“Opponu lix-Xitan” Bħalma Għamel Ġesù
“Opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—ĠAK. 4:7.
1. Ġesù liema oppożizzjoni kien jaf li kellu jiffaċċja fuq l-art, u b’liema riżultat?
ĠESÙ KRISTU kien jaf li kellu jiffaċċja oppożizzjoni mix-Xitan. Dan il-fatt kien jidher minn dak li Alla qal lis-serp, jiġifieri, lill-ispirtu mill-agħar ribelluż li kien qed jitkellem permezz tiegħu: “Inqanqal għadwa bejnek u bejn il-mara [il-parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-sema] u bejn nislek u nisilha. Hu [Ġesù Kristu] jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġen. 3:14, 15; Riv. 12:9) Il-fatt li Ġesù kellu jinsaħaqlu għarqubu kien ifisser li hu kien se jbati biss ħsara temporanja billi jinqatel waqt li kien fuq l-art, għax Ġeħova kien se jirxoxtah għall-glorja fis-sema. Imma l-fatt li ras is-serp kellha tiġi misħuqa kien ifisser li x-Xitan kien se jieħu d-daqqa tal-mewt li qatt ma kien se jirkupra minnha.—Aqra Atti 2:31, 32; Ebrej 2:14.
2. Ġeħova għala kien fiduċjuż li Ġesù kien se jirnexxilu jirreżisti lix-Xitan?
2 Ġeħova kien fiduċjuż li, waqt li kien se jkun fuq l-art, Ġesù kien se jwettaq b’suċċess l-inkarigu tiegħu u jopponi lix-Xitan. Ġeħova għala setaʼ jkun daqshekk ċert minn dan? Minħabba li kien ħalaq lil Ġesù fis-sema ħafna snin qabel, kien osservah, u kien jaf li dan il-“ħaddiem tas-sengħa” u “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu” kien ubbidjenti u leali. (Prov. 8:22-31; Kol. 1:15) Għalhekk, meta Ġesù ntbagħat fuq l-art u x-Xitan tħalla jgħaddih minn provi saħansitra sal-mewt, Alla kien fiduċjuż li Ibnu uniġenitu kien se joħroġ rebbieħ.—Ġw. 3:16.
Ġeħova Jippreserva lill-Qaddejja Tiegħu
3. X’inhi l-attitudni tax-Xitan lejn il-qaddejja taʼ Ġeħova?
3 Ġesù rrefera għax-Xitan bħala “l-ħakkiem taʼ din id-dinja” u wissa lid-dixxipli Tiegħu li huma kienu se jkunu persegwitati, saħansitra bħalma kien hu. (Ġw. 12:31; 15:20) Id-dinja, li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana x-Xitan, tobgħod lill-Kristjani veri għax dawn jaqdu lil Ġeħova u jippridkaw is-sewwa. (Mt. 24:9; 1 Ġw. 5:19) Ix-Xitan jimmira b’mod partikulari għall-fdal tal-midlukin li eventwalment se jaħkmu maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema. Satana jimmira wkoll għall-ħafna Xhieda taʼ Ġeħova li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art. Il-Kelma t’Alla twissina: “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pt. 5:8.
4. X’juri li l-poplu t’Alla rnexxielu jopponi lix-Xitan fi żmienna?
4 Bħala organizzazzjoni li tgawdi l-appoġġ t’Alla Ġeħova, aħna jirnexxilna nopponu lix-Xitan. Ikkunsidra dawn il-fatti: Fl-aħħar 100 sena, xi wħud mill-iktar dittatorjati ħorox fl-istorja pprovaw jeqirdu għalkollox lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma n-numru taʼ Xhieda għadu jikber u issa kważi laħaq is-7,000,000 f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni madwar id-dinja. Id-dittatorjati kefrin li ppersegwitaw lill-poplu taʼ Ġeħova kienu dawk li nqerdu għalkollox!
5. Isaija 54:17 kif wera li kien veru fil-każ tal-qaddejja taʼ Ġeħova?
5 Meta tkellem dwar il-kongregazzjoni taʼ Israel tal-qedem bħala l-“mara” tiegħu, Alla wiegħed: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix, u kwalunkwe lsien li jqum kontrik fil-ġudizzju, int tikkundannah. Dan hu l-wirt tal-qaddejja taʼ Ġeħova, u s-sewwa tagħhom ġej mingħandi.” (Is. 54:11, 17) Din il-wegħda wriet li kienet vera fil-każ tal-poplu li Ġeħova għandu madwar l-art kollha matul dawn l-“aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1-5, 13) Aħna nkomplu nopponu lix-Xitan, u ebda arma li hu jipprova juża biex jeqred lill-poplu t’Alla ma tirnexxi, għax Ġeħova hu fuq in-naħa tagħna.—Salm 118:6, 7.
