LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 17 pp. 151-158
  • Ipprattika d-Devozzjoni Lejn Alla fid-Dar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipprattika d-Devozzjoni Lejn Alla fid-Dar
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kemm Għandu Jdum iż-​Żwieġ?
  • Kulħadd Jagħmel il-​Parti Tiegħu
  • Minfejn Insibu t-​Tweġibiet
  • Jeħtieġ Nipprattikaw id-Devozzjoni Lejn Alla fid-Dar
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Assigura Futur Dejjiemi għall-Familja Tiegħek
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 17 pp. 151-158

Kapitlu Sbatax

Ipprattika d-​Devozzjoni Lejn Alla fid-​Dar

1. L-​applikar tal-​gwida mill-​Kelma t’Alla kif effettwa ż-​żwiġijiet?

JEHOVAH huwa l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, u l-​Kelma tiegħu tipprovdi l-​aqwa gwida għall-​familji. Minħabba li applikaw din il-​gwida, ħafna nies bnew żwiġijiet taʼ suċċess. Taʼ min ifaħħarhom, oħrajn mhux miżżewġin li kienu jgħixu flimkien ġew imqanqlin biex jiżżewġu skond il-​liġi. Oħrajn ma baqgħux ikollhom relazzjonijiet barra ż-​żwieġ. Irġiel vjolenti li kienu jsawtu lin-​nisa u t-​tfal tagħhom tgħallmu juru qalb tajba u affezzjoni.

2. X’inhu involut fil-​ħajja taʼ familja Kristjana?

2 Il-​ħajja taʼ familja Kristjana tinvolvi ħafna affarijiet, bħall-​mod kif inqisu l-​permanenza taż-​żwieġ, x’għandna nagħmlu biex inwettqu r-​responsabbiltajiet tagħna fil-​familja, u kif nittrattaw mal-​membri tal-​familja. (Efesin 5:33–​6:4) Filwaqt li forsi nafu x’tgħid il-​Bibbja rigward il-​ħajja tal-​familja, li napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja huwa xi ħaġa oħra. Ħadd minna ma jrid ikun bħal dawk li Ġesù kkundannahom talli warrbu l-​kmandamenti t’Alla. Huma rraġunaw b’mod falz li sempliċi devozzjoni reliġjuża hija biżżejjed. (Mattew 15:​4-9) Aħna ma rridux ikollna forma taʼ devozzjoni lejn Alla u fl-​istess ħin nonqsu li nipprattikawha fil-​familja tagħna. Pjuttost, irridu nuru devozzjoni vera lejn Alla, li tfisser “qligħ kbir.”—1 Timotju 5:4; 6:6; 2 Timotju 3:5.

Kemm Għandu Jdum iż-​Żwieġ?

3. (a) X’qed jiġrilhom ħafna żwiġijiet, imma x’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna? (b) Billi tuża l-​Bibbja tiegħek, wieġeb il-​mistoqsijiet imniżżlin taħt dan il-​paragrafu.

3 Ir-​rabtiet taż-​żwieġ qed jinkisru b’rata li dejjem qed tiżdied. Xi koppji li kienu ilhom snin sħaħ miżżewġin qed jiddeċiedu li jiddivorzjaw u jiżżewġu lil xi ħaddieħor. Ukoll saret xi ħaġa komuni li tismaʼ li koppji żgħażagħ isseparaw ftit wara li jkunu żżewġu. Minkejja x’jagħmel ħaddieħor, aħna rridu nogħġbu lil Jehovah. Mela ejja nikkunsidraw il-​mistoqsijiet u l-​iskritturi li ġejjin biex naraw x’tgħid il-​Kelma t’Alla dwar kemm għandu jdum iż-​żwieġ.

