Kapitlu 18
Jeħtieġ Nipprattikaw id-Devozzjoni Lejn Alla fid-Dar
1. (a) Wara li tgħallmu l-livelli taʼ Jehovah għaż-żwieġ, ħafna persuni x’bidliet għamlu? (b) Imma x’hemm involut iktar fil-ħajja tal-familja Kristjana?
FOST il-veritajiet li jferrħu l-qalb li tgħallimna matul l-istudju tal-Bibbja li għamilna s’issa kien hemm dawk relatati maż-żwieġ u l-ħajja tal-familja. Ġejna li nirrikonoxxu lil Jehovah bħala l-Oriġinatur taż-żwieġ u rajna li fil-Bibbja hu kien ipprovda l-aqwa gwida għall-familji. Bħala riżultat taʼ dik il-gwida, ħafna persuni b’mod taʼ min ifaħħru abbandunaw ħajja taʼ immoralità sesswali u kellhom iż-żwieġ tagħhom irreġistrat kif jixraq. Imma hemm ħafna iktar minn hekk fil-ħajja tal-familja Kristjana. Dan jinvolvi wkoll l-attitudni tagħna inkwantu għall-permanenza taʼ l-għaqda fiż-żwieġ, it-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħna fil-familja, u kif nittrattaw maʼ membri oħrajn tal-familja.—Ef. 5:33–6:4.
2. (a) Kulħadd japplika fid-dar dak li jaf mill-Bibbja? (b) Ġesù u Pawlu kif jenfasizzaw l-importanza li nagħmlu hekk?
2 Miljuni taʼ persuni jafu x’tgħid il-Bibbja dwar dawn il-kwistjonijiet. Imma meta jkunu ffaċċjati bi problemi fid-dar tagħhom stess, ma japplikawhx. Xi ngħidu dwarna nfusna? Ċertament li ħadd minna ma jrid li jkun bħal dawk li Ġesù kkundanna għaliex żgiċċaw mill-kmandament t’Alla li kien jirrikjedi li t-tfal jonoraw lill-ġenituri tagħhom billi rraġunaw li pretensjoni taʼ devozzjoni reliġjuża kienet biżżejjed. (Matt. 15:4-9) Ma rridux inkunu persuni li għandhom forma taʼ devozzjoni lejn Alla imma li jonqsu li jipprattikawha “f’darhom stess.” Minflok, għandna nkunu rridu nuru l-vera devozzjoni lejn Alla, li hija “mezz taʼ qligħ kbir.”—1 Tim. 5:4; 6:6; 2 Tim. 3:5.
KEMM SE JDUM IŻ-ŻWIEĠ?
3. (a) X’inhu jiġri lil ħafna żwiġijiet, imma x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna? (b) Uża l-Bibbja tiegħek biex twieġeb il-mistoqsijiet imniżżlin hawn fuq rigward il-permanenza taż-żwieġ.
3 Bi frekwenza li tiżdied, ir-rabtiet taż-żwieġ qegħdin jagħtu prova li huma fraġli ħafna. Xi koppji li kienu ilhom flimkien għal 20, 30 jew 40 sena issa qegħdin jiddeċiedu li jibdew “ħajja ġdida” maʼ xi ħadd ieħor. Ukoll m’għadhiex xi ħaġa mhux tas-soltu li tismaʼ li koppji żgħażagħ isseparaw wara biss ftit xhur taż-żwieġ. Jagħmlu x’jagħmlu oħrajn, aħna bħala adoraturi taʼ Jehovah għandna jkollna x-xewqa li nogħġbu lil Alla. X’tgħid il-Kelma tiegħu dwar dan?
Meta raġel u mara jiżżewġu, għal kemm żmien għandhom jistennew li jibqgħu flimkien? (Rum. 7:2, 3; Mark 10:6-9)
Liema hija l-unika bażi għal divorzju li hija valida quddiem Alla? (Matt. 19:3-9; 5:31, 32)
B’liema mod qawwi jħossu Jehovah dwar id-divorzji li m’humiex awtorizzati mill-Kelma tiegħu? (Mal. 2:13-16)
Tappoġġja l-Bibbja s-separazzjoni bħala mezz biex jiġu solvuti problemi fiż-żwieġ? (1 Kor. 7:10-13)
