LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 2 pp. 16-24
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MIN HUWA X-​XITAN
  • IS-​SORS TAʼ L-​INKWIET DINJI
  • KIF SATANA JIŻVIJA LIN-​NIES
  • Ix-Xitan Kemm Huwa Reali Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Opponu lix-Xitan” Bħalma Għamel Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ix-Xitan Mhux Sempliċement Superstizzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 2 pp. 16-24

Kapitlu 2

Għadu Tal-​Ħajja Taʼ Dejjem

1. Ladarba l-​hena u l-​paċi taʼ spiss ma jitgawdewx, x’mistoqsijiet iqumu?

HENA fuq l-​art​—kważi kulħadd iridha. Allura għala ħafna nies huma mdejqin? X’hemm ħażin? Ladarba kważi kulħadd irid il-​​paċi, il-​​ġnus għala jmorru għall-​gwerra u n-​nies għala jobogħdu lil xulxin? Hemm xi forza li tiggwidahom u timmotivahom biex jagħmlu dawn l-​affarijiet ħżiena? Jistaʼ jagħti l-​każ li l-​istess qawwa inviżibbli qiegħda tikkontrolla l-​ġnus?

2. Liema atti kriminali fl-​istorja jġiegħlu lil ħafna jitħassbu jekk hemmx xi qawwa mill-​agħar li ma tidhirx u li qiegħda tikkontrolla lill-​bnedmin?

2 Ħafna tħassbu dwar dan meta kkunsidraw il-​​ħruxija terribbli tal-​bnedmin​—il-​​gassijiet tal-​biżaʼ wżati fil-​gwerer biex jifgaw u jaħarqu lin-​nies għall-​mewt, kif ukoll il-​​bombi tan-​napalm u l-​bombi atomiċi. Aħseb ukoll dwar it-​tfigħ taʼ fjammi tan-​nar, il-​​kampijiet tal-​konċentrament, il-​​massakru f’daqqa taʼ miljuni taʼ nies li ma setgħux jgħinu ruħhom, bħalma ġara fil-​Kambodja m’ilux wisq. Taħseb int li dawn l-​affarijiet mill-​agħar kollha ġraw sempliċement b’kumbinazzjoni? Fil-​waqt li l-​bniedem minn jeddu kapaċi jwettaq affarijiet terribbli, meta tqis il-​​ħażen kbir ferm taʼ l-​għemejjel tiegħu, ma jidhirx li ġie influwenzat minn xi qawwa inviżibbli mill-​agħar?

3. Il-Bibbja x’tgħid dwar il-​​ħakma tad-​dinja?

3 M’hemmx għalfejn nipprovaw naqtgħu. Il-​Bibbja turi ċar li persuna intelliġenti li ma tidhirx qiegħda tikkontrolla kemm lill-​bnedmin kif ukoll lill-​ġnus. Fil-​Bibbja, Ġesù Kristu jsejjaħ lil dan il-​​wieħed setgħan “il-​​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” (Ġwann 12:31; 14:30; 16:11) Min huwa?

4. Ix-Xitan x’urieh lil Ġesù, u x’offerta għamillu?

4 Biex jgħinna nsibu min huwa, aħseb ftit dwar x’ġara fil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù hawnhekk fuq l-​art. Il-​Bibbja tgħidilna li wara li Ġesù tgħammed, mar fix-​xagħri fejn ġie ttantat minn ħlejqa li ma jidhirx u li huwa msejjaħ Satana x-​Xitan. Parti minn dik it-​tentazzjoni hija deskritta b’dan il-​​mod: “Mill-​ġdid ix-​Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja iktar mis-​soltu, u wrieh is-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom, u qallu: ‘Dawn l-​affarijiet kollha se nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-​art u tagħmel att taʼ qima lili.’”​—Mattew 4:​8, 9.

5. (a) Liema ħaġa turi jekk il-​​gvernijiet kollha tad-​dinja humiex il-​​propjetà tax-​Xitan? (b) Skond il-​​Bibbja, min huwa “l-​alla taʼ din is-​sistema t’affarijiet”?

