Kapitlu 7
Għala Aħna Qegħdin Hawnhekk
1. Persuni li jużaw moħħhom għal liema konklużjoni waslu?
IN-NIES ilhom ħafna jitħassbu dwar xi tfisser il-ħajja fuq l-art. Huma ħarsu lejn is-sema kbir immens miżgħud bil-kwiekeb. Ammiraw l-inżul tax-xemx kollu kuluri u l-ġmiel tal-kampanja. Persuni li jużaw moħħhom irraġunaw li jrid ikun hemm xi skop grandjuż għal dawn l-affarijiet kollha. Imma taʼ spiss tħassbu dwar fejn huwa posthom.—Salm 8:3, 4.
2. Liema mistoqsijiet għamlu n-nies?
2 F’xi żmien fil-ħajja ħafna nies jistaqsu: Qegħdin aħna sempliċement biex ngħixu għal żmien qasir, nieħdu dak li nistgħu mill-ħajja, u mbagħad immutu? Fejn sejrin tassew? Hemm iktar li nistgħu nistennew barra miċ-ċiklu qasir taʼ twelid, ħajja u mewt? (Ġob 14:1, 2) Dak li se jgħinna nifhmu din il-kwistjoni huwa t-tweġiba għall-mistoqsija: Kif ġejna hawnhekk?
EVOLUZZJONI JEW ĦOLQIEN?
3. It-tagħlim taʼ l-evoluzzjoni x’inhu?
3 F’xi postijiet huwa komuni t-tagħlim li kulma naraw ġie waħdu, li ġara b’kumbinazzjoni jew b’aċċident. Jintqal li matul perijodu taʼ ħafna miljuni taʼ snin il-ħajja evolviet, jew żviluppat, minn forom iktar baxxi sakemm fl-aħħar bdew jeżistu l-bnedmin. F’ħafna nħawi taʼ l-art din it-teorija taʼ l-evoluzzjoni hija mgħallma bħala fatt. Imma veru li aħna ġejna minn bhima li qisha xadina u li kienet tgħix miljuni taʼ snin ilu? Ġie dan il-kobor t’Univers sempliċement b’kumbinazzjoni?
4. Għala nistgħu nemmnu li “Alla ħalaq is-smewwiet u l-art”?
4 Il-Bibbja tgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) U l-fatti tax-xjenza jaqblu li s-smewwiet, bil-biljuni taʼ kwiekeb tagħhom, u l-art tagħna kellhom bidu. Ġew maħluqin. Iċ-ċaqliq tal-kwiekeb u tal-pjaneti tant huwa regulari li saħansitra minn snin qabel il-pożizzjoni tagħhom tistaʼ tiġi ddeterminata bi preċiżjoni perfetta. Il-kwiekeb u l-pjaneti jiċċaqilqu fl-univers skond il-liġijiet u l-prinċipji tal-matematika. P. Dirac, professur tal-matematika mill-Università taʼ Cambridge, qal, fir-rivista Scientific American: “Wieħed jistaʼ forsi jiddeskrivi s-sitwazzjoni billi jgħid li Alla hu matematiku t’ordni għolja ħafna, u uża matematika avanzata ħafna biex bena l-univers.”
5. Il-ġisem fiżiku tagħna kif juri li aħna ġejna maħluqin minflok li aħna prodott taʼ l-evoluzzjoni?
5 Il-Bibbja tgħid: “Kunu afu li Jehovah hu Alla. Huwa hu li għamilna, u mhux aħna nfusna.” (Salm 100:3) Il-ġisem uman tagħna juri tant disinn taʼ l-għaġeb li kittieb wieħed tal-Bibbja ġie mqanqal biex jgħid ’l Alla: “[I]nfaħħrek għaliex b’mod li jispira l-biżaʼ jien magħmul b’mod taʼ l-għaġeb. . . . Għadmi ma kienx moħbi minnek meta kont magħmul fis-sigriet . . . Għajnejk raw saħansitra l-ewwel tiswir tiegħi, u fil-ktieb tiegħek il-partijiet kollha tiegħu kienu miktubin.” (Salm 139:14-16) Tarbija tiżviluppa ġol-ġuf t’ommha b’mod taʼ l-għaġeb. Ir-rivista Newsweek qalet dwar dan: “Dan huwa, sempliċement, miraklu.” Imbagħad żiedet: “L-ebda teknika ma tistaʼ tiddetermina l-waqt importanti tat-tnissil. L-ebda xjenzat ma jistaʼ jgħid liema qawwiet taʼ l-għaġeb jibdew imbagħad jaħdmu biex jiżviluppaw l-organi u l-mirjadi taʼ sistemi taʼ nervituri taʼ tarbija ġol-ġuf.”