4. Minkejja x-xejra moderna, xi ftit żwiġijiet għala jibqgħu?
4 Xi żwiġijiet għala jibqgħu, waqt li oħrajn—saħansitra fost dawk li jipprofessaw li huma Kristjani—qegħdin jitkissru? Li jistennew biex jiżżewġu sakemm it-tnejn li huma jimmaturaw taʼ spiss huwa fattur ewlieni. Li ssib sieħeb (sieħba) li jaqsam fl-interessi taʼ dak li jkun u li miegħu wieħed jistaʼ jiddiskuti l-kwistjonijiet bil-miftuħ huwa wkoll importanti. Imma taʼ importanza akbar huwa li wieħed ikun persuna li tipprattika devozzjoni ġenwina lejn Alla. Jekk persuna verament tħobb lil Jehovah u hija konvinta li l-mogħdijiet Tiegħu huma tajbin, allura se jkun hemm bażi soda biex jiġu ttrattati problemi li jinqalgħu. (Salm 119:97, 104; Prov. 22:19) Iż-żwieġ taʼ persuna bħal din m’huwiex se jiġi mdgħajjef bl-attitudni li, jekk ma jirnexxix, dejjem tistaʼ tieħu separazzjoni jew divorzju. Mhix se taqbad man-nuqqasijiet tas-sieħeb tagħha bħala skuża biex tiżgiċċa mir-responsabbiltajiet tagħha stess. Minflok, se titgħallem tiffaċċja l-problemi tal-ħajja u ssib soluzzjonijiet vijabbli.
5. (a) Kif inhi involuta l-lealtà lejn Jehovah? (b) Saħansitra meta wieħed jiffaċċja tbatija qawwija, x’benefiċċji jistgħu jiġu milli wieħed iżomm sod mal-livelli taʼ Jehovah?
5 Aħna nafu tajjeb li x-Xitan isostni li meta nġarrbu sofferenzi persunali se ninjoraw il-mogħdijiet taʼ Jehovah u se nikkonkludu li huwa aħjar li niddeċiedu għalina nfusna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Imma persuni li huma leali lejn Jehovah m’humiex hekk. (Ġob 2:4, 5; Prov. 27:11) Il-maġġoranza l-kbira tax-Xhieda taʼ Jehovah li ġarrbu l-persekuzzjoni minn imseħbin mhux kredenti ma rrinunzjawx il-wegħdi tagħhom taż-żwieġ. (Matt. 5:37) Xi wħud, wara perijodu taʼ snin, kellhom saħansitra l-ferħ li jingħaqdu magħhom l-imseħbin tagħhom f’li jaqdu lil Jehovah. (1 Kor. 7:16; 1 Piet. 3:1, 2) Inkwantu għal oħrajn, li l-imseħbin tagħhom ma juru ebda sinjali taʼ bidla jew li l-imseħbin tagħhom telquhom minħabba li żammew sod il-fidi tagħhom—dawn ukoll jafu li ġew imberkin b’mod għani billi żammew mal-livelli taʼ Jehovah. B’liema mod? Iċ-ċirkostanzi tagħhom għallmuhom jersqu eqreb lejn Jehovah. Tgħallmu jirriflettu kwalitajiet divini saħansitra meta jkunu taħt avversità. Huma persuni li ħajjiethom jagħtu evidenza tal-qawwa tad-devozzjoni lejn Alla.—Salm 55:22; Ġak. 1:2-4; 2 Piet. 1:5, 6.
KULL WIEĦED JAGĦMEL IL-PARTI TIEGĦU
6. Biex wieħed ikollu żwieġ li jirnexxi, liema arranġament irid jiġi rrispettat?
6 M’għandniex xi ngħidu, iktar huwa meħtieġ milli sempliċement tnejn joqogħdu flimkien sabiex tassew iż-żwieġ ikun taʼ suċċess. Ħtieġa bażika hija rispett mill-parti taʼ kull membru tal-familja lejn l-arranġament minn Jehovah taʼ l-istat taʼ kap. Dan jikkontribwixxi għal ordni tajjeb u sens taʼ sigurtà fid-dar.—1 Kor. 11:3; Titus 2:4, 5; Prov. 1:8, 9; 31:10, 28.
7. Kif għandu jiġi eżerċitat l-istat taʼ kap fil-familja?
7 Dak l-istat taʼ kap kif għandu jiġi eżerċitat? B’manjiera li tirrifletti l-kwalitajiet taʼ Ġesù Kristu. Ġesù hu sod f’li jappoġġja l-mogħdijiet taʼ Jehovah; hu jħobb it-tjieba u jobgħod l-illegalità. (Eb. 1:8, 9) Hu jħobb ukoll profondament lill-kongregazzjoni tiegħu, jipprovdilha d-direzzjoni meħtieġa u jieħu ħsiebha. M’huwiex kburi u bla konsiderazzjoni, imma minflok, hu “ġwejjed u umli fil-qalb,” u dawk li jiġu taħt l-istat taʼ kap tiegħu ‘jsibu serħan għal erwieħhom.’ (Matt. 11:28, 29; Ef. 5:25-33) Meta raġel miżżewweġ u missier jittratta man-nies taʼ daru b’dik il-manjiera, huwa ċar li qiegħed jissuġġetta lilu nnifsu għal Kristu, li stabbilixxa l-eżempju perfett fid-devozzjoni lejn Alla. Ommijiet Kristjani, m’għandniex xi ngħidu, għandhom jirriflettu dawk l-istess kwalitajiet f’li jittrattaw mat-tfal tagħhom.