5 Aħseb ftit dwar dak li x-​Xitan offra lil Ġesù Kristu. Offrielu “s-​saltniet kollha tad-​dinja.” Kienu dawn il-​​gvernijiet dinjin kollha tassew tax-​Xitan? Iva, għax kieku kif setaʼ joffrihom lil Ġesù? Ġesù ma ċaħadx li dawn kienu taʼ Satana, li żgur li hekk kien jagħmel li kieku ma kinux taʼ Satana. Satana huwa tassew il-​​ħakkiem li ma jidhirx tal-​ġnus kollha tad-​dinja! Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “[I]d-dinja kollha kemm hi qiegħda taħt il-​​poter tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Il-​Kelma t’Alla, fil-​fatt, issejjaħ lil Satana “l-​alla taʼ din is-​sistema t’affarijiet.”​—2 Korintin 4:4.

6. (a) Dan it-​tagħrif dwar il-​​ħakma taʼ Satana x’jgħinna nifhmu? (b) Satana x’jixtieq jagħmlilna, u għalhekk xi rridu nagħmlu?

6 Dan it-​tagħrif jgħinna biex nifhmu għala Ġesù qal: “Is-​saltna tiegħi m’hija ebda parti minn din id-​dinja.” (Ġwann 18:36) Jgħinna wkoll nifhmu għala l-​ġnus jobogħdu u jipprovaw jeqirdu lil xulxin meta x-​xewqa tan-​nies normali kollha hija li jgħixu fil-​paċi. Iva, “Satana . . . qiegħed jiżvija lill-​art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Huwa kieku jixtieq jiżvija lilna wkoll. Ma jridniex nirċievu l-​għotja taʼ ħajja taʼ dejjem mingħand Alla. Mela rridu niġġieldu sabiex ma niġux influwenzati minnu biex nagħmlu dak li huwa ħażin. (Efesin 6:12) Għandna bżonn inkunu nafu dwar Satana u dwar kif jaħdem sabiex nirreżistu l-​isforzi tiegħu biex jiżvijana.

MIN HUWA X-​XITAN

7. Għala ma nistgħux naraw lix-​Xitan?

7 Satana x-​Xitan huwa persuna vera. M’huwiex sempliċement il-​​ħażin taʼ ġol-​bnedmin kollha, bħalma xi nies għandhom mnejn jemmnu. M’għandniex xi ngħidu, il-​​bnedmin ma jistgħux jarawh lix-​Xitan, għall-​istess raġuni li ma jistgħux jaraw ’l Alla. Kemm Alla kif ukoll ix-​Xitan huma persuni spirti, għamliet taʼ ħajja ogħla mill-​bnedmin u li ma jidhrux b’għajnejna.​—Ġwann 4:24.

8. Għala ħafna nies jemmnu li Alla ħalaq lix-​Xitan?

8 ‘Imma jekk Alla hu mħabba,’ xi ħadd jistaʼ jistaqsi, ‘għala għamel lix-​Xitan?’ (1 Ġwann 4:8) Il-​fatt huwa li Alla ma ħalaqx lix-​Xitan. ‘Madankollu jekk Alla ħalaq lil kulħadd,’ wieħed jistaʼ jgħid, ‘hu bilfors li ħalaq lix-​Xitan. Min iżjed setaʼ ħalqu? Minn fejn ġie x-​Xitan?’

9. (a) Liema tip taʼ persuni huma l-​anġli? (b) X’ifissru l-​kelmiet “xitan” u “satana”?

9 Il-Bibbja tispjega li Alla ħalaq ħafna u ħafna persuni spirti simili għalih. Fil-​Bibbja, dawn l-​ispirti jissejħu anġli. Ukoll, jissejħu “wlied Alla.” (Ġob 38:7; Salm 104:4; Ebrej 1:​7, 13, 14) Alla ħalaqhom kollha perfetti. L-​ebda wieħed minnhom ma kien xitan, jew satana. Il-​kelma “xitan” tfisser kalunnjatur u l-​kelma “satana” tfisser avversarju.

10. (a) Min għamel lil Satana x-​Xitan? (b) Kif jistaʼ bniedem tajjeb jagħmel lilu nnifsu kriminal?