6. Għala jagħmel sens għalina li nemmnu fil-ħolqien minflok fl-evoluzzjoni?
6 Aħseb ftit dwar l-univers kbir tagħna, kif ukoll dwar ġisimna stess li ġie msawwar u ddisinnjat b’mod taʼ l-għaġeb. Raġunar serju għandu jgħidilna li dawn l-affarijiet mhux sempliċement evolvew jew ġew waħedhom. Ried ikollhom Disinnjatur, Ħallieq. Ikkunsidra xi affarijiet oħrajn li naraw madwarna. Meta tkun ġo darek, staqsi lilek innifsek: L-iskrivanija tiegħi, il-lampa, is-sodda, is-siġġu, il-mejda, il-ħitan, jew saħansitra d-dar stess, evolvew? Jew kellhom bżonn lil xi ħadd biex jagħmilhom? M’għandniex xi ngħidu nies intelliġenti kellhom jagħmluhom! B’liema mod, allura, jistaʼ jingħad li l-univers tagħna, bil-wisq iktar ikkumplikat, u aħna nfusna ma kellniex bżonn min jagħmilna? U jekk Alla poġġiena hawnhekk, żgur li kellu raġuni għala għamel hekk.
7. (a) Ġesù kif wera li kien jemmen fil-ħolqien? (b) Liema xiehda iżjed hemm li Adam kien persuna vera?
7 Ġesù Kristu nnifsu qal dwar l-ewwel raġel u mara: “Dak li ħalaqhom mill-bidu għamilhom maskil u femminil u qal, ‘Għal din ir-raġuni raġel se jħalli lil missieru u lil ommu u se jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn se jkunu laħam wieħed.’” (Mattew 19:4, 5) Hawnhekk Ġesù kkwota minn Ġenesi 1:27 u 2:24 rigward il-ħolqien t’Adam u Eva. Hu b’hekk kien qiegħed jindika li dan ir-rakkont tal-Bibbja huwa l-verità. (Ġwann 17:17) Ukoll, il-Bibbja ssejjaħ lil Enok “is-sebaʼ wieħed fil-linja minn Adam.” (Ġuda 14) Kieku Adam ma kienx persuna vera, il-Bibbja ma kenitx tidentifikah b’dan il-mod speċifiku.—Luqa 3:37, 38.
8. Liema ħarsa dwar il-bidu tal-bniedem m’hijiex mgħallma fil-Bibbja?
8 Xi nies jgħidu li Alla uża l-proċess taʼ l-evoluzzjoni biex joħloq il-bniedem. Dawn isostnu li Alla lill-bniedem ħallieh jevolvi, u meta wasal f’ċertu punt Hu poġġa ruħ ġo fih. Imma din l-idea ma tidher imkien fil-Bibbja. Minflok, il-Bibbja tgħid li l-pjanti u l-annimali ġew maħluqin “skond ix-xorta tagħhom.” (Ġenesi 1:11, 21, 24) U l-fatti juru li xorta taʼ pjanta jew t’annimal ma tiżviluppax, maż-żmien, f’xi xorta oħra. Iktar tagħrif li jagħti prova li aħna m’aħniex il-prodott taʼ l-evoluzzjoni jistaʼ jinstab fil-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation?
KIF ALLA ĦALAQ IL-BNIEDEM
9. (a) Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-ħolqien tal-bniedem? (b) X’ġara meta Alla nefaħ f’imnifsejn ir-raġel in-“nifs tal-ħajja”?
9 Alla ħalaq il-bniedem mill-art biex jgħix fuq l-art, bħalma tgħid il-Bibbja: “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-raġel mit-trab taʼ l-art u jonfoħ f’imnifsejh in-nifs tal-ħajja, u r-raġel sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7) Minn dan nistgħu naraw li r-raġel kien ħolqien dirett t’Alla. B’azzjoni speċjali tal-ħolqien, Alla għamel lir-raġel persuna sħiħa u kompluta. Meta Alla nefaħ f’imnifsejn ir-raġel in-“nifs tal-ħajja,” il-pulmuni tar-raġel imtlew bl-arja. Imma iktar minn hekk ġie mwettaq. Alla b’hekk ta l-ħajja lill-ġisem tar-raġel. Din il-forza tal-ħajja hija sostnuta, jew tibqaʼ sejra, bin-nifs.