8. (a) F’xi djar, għala jistaʼ jidher li l-metodi Kristjani ma jġibux ir-riżultati mixtiqin? (b) X’għandna nagħmlu jekk niġu ffaċċjati minn sitwazzjoni bħal din?
8 Madankollu, minħabba l-imperfezzjoni umana, jistgħu jinqalgħu l-problemi. Ammont taʼ stmellija lejn direzzjoni li tiġi minn oħrajn forsi diġà ġie minsuġ profondament f’xi wħud qabel ma xi wieħed fil-familja beda japplika l-prinċipji tal-Bibbja. Talbiet bil-ħlewwa u manjiera taʼ mħabba jistgħu ma jidhrux li qegħdin iġibu riżultati. Aħna nafu li l-Bibbja tgħidilna biex inwarrbu r-“rabja u korla u twerżiq u kliem t’abbuż.” (Ef. 4:31) Imma jekk xi nies jidhru li ma jifhmu xejn iktar, x’għandu jsir? Sewwa, kif irreaġixxa Ġesù meta kien taħt pressjoni qawwija? Hu ma imitax lil dawk li heddew u għajru. Minflok, ikkommetta lilu nnifsu lill-Missier, billi straħ fuqu. (1 Piet. 2:22, 23) Bl-istess mod, jekk jinqalgħu sitwazzjonijiet taʼ prova fid-dar, aħna nagħtu evidenza taʼ devozzjoni lejn Alla jekk induru lejn Jehovah, billi nitolbu għall-għajnuna tiegħu, minflok ma nadottaw il-modi tad-dinja.—Prov. 3:5-7.
9. Minflok ma jfittxu d-difetti, ħafna rġiel miżżewġin Kristjani liema metodi tgħallmu jużaw?
9 Il-bidliet mhux dejjem jiġu malajr, imma l-parir tal-Bibbja tassew li jaħdem. Ħafna rġiel li qabel kienu jilmentaw bl-aħrax dwar id-difetti tan-nisa tagħhom sabu li t-titjib beda meta huma stess bdew japprezzaw iktar bis-sħiħ it-trattament taʼ Kristu mal-kongregazzjoni tiegħu. Dik il-kongregazzjoni m’hijiex magħmula minn bnedmin perfetti. Madankollu Ġesù jħobb lill-kongregazzjoni, stabbilixxa l-eżempju xieraq għaliha, saħansitra billi ta ħajtu għan-nom tagħha, u juża l-Iskrittura bħala mezz biex jgħinha titjieb sabiex tkun tistaʼ togħġbu għalkollox. (Ef. 5:25-27; 1 Piet. 2:21) L-eżempju tiegħu inkuraġġixxa lil ħafna rġiel miżżewġin Kristjani biex jaħdmu f’li jipprovdu eżempju mill-aħjar u joffru għajnuna persunali b’imħabba lejn it-titjib. Metodi bħal dawn jirrendu riżultati ferm aħjar minn meta wieħed b’mod aħrax ifittex in-nuqqasijiet jew sempliċement jirrifjuta li jitkellem.
10. (a) B’liema modi jistaʼ raġel miżżewweġ u missier—saħansitra wieħed li jipprofessa li hu Kristjan—jagħmel il-ħajja diffiċli għal oħrajn fid-dar tiegħu? (b) X’jistaʼ jsir biex is-sitwazzjoni titjieb?