6. Il-profezija taʼ Danjel x’tgħidilna dwar il-futur tal-ħakma tax-Xitan?
6 Fi tmiem din is-sistema mill-agħar kollha, li riesaq b’ħeffa kbira, l-aspetti kollha tal-ħakma taʼ Satana se jinqerdu għalkollox. B’ispirazzjoni divina, il-profeta Danjel bassar: “Fi żmien dawn is-slaten [li jeżistu fi żmienna], l-Alla tas-sema jwaqqaf saltna [fis-sema] li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha [li jeżistu llum], u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Dan. 2:44) Meta jiġri dan, kemm il-ħakma satanika u kemm il-ħakma tal-bnedmin imperfetti se jgħibu. Kull aspett tas-sistema tax-Xitan se jkun spiċċa darba għal dejjem, u s-Saltna t’Alla se taħkem fuq l-art kollha mingħajr oppożizzjoni.—Aqra t-2 Pietru 3:7, 13.
7. Kif nafu li l-qaddejja taʼ Ġeħova bħala individwi jistaʼ jirnexxilhom jopponu lix-Xitan?
7 M’hemm ebda dubju li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova se tkun preservata u se tiffjorixxi spiritwalment. (Aqra Salm 125:1, 2.) Xi ngħidu għalina? Il-Bibbja tgħidilna li jistaʼ jirnexxilna nopponu lix-Xitan, saħansitra bħalma għamel Ġesù. Tabilħaqq, il-profezija li ta Kristu permezz taʼ l-appostlu Ġwanni turi li minkejja l-oppożizzjoni satanika, “folla kbira” minn dawk li għandhom it-tama għall-art se jsalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema. Skond l-Iskrittura, huma jgħajtu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf [Ġesù Kristu].” (Riv. 7:9-14) Dwar il-midlukin jingħad li se jirbħu lil Satana, u sħabhom, in-“nagħaġ oħrajn,” se jirnexxilhom jopponuh ukoll. (Ġw. 10:16; Riv. 12:10, 11) Imma biex dan iseħħ jeħtieġ li nagħmlu sforz diliġenti u nitolbu bil-ħerqa għall-‘ħelsien mill-Ħażin.’—Mt. 6:13.
L-Eżempju Perfett taʼ Kif Topponi lix-Xitan
8. Liema kienet l-ewwel tentazzjoni dokumentata li x-Xitan uża kontra Ġesù fix-xagħri, u Kristu kif wieġeb?
8 Ix-Xitan ipprova jkisser l-integrità taʼ Ġesù. Fix-xagħri, Satana uża tentazzjonijiet fi sforz biex iġiegħel lil Ġesù jagħmel kompromess u ma jobdix lil Ġeħova. Madankollu, Ġesù ħalla eżempju perfett taʼ kif nopponu lil Satana. Wara li sam għal 40 jum u 40 lejl, Ġesù wisq probabbli kien jixtieq ħafna li jiekol. “Jekk int bin Alla,” qal Satana, “għid lil dan il-ġebel isir ħobż.” Imma Ġesù rrifjuta li juża l-qawwa li kien tah Alla għall-benefiċċju persunali tiegħu. Minflok, Ġesù qal: “Hu miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.’”—Mt. 4:1-4; Dt. 8:3.
9. Għala għandna nirreżistu l-attentati tax-Xitan meta jipprova jieħu vantaġġ mix-xewqat fiżiċi u naturali tagħna?
9 Illum, ix-Xitan jipprova jieħu vantaġġ mix-xewqat fiżiċi u naturali tal-qaddejja taʼ Ġeħova. Għalhekk, għandna nkunu determinati biex nirreżistu tentazzjonijiet sesswali illeċiti, li huma tant komuni f’din id-dinja immorali. Il-Kelma t’Alla tgħid b’enfasi: “X’inhu! Ma tafux li l-inġusti ma jirtux is-saltna t’Alla? Titqarrqux. La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, [lanqas] l-irġiel li jimteddu maʼ l-irġiel . . . ma jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Kor. 6:9, 10) Mela, jidher ċar li nies li jgħixu ħajja immorali u li ma jkunux iridu jinbidlu m’humiex se jitħallew jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla.