10. Ir-ruħ umana x’inhi, u kif inħolqot?
10 Innota, madankollu, li l-Bibbja ma tgħidx li Alla ta xi ruħ lir-raġel. Minflok, din tgħid li wara li Alla ġiegħlu jibda jieħu n-nifs, “[i]r-raġel sar ruħ ħajja.” Mela r-raġel kien ruħ, bħalma raġel li jsir tabib hu tabib. (1 Korintin 15:45) It-“trab taʼ l-art,” li minnu huwa msawwar il-ġisem fiżiku, m’huwiex ir-ruħ. Lanqas ma tgħid il-Bibbja li n-“nifs tal-ħajja” huwa r-ruħ. Minflok, il-Bibbja turi li t-tqegħid flimkien taʼ dawn iż-żewġ affarijiet huwa dak li rriżulta f’li ‘r-raġel isir ruħ ħajja.’
11. Liema fatti mill-Bibbja dwar ir-ruħ umana juru li din ma tistax tkun bħal dell li jistaʼ jeżisti separat minn persuna?
11 Ladarba r-ruħ umana hija l-bniedem innifsu, allura ma tistax tkun xi ħaġa bħal dell li tgħix ġol-ġisem u li tistaʼ toħroġ minn ġo fih. Fi kliem sempliċi, il-Bibbja tgħallem li ruħek hija int. Per eżempju, il-Bibbja titkellem dwar li r-ruħ tixtieq tiekol ikel fiżiku, billi tgħid: “Ruħek tixxennaq biex tiekol il-laħam.” (Dewteronomju 12:20) Tgħid ukoll li l-erwieħ għandhom id-demm jiġri ġol-vini tagħhom, għax titkellem dwar “[i]l-marki tad-demm taʼ l-erwieħ tal-fqar innoċenti.”—Ġeremija 2:34.
GĦALA ALLA POĠĠA L-BNIEDEM HAWNHEKK
12. X’kien l-iskop t’Alla għall-bnedmin fuq l-art?
12 Ma kienx l-iskop t’Alla li Adam u Eva jmutu wara ftit u jmorru jgħixu xi mkien ieħor. Kellhom jibqgħu hawnhekk biex jieħdu ħsieb l-art u l-affarijiet ħajjin kollha tagħha. Bħalma tgħid il-Bibbja: “Alla berikhom u qalilhom Alla: ‘Agħtu l-frott u siru ħafna u imlew l-art u rażżnuha, u ħalli jkollkom suġġetti lejkom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru tas-smewwiet u kull ħlejqa ħajja li qiegħda tiċċaqlaq fuq l-art.’” (Ġenesi 1:28; 2:15) Adam u Eva, kif ukoll l-ulied kollha li kien se jkollhom, setgħu jkunu kuntenti fuq l-art għal dejjem, billi jagħmlu l-affarijiet li Alla riedhom jagħmlu.
13. (a) Kif nistgħu nkunu henjin? (b) X’inhu li se jagħti tifsir veru lil ħajjietna?
13 Innota li “Alla berikhom.” Hu tassew ħa interess f’uliedu taʼ l-art. Mela bħala Missier taʼ mħabba tahom struzzjonijiet li kienu għall-ġid tagħhom. Kienu jkunu sabu l-hena kieku obdewhom. Ġesù kien jafu dan u għalhekk iktar tard qal: “Henjin huma dawk li qegħdin jisimgħu l-kelma t’Alla u qegħdin iżommuha!” (Luqa 11:28) Ġesù żamm il-kelma t’Alla. “Jien dejjem nagħmel l-affarijiet li jogħġbu lilu,” hu qal. (Ġwann 8:29) Dan huwa l-qofol għar-raġuni eżatta għala aħna qegħdin hawnhekk. Huwa biex ikollna ħajjiet henjin u mimlijin billi ngħixu fi qbil mar-rieda t’Alla. Dan se jagħti tifsir veru lil ħajjietna issa biex naqdu lil Jehovah. U billi nagħmlu dan inkunu qegħdin inħejju lilna nfusna biex ngħixu għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art.—Salm 37:11, 29.
