissirx li kull xorta taʼ mużika togħġob ’l Alla. Għala? L-appostlu Kristjan Pawlu jispjega: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) It-temi taʼ kompożizzjonijiet mużikali huma spiss ibbażati fuq riti pagani tal-fertilità, id-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ, u l-qima lejn Marija bħala “omm Alla.” Madankollu, twemmin u prattiċi bħal dawn jiddiżonoraw lil dak Alla taʼ verità, għax imorru kontra dak li hu rrivelat fil-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja.—Dewteronomju 18:10-12; Eżekjel 18:4; Luqa 1:35, 38.
Agħżel il-Mużika Tiegħek bil-Għaqal
Tibqaʼ mbellah kemm hawn tipi differenti taʼ mużika minn fejn tagħżel. L-istampi fuq is-CDs jagħmluhom biex iħajru lin-nies jixtru kull xorta taʼ diski. Imma jekk int adoratur t’Alla u tixtieq togħġob Lilu, se toqgħod attent u tagħżel bil-għaqal sabiex tevita dik il-mużika, kemm vokali u kemm strumentali, li tkun ispirata minn twemmin reliġjuż falz jew li tiffoka fuq l-immoralità u d-demoniżmu.
Albert, wieħed Kristjan li darba kien jaqdi bħala missjunarju fl-Afrika, jammetti li ftit kellu ħin idoqq il-pjanu meta kien hemmhekk. Però, tgħidx kemm-il darba kien jismagħhom dawk il-ftit diski li kien ħa miegħu. Issa li reġaʼ lura lejn pajjiżu, Albert iżur il-kongregazzjonijiet bħala indokratur li jivvjaġġa. Il-ħin li għandu biex jismaʼ l-mużika huwa limitat. “Il-kompożitur favorit tiegħi hu Beethoven,” jgħid hu. “Matul is-snin, irnexxieli niġbor kollezzjoni taʼ diski tiegħu taʼ sinfoniji, konċerto, sonati u kwartetti.” Tgħidx kemm jieħu gost jismagħhom. M’għandniex xi ngħidu, kulħadd għandu l-gosti tiegħu fil-mużika, imma bħala Kristjani rridu nżommu f’moħħna l-parir taʼ Pawlu: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja taʼ Alla.”—1 Korintin 10:31.
Il-Mużika u d-Dedikazzjoni
L-iktar ħaġa li tħobb Susie kienet il-mużika. “Bdejt indoqq il-pjanu taʼ 6 snin, il-vjolin taʼ 10 snin, u fl-aħħar l-arpa meta kelli 12-il sena,” tispjega hi. Iktar tard, Susie attendiet kors l-Ingilterra biex tistudja l-arpa fir-Royal College of Music taʼ Londra. Damet tistudja erbaʼ snin maʼ mużiċista famuża Spanjola li kienet iddoqq l-arpa, u sena oħra fil-Konservatorju taʼ Pariġi. Hi kisbet il-lawrja bl-unuri fil-mużika u għandha diplomi fid-daqq taʼ l-arpa u bħala għalliema tal-pjanu.
Susie bdiet tassoċja maʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Londra. Hemmhekk sabet kemm ix-Xhieda kienu jinteressaw ruħhom f’xulxin u jħobbu lil xulxin b’mod ġenwin. Bil-mod il-mod, l-imħabba tagħha lejn Jehovah bdiet tikber, u ż-żelu tagħha għas-servizz tiegħu qanqalha biex tfittex modi kif taqdih. Dan wassalha biex tiddedika ruħha u titgħammed. “Peress li l-karriera tiegħi fil-mużika kienet titlob ħajja taʼ dedikazzjoni, kont diġà naf xi tfisser li tiddedika ħajtek,” tgħid Susie. Il-ħin għall-kunċerti kompla dejjem jonqos hekk kif bdiet tieħu sehem fil-ministeru Kristjan u bdiet ixxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla sabiex tobdi l-kmand taʼ Ġesù.—Mattew 24:14; Mark 13:10.
Kif tħossha issa li m’għadx għandha daqshekk ħin għall-kunċerti mużikali? “Xi kultant inħossni daqsxejn frustrata għax m’għandix iktar ħin nipprattika,” tammetti hi, “imma jien xorta waħda ndoqq u nieħu gost nismaʼ l-mużika. Il-mużika hija rigal mingħand Jehovah. Issa li poġġejt is-servizz tiegħu l-ewwel f’ħajti iktar qed nieħu gost biha.”—Mattew 6:33.
Mużika li Ġġib Tifħir ’l Alla
Albert u Susie, flimkien maʼ kważi sitt miljun oħra li huma Xhieda taʼ Jehovah, qegħdin ifaħħru lil Alla Jehovah regolarment permezz tal-mużika. Fil-laqgħat Kristjani li jsiru fis-Swali tas-Saltna f’234 pajjiż, huma jibdew u jispiċċaw il-laqgħat tagħhom, dejjem jekk dan ikun possibbli, billi jkantaw għanjiet lil Jehovah. Dawn il-melodiji sbieħ huma miktubin għal żewġ vuċijiet u fihom kliem ibbażat fuq l-Iskrittura li hu kollu tifħir lil Alla Jehovah.
Dawk li jattendu jkantaw b’leħen għoli u bil-qalb dwar kemm Jehovah hu Alla li verament jieħu ħsiebna (Għanja 44). Ikantaw għanja taʼ tifħir lil Jehovah (Għanja 190). Bl-għanjiet tagħhom huma jirrikonoxxu l-ferħ u r-responsabbiltajiet tal-fratellanza Kristjana, taʼ l-għajxien Kristjan, u tal-kwalitajiet Kristjani. Id-diversi stili mużikali li Xhieda mill-Asja, l-Awstralja, l-Ewropa, u l-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel użaw biex jikkomponu l-melodiji jkomplu jferrħulhom qalbhom.b
“Għannu lill-Mulej għanja ġdida; għannu lill-Mulej fl-art kollha! Għannu lill-Mulej, bierku ismu!” Dan hu kif jibda innu grandjuż irjali li ġie miktub fi żmien is-salmista. “Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.” (Salm 96:1-3) Dan hu li qed jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah fil-pajjiż tiegħek, u huma jistidnuk tingħaqad magħhom f’li tgħanni dan it-tifħir. Int mistieden li tattendi fis-Swali tas-Saltna tagħhom, fejn se titgħallem kif tfaħħar lil Jehovah bil-mużika li togħġob lilu.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikata mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Dawn l-għanjiet jinsabu fil-ktieb Għannu Tifħir lil Jehovah, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 28]
Jgħannu tifħir lil Jehovah