10 Wasal iż-​żmien, madankollu, meta wieħed minn dawn l-​ulied spirti t’Alla għamel lilu nnifsu x-​Xitan, jiġifieri, giddieb mimli mibgħeda li jitkellem affarijiet ħżiena fuq xi ħadd ieħor. Hu għamel ukoll lilu nnifsu Satana, jiġifieri, avversarju t’Alla. Ma ġiex maħluq hekk, imma iktar tard sar dik ix-​xorta taʼ persuna. Biex nagħtu stampa: Ħalliel ma jitwelidx ħalliel. Għandu mnejn ikun ġie minn familja tajba, u kellu ġenituri onesti u aħwa subjien u bniet li josservaw il-​​liġi. Imma x-​xewqa tiegħu stess għal dak li jistaʼ jinxtara bil-​flus setgħet ġegħlitu jsir ħalliel. Allura, wieħed mill-​ulied spirti t’Alla kif għamel lilu nnifsu Satana x-​Xitan?

11. (a) Anġlu ribelluż dwar liema skop t’Alla kien jaf? (b) Dan l-​anġlu liema xewqa kellu, u x’wasslitu biex jagħmel?

11 L-anġlu li sar ix-​Xitan kien preżenti meta Alla ħalaq l-​art u iktar tard lil Adam u Eva, l-​ewwel koppja umana. (Ġob 38:4, 7) Mela żgur li semaʼ ’l Alla jgħidilhom biex ikollhom it-​tfal. (Ġenesi 1:27, 28) Kien jaf li wara ftit l-​art kollha kellha tkun mimlija b’nies twajbin li jqimu ’l Alla. Dak kien l-​iskop t’Alla. Madankollu, dan l-​anġlu ħaseb wisq dwar il-​​ġmiel u l-​intelliġenza tiegħu stess u ried li jirċievi għalih innifsu l-​qima li kellha tingħata ’l Alla. (Eżekjel 28:​13-15; Mattew 4:10) Minflok ma neħħa din ix-​xewqa żbaljata minn moħħu, baqaʼ jaħseb dwarha. Dan wasslu biex jaġixxi ħalli jakkwista l-​ġieħ u l-​importanza li xtaq. X’għamel?​—Ġakbu 1:​14, 15.

12. (a) Dan l-​anġlu kif tkellem m’Eva, u x’qalilha? (b) Dan l-​anġlu kif sar Satana x-​Xitan? (ċ) Liema hija opinjoni żbaljata dwar l-​apparenza tax-​Xitan?

12 L-anġlu ribelluż uża serpent baxx biex ikellem lill-​ewwel mara, Eva. Huwa għamel dan bħal meta wieħed tas-​sengħa jistaʼ jġiegħel annimal fil-​qrib jew pupu jidher qisu qiegħed jitkellem. Imma kien fil-​fatt dan l-​anġlu ribelluż, il-​​wieħed imsejjaħ fil-​Bibbja “s-​serpent oriġinali,” li kien qiegħed ikellem lil Eva. (Rivelazzjoni 12:9) Huwa qal li Alla ma kienx qiegħed jgħidilha l-​verità, u li kien qiegħed jaħbi minnha għarfien li għandha jkollha. (Ġenesi 3:​1-5) Din kienet gidba faħxija u għamlitu xitan. B’hekk sar ukoll avversarju t’Alla, jew Satana. Bħalma tistaʼ tara, huwa żbaljat li taħseb li x-​Xitan huwa ħlejqa bi qrun u furkettun li jindokra xi post taʼ turment taħt l-​art. Huwa tassew anġlu qawwi ferm, imma mill-​agħar.

IS-​SORS TAʼ L-​INKWIET DINJI

13. (a) Eva kif wieġbet għall-​gidba tax-​Xitan? (b) Liema stqarrijiet għamel ix-​Xitan?

13 Il-gidba li x-​Xitan qal lil Eva ħadmet sewwa sew bħalma ppjana huwa. Hi emmnitha u għalhekk m’obdietx ’l Alla. U kienet kapaċi ġġiegħel lil żewġha jikser il-​​liġi t’Alla wkoll. (Ġenesi 3:6) Dak li sostna x-​Xitan kien li l-​bnedmin setgħu jgħaddu mingħajr Alla. Huwa argumenta li n-​nies jistgħu jaħkmu lilhom infushom b’suċċess, mingħajr l-​għajnuna t’Alla. Ix-​Xitan sostna wkoll li setaʼ jdawwar ’il bogħod minn Alla lil dawk kollha li kellhom ikunu n-​nisel t’Adam u Eva.