10. Skond Mattew 4:5, 6, x’kienet tentazzjoni oħra li Satana uża f’attentat biex ikisser l-integrità taʼ Ġesù?
10 Rigward waħda mit-tentazzjonijiet li Ġesù esperjenza fix-xagħri, l-Iskrittura tgħid: “Ix-Xitan ħadu miegħu ġewwa l-belt qaddisa, u tellgħu fuq l-ogħla ħajt tat-tempju u qallu: ‘Jekk int bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hu miktub, “Hu jagħti kmand dwarek lill-anġli tiegħu, u huma jġorruk fuq idejhom, biex ma taħbatx sieqek maʼ xi ġebla.”’” (Mt. 4:5, 6) Satana implika li dan kien se juri b’mod spettakolari li Ġesù huwa l-Messija. Madankollu, fir-realtà din kienet tkun xi ħaġa mhix xierqa u arroganti li ma kienx se jkollha l-approvazzjoni u l-appoġġ t’Alla. Għal darba oħra, Ġesù żamm l-integrità tiegħu lejn Ġeħova u wieġeb billi kkwota skrittura. Hu qal: “Jerġaʼ hu miktub, ‘Tgħaddix lil Ġeħova Alla tiegħek minn prova.’”—Mt. 4:7; Dt. 6:16.
11. Satana kif jistaʼ jittantana, u x’jistaʼ jkun ir-riżultat?
11 Satana għandu mnejn jittantana biex niksbu l-glorja b’diversi modi. Hu għandu mnejn jipprova jħajjarna biex nimitaw il-moda tad-dinja fl-ilbies u fil-maxta tax-xagħar jew biex nieħdu sehem f’divertiment dubjuż. Imma li kieku kellna ninjoraw il-pariri tal-Bibbja u nimitaw id-dinja, nistgħu aħna nistennew li l-anġli jipproteġuna mill-effetti ħżiena t’għażla bħal din? Għalkemm is-Sultan David nidem mid-dnubiet tiegħu li kienu jinvolvu lil Batseba, hu ma kienx protett mill-konsegwenzi taʼ l-azzjonijiet tiegħu. (2 Sam. 12:9-12) Ejja ma nġarrbux lil Ġeħova b’modi mhux xierqa, forsi billi nikkultivaw ħbiberija mad-dinja.—Aqra Ġakbu 4:4; l-1 Ġwanni 2:15-17.
12. X’kienet it-tentazzjoni msemmija f’Mattew 4:8, 9, u Bin Alla kif wieġeb?
12 Jerġaʼ tentazzjoni oħra li x-Xitan uża fix-xagħri kienet l-offerta li jagħti qawwa politika lil Ġesù. Satana wera s-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom lil Ġesù u qallu: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-art u tagħmilli att taʼ qima.” (Mt. 4:8, 9) X’attentat bla skruplu biex jieħu l-qima li tappartjeni lil Ġeħova u jħajjar lil Ġesù biex ma jibqax leali lejn Alla! Minħabba li baqaʼ jaħseb fuq ix-xewqa li jiġi meqjum, dak li darba kien anġlu leali sar it-tentatur Satana x-Xitan, li hu midneb, ferm mill-agħar, u jixxennaq b’għira. (Ġak. 1:14, 15) Madankollu, b’kuntrast qawwi, Ġesù kien determinat li jibqaʼ leali lejn Missieru tas-sema, u għalhekk ħabbar: “Mur ’l hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’” B’hekk, Ġesù għal darb’oħra oppona lix-Xitan bi kliem ċar u sod. Bin Alla ma ried ebda parti mid-dinja taʼ Satana u qatt ma kien se jqim lil dak il-wieħed mill-agħar!—Mt. 4:10; Dt. 6:13; 10:20.
“Opponu lix-Xitan, u Hu Jaħrab Minnkom”
13, 14. (a) Billi wera s-saltniet kollha tad-dinja lil Ġesù, ix-Xitan x’kien qed joffrilu? (b) Satana kif jipprova jikkorrompina?
13 Billi wera s-saltniet kollha tad-dinja lil Ġesù, ix-Xitan kien qed joffrilu qawwa umana li ħadd qatt ma kellu bħalha. Satana ttama li dak li Ġesù ra kien se jħajru u jikkonvinċih li hu setaʼ jsir l-iktar mexxej politiku qawwi tad-dinja. Illum, ix-Xitan ma joffrilniex is-saltniet, imma hu jipprova jikkorrompi lil qlubna permezz taʼ dak li naraw, nisimgħu, u naħsbu fih.