GĦALA NIXJIEĦU U MMUTU
14. Billi m’obdewx il-kmand t’Alla, x’għamlu Adam u Eva?
14 Imma issa aħna lkoll nixjieħu u mmutu. Għala? Bħalma rajna fil-kapitlu taʼ qabel, huwa minħabba l-irvell t’Adam u Eva. Jehovah kien poġġa fuqhom prova li wriet il-bżonn li jkunu ubbidjenti lejn Alla. Hu qal lil Adam: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sa ma tixbaʼ. Imma inkwantu għas-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin ma tridx tiekol minnha, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li se tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Billi kielu minn din is-siġra, Adam u Eva taw daharhom lil Missierhom tas-sema u ċaħdu l-gwida tiegħu. Kienu diżubbidjenti u ħadu dak li ma kienx tagħhom. Setgħu jgħixu henjin f’ġenna għal dejjem mingħajr faqar jew sofferenzi, imma issa ġabu fuqhom il-kastig tad-dnub. Dan il-kastig huwa imperfezzjoni u mewt.—Rumani 6:23.
15. Aħna kif ħadna d-dnub tagħna minn Adam?
15 Taf int kif ħadna d-dnub tagħna mingħand Adam? Wara li Adam sar imperfett, għadda dik l-imperfezzjoni u l-mewt lil uliedu kollha. (Ġob 14:4; Rumani 5:12) Bħala għajnuna biex tifhem is-sitwazzjoni, aħseb x’jiġri meta furnar jaħmi l-ħobż ġo forma b’tagħtina. Il-ħobż kollu li jinħema f’dik il-forma jiġi bil-marka tat-tagħtina. Adam sar bħal dik il-forma, u aħna bħall-ħobż. Hu sar imperfett meta kiser il-liġi t’Alla. Kien bħal li kieku rċieva tagħtina jew marka ħażina. Mela meta kellu t-tfal, kollha kemm huma rċevew din l-istess marka tad-dnub jew taʼ l-imperfezzjoni.
16, 17. Wieħed mill-mirakli taʼ Ġesù kif juri li l-mard ġie fuq il-familja umana minħabba d-dnub?
16 Aħna issa nimirdu u nixjieħu minħabba d-dnub li lkoll irċevejna mingħand Adam. Wieħed mill-mirakli li għamel Ġesù juri dan. Waqt li Ġesù kien qiegħed jgħallem fid-dar fejn kien qiegħed joqgħod, inġabret folla kbira tant li ħadd iżjed ma setaʼ jiddeffes fil-kamra. Meta waslu erbat irġiel b’raġel ipparalizzat fuq katalett, raw li ma setgħux jidħlu ġewwa. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, għamlu toqba fih, u niżżlu l-katalett bil-paralitiku fuqu eżatt biswit Ġesù.
17 Meta Ġesù ra kemm kellhom fidi, qal lill-paralitiku: “Dnubietek huma maħfurin.” Imma xi nies preżenti ma kinux jaħsbu li Ġesù setaʼ jaħfer id-dnubiet. Għalhekk Ġesù qal: “‘Sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu awtorità li jaħfer id-dnubiet fuq l-art,’—hu qal lill-paralitiku: ‘Jien ngħidlek, Qum, erfaʼ l-katalett tiegħek, u mur lejn darek.’ Għal dak hu tassew qam, u minnufih refaʼ l-katalett tiegħu u mexa ’l barra quddiemhom ilkoll.”—Mark 2:1-12.
18. Il-qaddejja t’Alla jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn liema xorta taʼ futur?
18 Aħseb ftit kemm din il-qawwa taʼ Ġesù tistaʼ tfisser għalina! Taħt il-ħakma tas-saltna t’Alla, Kristu se jkun jistaʼ jaħfer id-dnubiet tan-nies kollha li jħobbu u jaqdu ’l Alla. Dan ifisser li l-weġgħat u t-tbatijiet u l-mardiet kollha se jitneħħew. Ħadd qatt iżjed ma se jkollu jixjieħ u jmut! X’tama taʼ l-għaġeb hija din għall-futur! Iva, hemm tabilħaqq wisq iktar li nistgħu nistennew milli nitwieldu, ngħixu ħajja qasira u mbagħad immutu. Billi nkomplu nitgħallmu dwar Alla u naqduh, tassew nistgħu ngħixu għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art.
[Stampa f’paġna 69]
Ħafna jitħassbu dwar it-tifsira tal-ħajja
[Stampa f’paġna 70]
Dawn l-affarijiet evolvew, jew intgħamlu?
[Stampa f’paġna 75]
Ir-rakkont tal-Bibbja dwar meta Ġesù fejjaq lill-paralitiku juri li n-nies jimirdu minħabba d-dnub t’Adam