14. Alla għala ma qeridx lil Satana mill-​ewwel?

14 M’għandniex xi ngħidu, Alla setaʼ qered lil Satana mill-​ewwel. Imma dak ma kienx iwieġeb il-​​mistoqsijiet li Satana qajjem, mistoqsijiet li setgħu jibqgħu fl-​imħuħ taʼ l-​anġli li kienu qegħdin jaraw kollox. Għalhekk Alla ppermetta ż-​żmien lil Satana biex jittanta jagħti prova taʼ dak li sostna. B’liema riżultati?

15, 16. (a) Iż-żmien li għadda ta prova taʼ liema ħaġa rigward dak li sostna x-​Xitan? (b) Liema ġrajja hija fil-​qrib ferm?

15 Iż-żmien li għadda ta prova li l-​bnedmin ma jistgħux jaħkmu lilhom infushom b’suċċess mingħajr l-​għajnuna t’Alla. L-​attentati tagħhom fallew għalkollox. In-​nies sofrew b’mod terribbli taħt il-​​gvernijiet tal-​bnedmin, li, bħalma turi l-​Iskrittura, kienu kkontrollati minn wara l-​kwinti mix-​Xitan. Ukoll, il-​​fatt li Alla ħalla ż-​żmien wera biċ-​ċar li Satana ma kienx kapaċi jdawwar lil kulħadd milli jqim ’l Alla. Dejjem kien hawn xi wħud li baqgħu leali lejn l-​istat taʼ ħakma t’Alla. Tistaʼ taqra fil-​Bibbja, per eżempju, li Satana pprova, mingħajr suċċess, li jwaqqaf lil Ġob milli jaqdi ’l Alla.​—Ġob 1:​6-12.

16 B’hekk dak li sostna x-​Xitan ġie pprovat falz. Huwa ċertament li jixraqlu l-​qerda talli beda rewwixta mill-​agħar kontra Alla. B’ferħ għalina, illum qegħdin fiż-​żmien meta Alla se jġib il-​​ħakma tax-​Xitan fi tmiem. Billi tiddeskrivi l-​ewwel pass għal dan, il-​​Bibbja titkellem dwar battalja importanti fis-​sema, li, m’għandniex xi ngħidu, in-​nies fuq l-​art la rawha u lanqas semgħuha. Aqra bir-​reqqa r-​rakkont li ġej mill-​Bibbja:

17. (a) Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-​gwerra fis-​sema? (b) X’kien ir-​riżultat tagħha għal dawk fis-​sema, u għal dawk fuq l-​art?

17 “Gwerra faqqgħet fis-​sema: Mikiel [li hu Ġesù Kristu rxoxtat] u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun, u d-​dragun u l-​anġli tiegħu tqabdu imma m’għelibx, lanqas ma nstab post għalihom iżjed fis-​sema. Mela ’l isfel id-​dragun il-​​kbir ġie mixħut, is-​serpent oriġinali, il-​​wieħed imsejjaħ Xitan u Satana, li qiegħed jiżvija lill-​art abitata kollha; ġie mixħut ’l isfel lejn l-​art, u l-​anġli tiegħu ġew mixħutin ’l isfel miegħu. ‘Minħabba f’dan ifirħu, intom is-​smewwiet u intom li toqogħdu fihom! Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għaliex ix-​Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.’”​—Rivelazzjoni 12:​7-9, 12.

18. (a) Meta seħħet il-​​gwerra fis-​sema? (b) X’ġara fuq l-​art minn mindu Satana ġie “mixħut ’l isfel”?

18 Meta seħħet din il-​​gwerra fis-​sema? L-​evidenza turi li din ġrat madwar iż-​żmien taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija, li bdiet fl-​1914. Bħalma turi r-​Rivelazzjoni, Satana ġie mneħħi mis-​smewwiet f’dak iż-​żmien, li jfisser li ilna ngħixu fil-​“perijodu qasir taʼ żmien” tiegħu minn dak in-​nhar. B’hekk, dawn huma “l-​aħħar jiem” tad-​dinja taʼ Satana. Iż-​żjieda fl-​illegalità, il-​​biżaʼ, il-​​gwerer, l-​iskarsezzi taʼ l-​ikel, il-​​mard u kundizzjonijiet oħrajn taʼ hemm li konna u għadna nġarrbu huma prova taʼ dan il-​​fatt.​—Mattew 24:​3-12; 2 Timotew 3:​1-5.