Meta raġel u mara jiżżewġu, sakemm għandhom jittamaw li jibqgħu flimkien? (Mark 10:​6-9; Rumani 7:​2, 3)

X’inhi l-​unika bażi valida quddiem Alla għal divorzju bil-​possibbiltà taʼ żwieġ mill-​ġdid? (Mattew 5:​31, 32; 19:​3-9)

Kif iħossu Jehovah rigward id-​divorzji li m’humiex awtorizzati mill-​Kelma tiegħu? (Malakija 2:​13-16)

Hija l-​Bibbja favur is-​separazzjoni bħala mezz biex jiġu solvuti l-​problemi taż-​żwieġ? (1 Korintin 7:​10-13)

F’liema ċirkustanzi għandha mnejn tkun ġustifikata separazzjoni? (Salm 11:5; Luqa 4:8; 1 Timotju 5:8)

4. Għala xi żwiġijiet jirnexxu?

4 Xi żwiġijiet huma taʼ suċċess u dejjiema. Għala? Il-​fatt li tnejn jistennew qabel jiżżewġu sakemm ikunu maturi huwa importanti, imma li ssib sieħeb jew sieħba li għandha l-​istess interessi tiegħek u tistaʼ tiddiskuti magħha bil-​miftuħ huwa wkoll importanti. Iżda, l-​iktar importanti hu li ssib sieħeb jew sieħba li tħobb lil Jehovah u tirrispetta l-​Kelma tiegħu bħala l-​bażi biex tittratta mal-​problemi. (Salm 119:​97, 104; 2 Timotju 3:​16, 17) Individwu li jaġixxi b’dan il-​mod mhux se jkollu l-​attitudni li jekk l-​affarijiet ma jirnexxux, hu dejjem jistaʼ jikseb is-​separazzjoni jew id-​divorzju. Dan mhux se juża n-​nuqqasijiet tal-​parti l-​oħra bħala skuża biex jaħrab mir-​responsabbiltajiet tiegħu stess. Minflok, hu jiffaċċja l-​problemi u jsib soluzzjonijiet li jaħdmu.

5. (a) Kif inhi involuta l-​lealtà lejn Jehovah fiż-​żwieġ? (b) Saħansitra meta jkun hemm l-​oppożizzjoni, liema benefiċċji jistaʼ jkun hemm meta wieħed iżomm mal-​livelli taʼ Jehovah?

5 Satana jsostni li meta ngħaddu minn xi tbatija, aħna nabbandunaw il-​mogħdijiet taʼ Jehovah. (Ġob 2:​4, 5; Proverbji 27:11) Imma l-​biċċa l-​kbira mix-​Xhieda taʼ Jehovah li sofrew minħabba li kellhom is-​sieħeb jew is-​sieħba topponi ma kisrux il-​wegħdi taż-​żwieġ li għamlu. Huma jibqgħu leali lejn Jehovah u lejn il-​kmandamenti tiegħu. (Mattew 5:37) Xi wħud li baqgħu jżommu sod esperjenzaw il-​ferħ li l-​imseħbin tagħhom ngħaqdu magħhom fis-​servizz taʼ Jehovah—saħansitra wara snin taʼ oppożizzjoni! (1 Pietru 3:​1, 2) Filwaqt li l-​Kristjani, li l-​imseħbin tagħhom ma wrew l-​ebda sinjal taʼ bidla jew li l-​imseħbin tagħhom abbandunawhom minħabba li jaqdu lil Jehovah, ukoll jafu li se jiġu mberkin talli taw evidenza taʼ devozzjoni lejn Alla fid-​dar.—Salm 55:23 (55:​22, NW); 145:16.

Kulħadd Jagħmel il-​Parti Tiegħu

6. Għal żwieġ taʼ suċċess, liema arranġament irid jiġi rispettat?

6 M’għandniex xi ngħidu, żwieġ taʼ suċċess jinħtieġ iktar milli sempliċement tnejn jibqgħu flimkien. Bżonn bażiku min-​naħa tat-​tnejn huwa rispett għall-​arranġament taʼ Jehovah dwar l-​istat taʼ kap. Dan iwassal għall-​ordni u sens taʼ sigurtà fid-​dar. Fl-​1 Korintin 11:3 naqraw: “Ir-​ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-​mara huwa r-​raġel, u ras Kristu hu Alla.”