10 M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun ir-raġel miżżewweġ u missier li n-nuqqasijiet tiegħu jagħtu lok għal problemi fid-dar. Xi ngħidu jekk m’huwiex sensittiv għall-ħtiġijiet emozzjonali taʼ familtu jew m’huwiex tassew qiegħed jieħu t-tmexxija billi jagħmel arranġamenti għal diskussjoni tal-Bibbja mal-familja u attivitajiet oħrajn? Xi familji raw riżultati tajbin wara diskussjonijiet sinċieri u taʼ rispett dwar il-problema. (Prov. 15:22; 16:23; 31:26) Imma saħansitra jekk ir-riżultati m’humiex daqs kemm kien mixtieq, kull wieħed jistaʼ jagħmel kontribuzzjoni taʼ valur għal atmosfera mtejba fid-dar billi jikkultiva personalment il-frott taʼ l-ispirtu u billi juri tħassib taʼ mħabba u konsiderazzjoni lejn membri oħrajn tal-familja. Il-progress se jiġi, mhux billi nistennew lill-persuna l-oħra tagħmel xi ħaġa, imma billi nagħmlu l-parti tagħna sewwa, u b’hekk nuru li aħna personalment nipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla fid-dar.—Kol. 3:18-20, 23, 24.
MINFEJN NIEĦDU T-TWEĠIBIET
11, 12. (a) Liema provvedimenti għamel Jehovah biex jgħinna fil-problemi tal-familja? (b) Sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ, x’inhu rrakkomandat li nagħmlu?
11 Hemm ħafna sorsi lejn xiex in-nies iduru għal pariri dwar l-affarijiet tal-familja. Imma aħna nafu li l-Kelma t’Alla fiha tassew l-aħjar parir, u aħna grati li permezz taʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu hu jgħinna napplikawh. Qiegħed int tibbenefika bis-sħiħ minn dik l-għajnuna?—Salm 119:129, 130; Mik. 4:2.
12 Flimkien maʼ l-attendenza għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, għandek int ħinijiet regulari merfugħin għall-istudju tal-Bibbja mal-familja? Familji li jagħmlu dan regolarment kull ġimgħa jsiru magħqudin fil-qima tagħhom. Il-ħajja tagħhom tal-familja żżid fil-għana hekk kif huma jiddiskutu l-applikar tal-Kelma t’Alla għaċ-ċirkostanzi tagħhom stess.—Qabbel Dewteronomju 11:18-21.
13. (a) Jekk għandna mistoqsijiet fuq kwistjonijiet speċifiċi taż-żwieġ jew tal-familja, fejn nistgħu taʼ spiss insibu l-għajnuna meħtieġa? (b) X’għandu jiġi rifless fid-deċiżjonijiet kollha li nieħdu?
13 Forsi hemm mistoqsijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi taż-żwieġ jew tal-familja li jikkonċernaw lilek. Per eżempju, xi ngħidu dwar il-kontroll tat-twelid? L-isterilizzazzjoni hija xierqa għall-Kristjani? Huwa l-abort iġġustifikat jekk milli jidher it-tarbija se titwieled immankata? Hemm xi limitazzjonijiet fuq it-tip taʼ relazzjonijiet sesswali li huma xierqa bejn raġel u mara miżżewġin? Jekk żagħżugħ fl-adolexxenza juri ftit li xejn interess f’affarijiet spiritwali, sa liema punt għandu jkun meħtieġ li jieħu sehem mal-familja fil-qima? Bla dubju int għandek opinjoni dwar kull wieħed minn dawn il-punti. Imma tistaʼ int twieġeb fuq il-bażi taʼ prinċipji tal-Bibbja? Kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet ġiet diskussa f’It-Torri Taʼ L-Għassa. Tgħallem uża l-indiċi disponibbli biex issib materjal bħal dan. Jekk m’għandekx pubblikazzjonijiet eqdem li jirreferi għalihom l-indiċi, iċċekkja fil-librerija tas-Sala tas-Saltna. Tistenniex xi Iva jew Le għal kull mistoqsija. Xi drabi jkollkom tiddeċiedu—individwalment jew bħala koppja miżżewġa. Imma tgħallem ħu deċiżjonijiet li jirriflettu l-imħabba tiegħek lejn Jehovah u lejn membri tal-familja tiegħek. Ħu deċiżjonijiet li juru x-xewqa serja tiegħek li togħġob sew lil Alla. Jekk tagħmel hekk, se jkun evidenti kemm għal Jehovah u kemm għal oħrajn li jafuk sewwa li int verament tipprattika d-devozzjoni lejn Alla mhux biss fil-pubbliku imma wkoll f’darek stess.—Ef. 5:10; Rum. 14:19.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Il-lealtà lejn Jehovah kif inhi involuta mal-fedeltà li wieħed għandu lejn il-wegħda taż-żwieġ?
● Meta nkunu taħt pressjoni minħabba problemi fil-familja, x’se jgħinna nagħmlu dak li jogħġob lil Alla?
● Jekk saħansitra oħrajn fil-familja jonqsu, x’nistgħu nagħmlu aħna biex intejbu s-sitwazzjoni?