19. (a) Satana issa x’qiegħed jipprova iebes li jagħmel? (b) X’ikun għaqli għalina li nagħmlu?

19 Ladarba Satana jaf li l-​“perijodu qasir taʼ żmien” tiegħu kważi spiċċa, qiegħed jipprova iktar iebes minn qatt qabel biex iżomm lin-​nies lura milli jaqdu ’l Alla. Huwa jrid jieħu kemm jistaʼ nies għall-​qerda miegħu. Bir-​raġun il-​​Bibbja tiddeskrivih bħala ljun jgħajjat li qiegħed ifittex lil min jiblaʼ. (1 Pietru 5:​8, 9) Jekk ma rridux li ninqabdu minnu, għandna bżonn nitgħallmu kif jattakka u wkoll il-​​modi li bihom jiżvija lin-​nies.​—2 Korintin 2:11.

KIF SATANA JIŻVIJA LIN-​NIES

20. (a) Kemm kien taʼ suċċess l-​attakk taʼ Satana? (b) Għala nistgħu nistennew li l-​iskemi tiegħu spiss jidhru innoċenti, saħansitra taʼ ġid?

20 Taħsibx li l-​metodi taʼ Satana biex jiġbed lin-​nies għal warajh huma dejjem faċli li tinduna bihom. Huwa espert f’li jidħak bin-​nies. Il-​metodi tiegħu matul l-​eluf taʼ snin kienu, fil-​fatt, tant makakki li llum ħafna nies lanqas biss jemmnu li jeżisti. Għalihom il-​​ħażen u d-​deni huma sempliċement kundizzjonijiet normali li dejjem se jibqgħu. Satana jopera ħafna bħal mexxejja kriminali tal-​lum li jinħbew wara front rispettabbli, imma li, minn wara l-​kwinti, jagħmlu affarijiet mill-​agħar ħafna. Il-​Bibbja tispjega: “Satana nnifsu jibqaʼ jittrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-​dawl.” (2 Korintin 11:14) B’hekk nistgħu nistennew li l-​iskemi tiegħu biex jiżvija lin-​nies taʼ spiss jidhru innoċenti, saħansitra taʼ ġid.

21. X’inhi waħda mill-​iskemi li uża Satana?

21 Ftakar li Satana ppoża taʼ ħabib għal Eva. Imbagħad qarraq biha biex tagħmel dak li ħasbet li se jkun għall-​ġid tagħha stess. (Ġenesi 3:​4-6) Huwa l-​istess illum. Per eżempju, permezz tar-​rappreżentanti umani tiegħu Satana bil-​makakkerija jinkuraġġixxi lin-​nies biex ipoġġu l-​interessi tal-​gvernijiet umani saħansitra qabel is-​servizz tagħhom lejn Alla. Dan ħoloq spirtu taʼ nazzjonaliżmu li rriżulta fi gwerer terribbli. Fi żminijiet riċenti Satana qanqal lin-​nies biex iressqu ’l quddiem diversi skemi fit-​tfittxija tagħhom għall-​paċi u s-​sigurtà. Waħda minnhom hija l-​Ġnus Magħquda. Imma ħolqot din dinja taʼ paċi? ’Il bogħod minn hekk! Minflok, tat prova li kienet mezz biex jiġbed l-​attenzjoni tan-​nies lil hinn mill-​arranġament t’Alla f’li tinġab il-​​paċi lill-​bnedmin, is-​saltna li riesqa tiegħu taħt Ġesù Kristu, il-​​“Prinċep tal-​Paċi.”​—Isaija 9:6; Mattew 6:​9, 10.

22. Satana liema għarfien ma jridx li jkollna?

22 Jekk aħna se nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem, għandna bżonn għarfien eżatt dwar Alla, l-​Iben Sultan tiegħu u s-​saltna tiegħu. (Ġwann 17:3) Tistaʼ tkun ċert li Satana x-​Xitan ma jridx li jkollok dan l-​għarfien, u jagħmel kulma jistaʼ biex iwaqqfek milli takkwistah. Kif se jagħmlu dan? Mod wieħed huwa billi jara li int ikollok oppożizzjoni, forsi billi tiġi rredikolat. Il-​Bibbja tgħidilna: “Dawk kollha li jixtiequ jgħixu bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù se jkunu wkoll ippersegwitati.”​—2 Timotew 3:12.