14 Ix-Xitan jikkontrolla din id-dinja. Għaldaqstant, hu jikkontrolla l-mezzi tax-xandir tagħha. Għalhekk, m’huwiex sorprendenti li l-materjal li toffri d-dinja li tistaʼ tarah, tisimgħu, u taqrah huwa mimli bl-immoralità u l-vjolenza. L-elementi taʼ rreklamar taʼ din id-dinja jipprovaw jiżviluppaw fina xewqa biex nixtru ħafna affarijiet materjali li m’għandniex bżonnhom. Permezz t’hekk, ix-Xitan il-ħin kollu jittantana b’affarijiet materjali li jistgħu jħajru lil għajnejna, lil widnejna, u lil imħuħna. Imma meta nirrifjutaw li naraw, nisimgħu, u naqraw materjal li Skritturalment m’huwiex aċċettabbli, fil-fatt inkunu qed ngħidu: “Mur ’l hemm, Satana!” B’hekk, meta nirrifjutaw id-dinja mhix nadifa taʼ Satana nkunu qed nimitaw lil Ġesù billi nkunu sodi u deċiżi. Il-fatt li m’aħna ebda parti mid-dinja taʼ Satana jidher bil-mod kif b’kuraġġ nidentifikaw lilna nfusna bħala Xhieda taʼ Ġeħova u segwaċi taʼ Kristu meta nkunu x-xogħol, l-iskola, fl-inħawi fejn ngħixu, u fost qrabatna.—Aqra Marku 8:38.
15. Biex nopponu lil Satana għala għandna nkunu għassa kontinwament?
15 Wara t-tielet attentat bla suċċess tax-Xitan biex iġiegħel lil Ġesù jagħmel kompromess mill-integrità Tiegħu lejn Alla, “ix-Xitan ħallieh.” (Mt. 4:11) Madankollu, Satana ma kellu l-ebda intenzjoni li jieqaf jittanta lil Ġesù, għax jintqalilna: “Għalhekk, meta temm it-tentazzjoni kollha [fix-xagħri], ix-Xitan telaq minn ħdejh sakemm isib ħin konvenjenti ieħor.” (Lq. 4:13) Meta jirnexxilna nopponu lix-Xitan, għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova. Imma għandna wkoll nibqgħu nfittxu l-għajnuna t’Alla, għax ix-Xitan jerġaʼ jiġi u jittantana f’ħin ieħor li jkun konvenjenti għalih—u mhux neċessarjament meta nkunu qed nistennew li jkollna xi tentazzjoni. Għaldaqstant, għandna nkunu għassa l-ħin kollu, lesti biex nipperseveraw f’li nagħtu servizz sagru lil Ġeħova minkejja l-provi li jkollna niffaċċjaw.
16. Ġeħova liema forza qawwija jagħtina, u għala għandna nitolbu għaliha?
16 Sabiex niġu megħjunin fl-isforzi tagħna biex nopponu lix-Xitan, għandna nitolbu għall-iktar forza qawwija fl-univers—l-ispirtu qaddis t’Alla—u se nirċivuha. Dan l-ispirtu se jgħinna nagħmlu affarijiet li jkun impossibbli għalina li nagħmluhom bis-saħħa tagħna biss. Ġesù żgura lis-segwaċi tiegħu li l-ispirtu t’Alla huwa disponibbli, billi qal: “Jekk intom, għalkemm [imperfetti, u b’hekk relattivament] ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Ejja nkomplu nitolbu lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis tiegħu. Minħabba li għandna din il-qawwa b’saħħitha tappoġġana fid-determinazzjoni tagħna biex nopponu lix-Xitan, aħna se nkunu nistgħu noħorġu rebbiħin. Minbarra talb regulari u mill-qalb, irridu nilbsu l-armatura spiritwali sħiħa mingħand Alla sabiex inkunu nistgħu ‘nżommu sod kontra t-tnassis [jew, l-atti makakki] tax-Xitan.’—Efes. 6:11-18.
17. Liema ferħ għen lil Ġesù jirreżisti lix-Xitan?
17 Kien hemm xi ħaġa oħra li għenet lil Ġesù biex jopponi lix-Xitan, u din tistaʼ tgħin lilna wkoll. Il-Bibbja tgħid: “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu [Ġesù] issaporta z-zokk tat-tortura, u ma qiesx l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin tat-tron t’Alla.” (Ebr. 12:2) Aħna jistaʼ jkollna ferħ bħal dan billi nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova, nonoraw lil ismu qaddis, u nżommu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejna. Kemm se nkunu ferħanin meta Satana u l-għemejjel kollha tiegħu se jiġu eliminati darba għal dejjem u “l-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm”! (Salm 37:11) Għalhekk, ibqaʼ opponi lix-Xitan, bħalma għamel Ġesù.—Aqra Ġakbu 4:7, 8.
Int Kif Twieġeb?
• Liema prova hemm li turi li Ġeħova jippreserva lill-poplu tiegħu?
• Ġesù kif ħallielna eżempju biex nopponu lix-Xitan?
• B’liema modi tistaʼ topponi lix-Xitan?
[Stampa f’paġna 29]
Ħbiberija mad-dinja tagħmilna għedewwa t’Alla
[Stampa f’paġna 31]
Ġesù rrifjuta l-offerta taʼ Satana meta offrielu s-saltniet kollha tad-dinja