7. Kif għandu jiġi eżerċitat l-​istat taʼ kap fil-​familja?

7 Innotajt x’inhi l-​ewwel ħaġa msemmija f’dan il-​vers? Iva, kull raġel għandu Kap fuqu, lil Kristu, li lejh irid ikun sottomess. Dan ifisser li r-​raġel irid jeżerċita l-​istat taʼ kap b’mod li jirrifletti l-​kwalitajiet taʼ Ġesù. Kristu jissottometti ruħu lejn Jehovah, iħobb profondament lill-​kongregazzjoni, u jieħu ħsiebha. (1 Timotju 3:15) Hu saħansitra “ta ħajtu għaliha.” Ġesù m’huwiex kburi u mingħajr konsiderazzjoni, imma hu “taʼ qalb ħelwa u umli.” Dawk li jiġu taħt it-​tmexxija tiegħu bħala kap ‘isibu mistrieħ għal ruħhom.’ Meta raġel jittratta lill-​familja tiegħu b’dan il-​mod, juri li hu sottomess lejn Kristu. Mara Kristjana għandha ssibu taʼ benefiċċju u rifreskanti li tikkoopera u tissottometti ruħha għal żewġha bħala l-​kap tagħha.—Efesin 5:​25-​33; Mattew 11:​28, 29; Proverbji 31:​10, 28.

8. (a) Għala jistaʼ jidher li l-​metodi Kristjani ma jġibux ir-​riżultati mixtiqin f’xi djar? (b) X’għandna nagħmlu jekk niffaċċjaw sitwazzjoni bħal din?

8 Madankollu ma jistax ikun li ma jinqalgħux xi problemi. Għandu mnejn tkun diġà daħlet sew ċerta stmerrija lejn it-​tmexxija minn oħrajn qabel ma xi ħadd fil-​familja jkun beda japplika l-​prinċipji tal-​Bibbja. Jistaʼ jidher li ma jkunx hemm riżultati tajbin minn talbiet bil-​ħlewwa u mġiba kollha mħabba. Aħna nafu li l-​Bibbja tgħid li għandna nwarrbu ‘s-​saħna, il-​korla, it-​tagħjir, u l-​għajat.’ (Efesin 4:31) Imma jekk xi membri tal-​familja jidhru li ma jifhmux ħlief b’dan il-​mod, x’għandu jsir? Sewwa, Ġesù ma imitax lil dawk li heddewh u għajruh, imma straħ fuq Missieru. (1 Pietru 2:​22, 23) Għalhekk, meta jqumu sitwazzjonijiet li joħolqu problemi fid-​dar, agħti evidenza tad-​devozzjoni lejn Alla billi titlob lil Jehovah biex jgħinek minflok ma tadotta l-​mogħdijiet tad-​dinja.—Proverbji 3:​5-7.

9. Minflok ifittxu n-​nuqqasijiet, x’tgħallmu jagħmlu ħafna rġiel Kristjani?

9 Il-​bidliet mhux dejjem iseħħu malajr, imma l-​pariri Bibliċi jkunu effettivi meta jiġu applikati bil-​paċenzja u bil-​għaqal. Ħafna rġiel sabu li ż-​żwieġ mar għall-​aħjar meta bdew jifhmu kif Kristu jittratta mal-​kongregazzjoni. Din il-​kongregazzjoni m’hijiex magħmula minn nies perfetti. Madankollu, Ġesù jħobbha, huwa taʼ eżempju tajjeb għaliha, u juża l-​Iskrittura biex jgħinha titjieb. Hu ta ħajtu għall-​kongregazzjoni. (1 Pietru 2:21) L-​eżempju tiegħu inkuraġġixxa lil ħafna rġiel Kristjani biex jaġixxu tajjeb bħala kapijiet tal-​familja u joffru għajnuna kollha mħabba biex iż-​żwieġ jitjieb. Dan iwassal għal iktar riżultati tajbin milli kieku wieħed joqgħod ifittex in-​nuqqasijiet jew jirrifjuta li jitkellem.

10. (a) B’liema modi jistaʼ membru taʼ familja, saħansitra wieħed li jistqarr li hu Kristjan, jagħmel il-​ħajja diffiċli għal oħrajn fid-​dar? (b) X’jistaʼ jsir biex titjieb is-​sitwazzjoni?