23. (a) Satana kif jistaʼ saħansitra juża l-​ħbieb u l-​qraba biex jiskuraġġina? (b) Int għala qatt m’għandek iċċedi għall-​oppożizzjoni?

23 Jistaʼ jkun li saħansitra ħbieb tal-​qalb jew qraba jgħidulek li ma jiħdux gost li int teżamina l-​Iskrittura. Ġesù Kristu nnifsu saħansitra wissa: “Tabilħaqq, l-​għedewwa taʼ bniedem se jkunu persuni taʼ daru stess. Min għandu affezzjoni akbar lejn missier jew omm milli lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi; u min għandu affezzjoni akbar lejn iben jew bint milli lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.” (Mattew 10:​36, 37) Il-​qraba jistgħu jipprovaw jiskuraġġuk, u dan jagħmluh bis-​sinċerità kollha għax ma jafux il-​​veritajiet taʼ l-​għaġeb li hemm fil-​Bibbja. Imma jekk int tieqaf mill-​istudju tal-​Kelma t’Alla meta tiġi xi oppożizzjoni, Alla kif se jħares lejk? Ukoll, jekk int iċċedi, dawk il-​ħbieb u l-​maħbubin tiegħek kif se jiġu mgħejjunin minnek biex jifhmu li għarfien eżatt tal-​Bibbja huwa tant importanti għax ifisser ħajja jew mewt? Billi żżomm maʼ l-​affarijiet li titgħallem mill-​Kelma t’Alla int tistaʼ maż-​żmien tinfluwenzahom sabiex huma wkoll jitgħallmu l-​verità.

24. (a) Ix-Xitan liema modi oħrajn juża biex iżomm lin-​nies milli jieħdu għarfien li jagħti l-​ħajja? (b) Kemm tħoss int li huwa importanti li tistudja l-​Kelma t’Alla?

24 Mill-banda l-​oħra, Satana jistaʼ jkun responsabbli li jħajrek biex tieħu sehem f’xi attività mmorali, li ma togħġobx ’l Alla. (1 Korintin 6:​9-11) Jew jistaʼ jkun li jġagħlek tħoss li int imħabbat wisq biex tistudja l-​Bibbja. Imma meta taħseb dwar dan, jistaʼ qatt ikun hemm ħaġa oħra iktar importanti milli takkwista dan it-​tip t’għarfien? Tħalli xejn iwaqqfek milli tikseb dan l-​għarfien li jistaʼ jwasslek biex tirċievi ħajja taʼ dejjem fil-​ġenna fuq l-​art!

25. Jekk inkomplu nopponu lix-​Xitan, x’m’huwiex se jkun kapaċi jagħmlilna?

25 Il-Bibbja tħeġġeġ: ‘Opponi lix-​Xitan.’ Jekk tagħmel dan, ‘huwa se jaħrab minnek.’ (Ġakbu 4:7) Ifisser dan li jekk tirreżisti l-​attakk taʼ Satana huwa se jċedi u ma jaqlagħlekx inkwiet iktar? Le, se jibqaʼ jipprova jġiegħlek tagħmel li jrid huwa. Imma jekk tibqaʼ topponih, qatt ma se jkun jistaʼ jġiegħlek tieħu korsa kontra Alla. Mela, ħabrek biex tieħu l-​għarfien wisq importanti tal-​Bibbja u ipprattika dak li titgħallem. Dan huwa vitali biex iżommok milli tiġi mqarraq minn mezz ieħor taʼ Satana biex jiżvija lin-​nies, ir-​reliġjon falza.

[Stampa f’paġna 16, 17]

Setaʼ Satana joffri lil Kristu dawn il-​​gvernijiet kollha tad-​dinja kieku ma kinux tiegħu?

[Stampa f’paġna 19]

Dan il-​ħalliel ma twelidx ħalliel, sewwa sew bħalma x-​Xitan ma ġiex maħluq “xitan”

[Stampa f’paġna 20, 21]

Il-​gwerra fis-​sema ntemmet billi Satana u d-​demonji ġew mitfugħin ’l isfel lejn l-​art. Int issa qiegħed tħoss l-​effetti

[Stampa f’paġna 24]

Jistaʼ jkun hemm oppożizzjoni meta int tkun trid tibqaʼ tistudja l-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja