Il-Mużika—Rigal Mogħti Minn Alla lill-QALB
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA
IL-MUŻIKA għandha l-qawwa. Tistaʼ tikkalmana, tqanqlilna ċerti emozzjonijiet, u tagħmilna ferħanin. Tistaʼ tesprimi kemm il-ferħ kif ukoll id-dwejjaq li jkollna. Il-mużika, li hija magħrufa kważi mal-kulturi kollha—dawk tal-passat u dawk taʼ llum—tmiss kemm il-moħħ u kemm il-qalb. Iva, il-mużika hija tassew rigal mingħand Alla.—Ġenesi 4:21.
X’aktarx li ilna mit-twelid nisimgħu xi tip taʼ mużika. Forsi ommna kienet tħanninna bil-kant biex tgħinna norqdu. Jistaʼ jkun li matul is-snin taʼ l-adoloxxenza tagħna żviluppajna ġibda lejn tip taʼ mużika li qanqlet ċerti emozzjonijiet f’qalbna. Anki bħala adulti, ħafna minna nieħdu pjaċir b’mużika li tirrilassana waqt li nkunu qed insuqu jew meta nkunu d-dar wara xi ġurnata mimlija.
Il-lirika taʼ xi diski jistaʼ jkollha ċerti aspetti tal-kultura jew l-istorja tal-pajjiż. L-Iżraelin tal-qedem ikkommemoraw għadd t’okkażjonijiet speċjali bil-kant. (Eżodu 15:1-21; Mħallfin 5:1-31) Il-profeta Mosè pprepara għanja li kienet tinkludi storja u twissija sinċiera għall-poplu. (Dewteronomju 32:1-43) Bla dubju, għanjiet bħal dawn x’aktarx li kienu għajnuna tajba għall-memorja.
Int Tistaʼ Toħloq il-Mużika!
Jistaʼ jkun li qed taħseb, ‘Jien ma ninqalax fejn tidħol il-mużika.’ Mela aħseb daqsxejn dwar il-vuċi tiegħek. Grazzi għal dan l-istrument li jinsab ġo fina, kważi kulħadd jistaʼ, sa ċertu punt, joħloq il-mużika, sew bl-użu taʼ strumenti oħrajn u sew mingħajrhom. Kulma trid tagħmel huwa li tiftaħ ħalqek u tibda tkanta. U meta tagħmel dan, tagħtix kas jekk ma jċapċpulekx għal leħnek jew jekk ma taqlax il-prosit. Ipprattika, u għandek titjieb.
“Il-vuċi għandha kuntatt dirett mal-post minn fejn joħorġu l-iktar emozzjonijiet profondi tagħna, u hija l-iktar strument effiċjenti kif nistgħu nesprimuhom,” tgħid ir-rivista Spanjola Psychologies. “[Il-kant] huwa eċċitanti,” tgħid is-sopran Ainhoa Arteta. “Nirrikkmanda li kulmin iħoss li jrid jesprimi lilu nnifsu bil-kant jagħmel dan mingħajr ma joqgħod jaħsibha u b’mod spontanju.”
Aħna rridu nkunu selettivi peress li l-mużika jistaʼ jkollha influwenza qawwija fuq il-qalb. Per eżempju, melodiji sbieħ jistgħu jġiegħlu lin-nies ma jinnotawx liriċi koroh li jiġġustifikaw jew saħansitra jippromwovu l-mibegħda, l-immoralità, jew il-vjolenza—suġġetti li ebda persuna li trid togħġob lil Alla ma ssibhom pjaċevoli. (Efesin 4:17-19; 5:3, 4) Il-Kelma t’Alla tgħid: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.” (Proverbji 4:23) Iva, l-għażla tiegħek tal-mużika hija kwistjoni importanti.a
Mużika Tajba Tistaʼ Tkun Mediċina Tajba
“Fost ir-raġunijiet għall-eżistenza tal-mużika fi kważi kull kultura [hemm] li ġġiegħel lill-bnedmin iħossuhom b’saħħithom u tajbin,” jgħid il-ktieb Principles and Practice of Stress Management. Meta nkunu qed inkantaw, tgħid referenza oħra, ġisimna kollu kemm hu jidwi u jivvibra. Mill-banda l-oħra, il-vibrazzjonijiet ġentili jgħinu lit-tessuti biex jirrilassaw u jitwessgħu, u dan għandu mnejn inaqqas l-uġigħ.
Xi terapisti jħeġġu lill-pazjenti li jsofru mill-istress biex jisimgħu mużika li sserraħ, u dan jistaʼ jtejjeb il-burdata taʼ dak li jkun. Xi sptarijiet saħansitra jħallu l-mużika rekordjata għaddejja fis-swali tal-kura intensiva. Trabi li jitwieldu qabel iż-żmien u pazjenti li jkunu għadhom kif ġew operati taʼ spiss jirreaġixxu tajjeb għal mużika pjaċevoli. Skond il-ktieb Principles and Practice of Stress Management, studji li saru jissuġġerixxu li meta dak li jkun jismaʼ mużika rilassanti, dan “inaqqas ħafna l-livelli taʼ l-ormoni taʼ l-istress waqt il-kirurġija.”
Il-mużika tistaʼ wkoll tnaqqas l-ansjetà fin-nisa tqal billi tgħinhom jirrilassaw waqt l-uġigħ tal-ħlas u t-twelid tat-tarbija. Xi drabi d-dentisti jħallu mużika li sserraħ għaddejja biex toħloq atmosfera iktar rilassanti għal pazjenti li jkunu beżgħanin. Imma l-mużika u l-kant jistgħu jġibu ħafna iktar benefiċċji. Jistgħu jgħinuna spiritwalment.
‘Inrodd Ħajr lil Alla bl-Għana’
Kont taf li madwar għaxra fil-mija mill-Bibbja hija miktuba f’forma t’għanjiet? L-aqwa eżempji huma s-Salmi, l-Għanja taʼ l-Għanjiet, u l-Lamentazzjonijiet. Minn dan nistgħu nifhmu għala l-maġġorparti mill-kważi tliet mitt referenza għall-kant hi relatata mal-qima t’Alla. “Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi . . . , nroddlu ħajr bil-għana tiegħi,” kiteb David, is-sultan Iżraeli, li kien mużiċist u kompożitur taʼ talent kbir.—Salm 28:7.
Fil-fatt, David organizza 4,000 raġel li kienu ġejjin mit-tribù taʼ Levi biex jaqdu bħala mużiċisti u għannejja f’Ġerusalemm. Minn dawn, 288 kienu “mħarrġa fil-kant lill-Mulej, lkoll jinqalgħu.” (1 Kronaki 23:4, 5; 25:7) M’hemm ebda dubju li dawn l-għannejja kienu jipprattikaw kontinwament. Tabilħaqq, il-mużika kienet tant importanti għall-qima taʼ Ġeħova li l-għannejja kienu meħlusin mid-dmirijiet l-oħrajn tat-tempju sabiex jikkonċentraw fuq il-kant.—1 Kronaki 9:33.
Il-lejl taʼ qabel ma miet Ġesù, hu u l-appostli tiegħu kantaw tifħir lil Alla, x’aktarx Salmi 113 sa 118. Sa żmien Ġesù, dawn is-salmi—imsejħin “Salmi tal-Ħallel”—tkantaw matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. (Mattew 26:26-30) Id-deskrizzjoni “Salmi tal-Ħallel” tirreferi għall-użu ripetut tagħhom taʼ l-esklamazzjoni “Hallelujah” li tfisser “Faħħru lil Jah!” (NW) Jah hija forma mqassra u poetika taʼ l-isem Jehovah bl-Ingliż (Ġeħova bil-Malti), l-isem t’Alla l-Iktar Għoli.—Salm 83:19 (83:18, NW).
Il-kant sar ukoll parti mill-qima Kristjana. Il-ktieb The History of Music jgħid: “Il-kant fil-pubbliku u fil-qima privata kien jiġi prattikat mill-Kristjani tal-bidu. Għal-Lhud konvertiti din kienet kontinwazzjoni tad-drawwiet fis-sinagoga . . . Minbarra s-Salmi Ebrajċi . . . , it-twemmin il-ġdid spiss kellu t-tendenza li jipproduċi innijiet ġodda.” Illum, ukoll, Xhieda Kristjani taʼ Ġeħova jitgħaxxqu jfaħħru lil Ġeħova b’kant, kemm fil-privat kif ukoll fil-laqgħat Kristjani tagħhom.
Minħabba l-mużika nistgħu nesprimu kważi kull emozzjoni u peress li jistaʼ jkollha effett qawwi fuq qalbna, moħħna, u ġisimna, aħna għandna nuru rispett profond lejn dan “ir-rigal perfett . . . minn fuq.” (Ġakbu 1:17) Iva, jalla nużawh sikwit u bil-għaqal.
[Nota taʼ taħt]
a Minbarra li jiċħdu diski li jfaħħru l-mibegħda, l-immoralità, jew il-vjolenza, uħud li jħobbu lil Alla u lil għajrhom jirrifjutaw ukoll li jisimgħu mużika li tippromwovi l-idolatrija, in-nazzjonaliżmu, jew il-gideb reliġjuż.—Isaija 2:4; 2 Korintin 6:14-18; 1 Ġwanni 5:21.