GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | ŻGĦAŻAGĦ
Kif taċċetta l-korrezzjoni
L-ISFIDA
“Meta xi ħadd jikkoreġik, dik il-persuna bażikament tkun qed tgħidlek li qed tagħmel xi ħaġa ħażina. U jien ma naf lil ħadd li jgħid, ‘Jien tgħidx kemm nieħu pjaċir meta jgħiduli li qed nagħmel xi ħaġa ħażina!’”—Amy, 17-il sena.a
Bniedem li ma jaċċettax il-korrezzjoni jkun bħal bdot li jinjora direzzjoni mogħtija mit-torri tal-kontroll. Ir-riżultat jistaʼ jkun diżastruż.
Int issibha diffiċli taċċetta l-korrezzjoni mingħand il-ġenituri, l-għalliema, u adulti oħrajn? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu se jgħinek.
DAK LI GĦANDEK TKUN TAF
Kulħadd għandu bżonn il-korrezzjoni.
“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġakbu 3:2.
“M’hemmx minn xiex tistħi f’li jkollok bżonn tiġi kkoreġut meta tagħmel xi ħaġa ħażina.”—Jessica.
Jekk tkun ikkoreġut ma jfissirx li m’int kapaċi għal xejn.
“Ġeħovab jwiddeb lil min iħobb, bħalma jagħmel missier lil ibnu li bih jitgħaxxaq.”—Proverbji 3:12.
“Meta xi ħadd jikkoreġini, nipprova niffoka fuq kemm ikun diffiċli għalih li jagħmel dan u kemm jirrikjedi mħabba biex itini l-parir.”—Tamara.
Il-korrezzjoni tistaʼ tgħinek issir persuna aħjar.
“Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief.”—Proverbji 8:33.
“Il-korrezzjoni hi essenzjali biex timmatura. Tagħtik id-dehen taʼ kif ħaddieħor jarak u tgħinek taqtaʼ drawwiet ħżiena li għandu mnejn lanqas biss tkun taf li għandek.”—Deanne.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Qis il-kwistjoni minn ħarsa differenti. Forsi tieħu għalik jekk tiġi kkoreġut. Imma pprova insa ftit kif tħossok. Biex tagħmel dan, għal mument qis il-kwistjoni minn ħarsa differenti, jiġifieri li inti qed tagħti l-istess parir lil xi ħadd ieħor—forsi lil ħuk jew oħtok iżgħar minnek. Tistaʼ issa tara għall-inqas xi ħaġa tajba fil-parir? Issa pprova qis is-sitwazzjoni tiegħek bl-istess ħarsa.—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 7:9.
“Xi drabi tant tistaʼ tieħu għalik minħabba l-kritika li tinsa li l-individwu kien qed jipprova jgħinek issir persuna aħjar; ma kienx qed jipprova jweġġagħlek is-sentimenti tiegħek.”—Theresa.
Ibqaʼ umli. Tħallix il-kburija ġġiegħlek tinjora l-korrezzjoni. Mill-banda l-oħra, tħallix lilek innifsek tingħeleb mill-iskuraġġiment sempliċement minħabba li għandek fuqiex taħdem. L-umiltà se tgħinek tevita ż-żewġ estremi. Ftakar: Il-korrezzjoni li tweġġaʼ l-iktar tistaʼ tkun il-korrezzjoni li għandek bżonn l-iktar. Jekk tirrifjutaha, ikun għal liema raġuni jkun, titlef opportunità prezzjuża biex timmatura.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 16:18.
Il-korrezzjoni li tweġġaʼ l-iktar tistaʼ tkun il-korrezzjoni li għandek bżonn l-iktar
“Biex issir adult matur ikun importanti li taċċetta l-korrezzjoni. Jekk ma nitgħallmux naċċettawha u nikbru permezz tagħha, maż-żmien inbatu.”—Lena.
Kun grat. Anke jekk issibha diffiċli taċċetta l-korrezzjoni, għala ma tesprimix il-gratitudni tiegħek lil min ikun tahielek? Bla dubju, dik il-persuna qed tfittex l-interessi tiegħek u sinċerament tixtieqek tirnexxi.—Prinċipju Bibliku: Salm 141:5.
“Dejjem jaħbatlek tajjeb jekk tgħid ‘Grazzi,’ speċjalment jekk il-korrezzjoni jkollok bżonnha. Anke jekk ma jkollokx bżonnha, tistaʼ turi manjieri tajbin u tesprimi r-ringrazzjament tiegħek għall-isforz li tkun għamlet il-persuna biex tavviċinak.”—Carla.