10 Xi ngħidu jekk raġel m’huwiex konxju tal-​bżonnijiet emozzjonali tal-​familja tiegħu jew ma jiħux l-​inizjattiva biex jorganizza diskussjonijiet mal-​familja dwar il-​Bibbja u attivitajiet oħra? Jew xi ngħidu jekk il-​mara ma tikkooperax u ma turix sottomissjoni kif irid Alla? Xi wħud ikollhom riżultati tajbin billi b’rispett, jagħmlu diskussjonijiet mal-​familja rigward il-​problemi. (Ġenesi 21:​10-12; Proverbji 15:22) Imma anki jekk l-​affarijiet ma jirnexxux kompletament kif wieħed jixtieq, kull wieħed minna jistaʼ jagħti sehmu biex ikun hemm atmosfera aħjar fid-​dar billi juri l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla f’kull aspett tal-​ħajja, filwaqt li juri konsiderazzjoni kollha mħabba għall-​membri l-​oħra tal-​familja. (Galatin 5:​22, 23) Il-​progress isir mhux billi nistennew li l-​persuna l-​oħra tagħmel xi ħaġa, imma billi nagħmlu l-​parti tagħna, u b’hekk nuru li qed nipprattikaw id-​devozzjoni lejn Alla.—Kolossin 3:​18-21.

Minfejn Insibu t-​Tweġibiet

11, 12. X’tana Jehovah biex jgħinna ħalli jkollna suċċess fil-​ħajja tal-​familja?

11 Hemm ħafna sorsi fejn in-​nies jistgħu jmorru għall-​pariri rigward il-​ħajja tal-​familja. Imma nafu li l-​Kelma t’Alla fiha l-​aqwa pariri, u aħna grati li permezz taʼ l-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu, Alla jgħinna napplikawhom. Qiegħed int tibbenefika bis-​sħiħ minn din l-​għajnuna?—Salm 119:​129, 130; Mikea 4:2.

12 Minbarra li tattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, twarrab int ftit ħin b’mod regulari għall-​istudju tal-​Bibbja mal-​familja? Il-​familji li jagħmlu dan jistgħu jaħdmu biex ikunu magħqudin fil-​qima tagħhom. Il-​ħajja tal-​familja tagħhom titjieb hekk kif japplikaw il-​Kelma t’Alla għaċ-​ċirkustanzi tagħhom stess.—Dewteronomju 11:​18-21.

13. (a) Jekk ikollna xi mistoqsijiet dwar affarijiet li jolqtu lill-​familja, fejn taʼ spiss nistgħu nsibu l-​għajnuna meħtieġa? (b) X’għandu jidher f’kull deċiżjoni li nieħdu?

13 Forsi għandek xi mistoqsijiet dwar affarijiet li jolqtu lill-​familja. Per eżempju, xi ngħidu dwar l-​użu tal-​kontraċettivi? Jistaʼ f’xi każ l-​abort jiġi ġustifikat? Jekk xi ħadd mit-​tfal juri ftit li xejn interess f’affarijiet spiritwali, sa liema punt għandu jiġi mġiegħel jieħu sehem fil-​qima mal-​familja? Ħafna mistoqsijiet bħal dawn ġew diskussi fil-​letteratura pubblikata mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Tgħallem uża l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, inkluż l-​indiċi, biex issib it-​tweġibiet. Jekk ma jkollokx il-​pubblikazzjonijiet li jirreferi għalihom l-​indiċi, iċċekkja fil-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna. Jew forsi għandek aċċess għal dawn il-​pubblikazzjonijiet fuq il-​kompjuter tiegħek. Ukoll tistaʼ tiddiskuti l-​mistoqsijiet tiegħek maʼ xi Kristjan matur, raġel jew mara. Imma tistenniex dejjem it-​tweġiba bl-​imgħarfa għal kull mistoqsija li jkollok. Taʼ spiss id-​deċiżjoni trid tiħodha waħdek, jew tiddeċiedu bħala koppja miżżewġa. Imbagħad ħu deċiżjonijiet li juru li int tipprattika d-​devozzjoni lejn Alla mhux fil-​pubbliku biss imma wkoll fid-​dar.—Rumani 14:19; Efesin 5:10.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Il-​lealtà lejn Jehovah kif hija involuta fil-​fedeltà lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ?

• Meta nħossuna taħt pressjoni minħabba problemi familjari, x’se jgħinna nagħmlu dak li jogħġob lil Alla?

• Jekk saħansitra oħrajn fil-​familja jonqsu, x’nistgħu nagħmlu biex intejbu s-​sitwazzjoni?

[Stampa f’paġna 155]

Bħala l-​kap, ir-​raġel għandu jirrifletti l-​kwalitajiet taʼ Ġesù

[Stampa f’paġna 157]

Studju tal-​Bibbja regulari mal-​familja jgħin biex jgħaqqadha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja