LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 15 pp. 127-133
  • Issir Sudditu Tal-Gvern T’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Issir Sudditu Tal-Gvern T’Alla
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦARFIEN MEĦTIEĠ
  • MEĦTIEĠA KONDOTTA TAʼ TJIEBA
  • LEALTÀ LEJN IL-​GVERN T’ALLA
  • Il-Gvern Taʼ Paċi T’Alla
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • X’Inhi s-Saltna t’Alla?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 15 pp. 127-133

Kapitlu 15

Issir Sudditu Tal-​Gvern T’Alla

1, 2. X’hemm bżonn biex wieħed isir sudditu tal-​gvern t’Alla?

TRID INT tgħix fuq l-​art għal dejjem taħt il-​gvern t’Alla? Kwalunkwe persuna b’moħħha f’loku twieġeb, Iva! Benefiċċji taʼ l-​għaġeb se jitgawdew. Imma biex tirċevihom ma tistax sempliċement tgħolli idek u tgħid: ‘Jien irrid inkun sudditu tal-​gvern t’Alla.’ Iktar minn hekk huwa meħtieġ.

2 Per eżempju, suppost li ridt issir ċittadin taʼ pajjiż ieħor. Biex tagħmel dan, trid tilħaq il-​​ħtiġijiet stabbiliti mill-​ħakkiema tal-​gvern taʼ dak il-​pajjiż. Imma qabel ma tkun tistaʼ tagħmel dan, trid issir taf x’inhuma dawn il-​​ħtiġijiet. B’mod simili, trid issir taf dak li Alla jitlob minn dawk li jridu jsiru sudditi tal-​gvern tiegħu. U mbagħad trid tilħaq dawn il-​​ħtiġijiet.

GĦARFIEN MEĦTIEĠ

3. X’inhi waħda mill-​​ħtiġijiet biex wieħed isir sudditu tal-​gvern t’Alla?

3 Ħtieġa importanti ħafna biex wieħed isir sudditu tal-​gvern t’Alla hija li jakkwista għarfien tal-​“lingwa” tiegħu. Ċertament dan huwa raġonevoli. Xi gvernijiet umani wkoll jirrikjedu li ċittadini ġodda jkunu kapaċi jitkellmu bl-​ilsien taʼ pajjiżhom. Sewwa, allura, liema “lingwa” jridu jitgħallmu dawk li se jirċievu l-​ħajja taħt il-​gvern t’Alla?

4. Il-poplu t’Alla liema “lingwa pura” jrid jitgħallem?

4 Innota x’jgħid Jehovah dwar dan fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja: “Għax imbagħad se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) Din il-​“lingwa pura” hija l-​verità t’Alla misjuba ġol-​Bibbja. B’mod partikulari, hija l-​verità dwar il-​gvern tas-​Saltna t’Alla. Mela biex issir sudditu tal-​gvern t’Alla, trid titgħallem din il-​“lingwa” billi tieħu għarfien dwar Jehovah u dwar l-​arranġament tiegħu tas-​Saltna.​—Kolossin 1:​9, 10; Proverbji 2:​1-5.

5. (a) X’għandna nkunu nafu dwar il-​gvern t’Alla? (b) Liema għarfien għandna bżonn biex naqilgħu l-​ħajja taʼ dejjem?

5 Illum xi gvernijiet umani jirrikjedu li dawk li jingħataw ċittadinanza jkunu jafu xi ħaġa dwar l-​istorja tal-​gvern tagħhom, kif ukoll xi fatti dwar kif jaħdem. Bl-​istess mod, għandek tkun taf affarijiet bħal dawn dwar il-​gvern t’Alla jekk trid issir sudditu tiegħu. Dan l-​għarfien jistaʼ jwassal għall-​​ħajja eterna. F’talba lil Missieru, Ġesù qal: “Dan ifisser il-​ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar il-​wieħed li int bgħatt, Ġesù Kristu.”​—Ġwann 17:3.

6. (a) X’inhuma xi mistoqsijiet li għandhom ikunu kapaċi jwieġbu s-​sudditi tal-​gvern t’Alla? (b) Tistaʼ tweġibhom int?

6 Jekk studjajt il-​kapitli taʼ qabel taʼ dan il-​ktieb, s’issa suppost li diġà ħadt ħafna minn dan l-​għarfien wisq importanti. Għamiltu dan? Tistaʼ int turi li għamilt dan, billi twieġeb mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin: Alla meta semma għall-​ewwel darba l-​iskop tiegħu għal gvern tas-​Saltna? Min kienu xi wħud mill-​qaddejja t’Alla li ħarsu ’l quddiem lejn li jkunu fost is-​sudditi tiegħu fuq l-​art? Il-​gvern t’Alla kemm se jkollu ħakkiema, jew slaten? Minn fejn se jaħkmu dawn is-​slaten? Min kienu l-​ewwel uħud li ntgħażlu biex ikunu slaten fil-​gvern t’Alla? Ġesù kif ta prova li kien se jkun sultan tajjeb? Madankollu, biex issir sudditu tal-​gvern t’Alla, jirrikjedi iżjed milli sempliċement ikollok għarfien dwaru.

MEĦTIEĠA KONDOTTA TAʼ TJIEBA

7. Rigward gvernijiet umani, il-​​ħtiġijiet għaċ-​ċittadinanza kif ivarjaw?

7 Il-gvernijiet illum jirrikjedu li ċittadini ġodda jilħqu ċertu livell taʼ kondotta. Per eżempju, jistgħu jgħidu li raġel jistaʼ jkollu biss mara waħda u mara biss raġel wieħed. Madankollu xi gvernijiet oħrajn għandhom liġijiet differenti. Huma jippermettu liċ-​ċittadini tagħhom li jkollhom iktar minn sieħeb jew sieħba waħda fiż-​żwieġ. Liema kondotta hija mistennija minn persuni li jridu jsiru sudditi tal-​gvern t’Alla? Alla x’jgħid li huwa sewwa dwar iż-​żwieġ?

8. (a) X’inhu l-​livell t’Alla għaż-​żwieġ? (b) X’inhu l-​adulterju, u x’jgħid Alla dwaru?

8 Fil-bidu Jehovah stabbilixxa l-​livell għaż-​żwieġ meta ta lil Adam mara waħda biss. Alla qal: “Raġel se jħalli lil missieru u lil ommu u jrid jintrabat maʼ martu u jridu jsiru laħam wieħed.” (Ġenesi 2:​21-24) Ġesù spjega li dan huwa l-​livell xieraq għall-​Kristjani. (Mattew 19:​4-6) Ladarba l-​imseħbin fiż-​żwieġ saru “laħam wieħed,” jagħmlu diżunur liż-​żwieġ jekk ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd ieħor. Dan l-​att jissejjaħ adulterju, u Alla jgħid li se jikkastiga lill-​adulteri.​—Ebrej 13:4; Malakija 3:5.

9. (a) X’inhi l-​ħarsa t’Alla lejn persuni li jkollhom relazzjonijiet sesswali meta m’humiex miżżewġin? (b) X’inhi l-​fornikazzjoni?

9 Mill-banda l-​oħra, ħafna koppji jgħixu flimkien u jkollhom relazzjonijiet sesswali, imma ma jiżżewġux. Madankollu, Alla ma riedx li din ir-​relazzjoni intima bejn mara u raġel tkun fuq bażi taʼ prova. Mela li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu huwa dnub kontra Alla, li għamel l-​arranġament taż-​żwieġ. Din tissejjaħ fornikazzjoni. Il-​fornikazzjoni hija li jkollok relazzjonijiet sesswali maʼ persuna li m’hijiex martek jew żewġek. U l-​Bibbja tgħid: “Dan huwa dak li Alla jrid, . . . li tastjenu mill-​fornikazzjoni.” (1 Tessalonkin 4:3-5) Mela, allura, huwa żbaljat li persuna mhix miżżewġa jkollha relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd.

10. Liema prattiċi sesswali oħrajn huma kontra l-​liġi t’Alla?

10 Illum ħafna rġiel u nisa jagħmlu atti sesswali maʼ persuni tas-​sess tagħhom stess​—irġiel maʼ rġiel u nisa maʼ nisa. Nies bħal dawn jissejħu omosesswali. Xi drabi nisa omosesswali jissejħu Lesbjani. Imma l-​Kelma t’Alla tgħid li dak li jagħmlu huwa żbaljat, li huwa “oxxen.” (Rumani 1:​26, 27) Ukoll, huwa kontra l-​liġi t’Alla li persuna jkollha relazzjonijiet sesswali m’annimal. (Levitiku 18:23) Kulmin irid jgħix taħt il-​gvern t’Alla għandu bżonn iżomm ’il bogħod minn dawn il-​prattiċi mmorali.

11. (a) X’inhi l-​ħarsa t’Alla lejn l-​użu taʼ xorb alkoħoliku? (b) Dawk li jridu jkunu sudditi tal-​gvern t’Alla jridu jżommu ’l bogħod minn liema prattiċi li huma taʼ dannu għas-​saħħa?

11 Ix-xorb taʼ nbid, birra jew spirtu bil-​moderazzjoni m’huwiex kontra l-​liġi t’Alla. Fil-​fatt, il-​Bibbja turi li daqsxejn inbid jistaʼ jkun tajjeb għas-​saħħa tal-​bniedem. (Salm 104:15; 1 Timotew 5:23) Imma huwa kontra l-​liġi t’Alla li wieħed jisker, jew li jieħu sehem f’divertiment sfrenat fejn in-​nies iġibu ruħhom b’mod immorali. (Efesin 5:18; 1 Pietru 4:​3, 4) Barra milli jużaw xorb alkoħoliku biex jiskru jew biex iħossuhom ferħanin, ħafna persuni llum jużaw diversi drogi għal dan l-​istess skop. Ukoll, għall-​gost għandhom mnejn ipejpu l-​marijuana jew it-​tabakk, waqt li oħrajn jistgħu jomogħdu xi ġewż tal-​Betel jew weraq tal-​koka. Imma dawn l-​affarijiet iħammġulhom ġisimhom u jħassrulhom saħħithom. Mela jekk trid tkun sudditu tal-​gvern t’Alla, trid iżżomm ’il bogħod minn dawn l-​affarijiet taʼ ħsara.​—2 Korintin 7:1.

12. (a) Liema huma xi prattiċi diżonesti li jmorru kontra l-​liġijiet t’Alla? (b) Kif jistaʼ wieħed li jipprattika dawn l-​affarijiet jaqlaʼ l-​favur t’Alla?

12 Huwa ovvju li gvernijiet umani ma jridux nies kriminali bħala ċittadini ġodda. U Jehovah jerġaʼ għandu livelli ogħla. Hu jirrikjedi li aħna “nġibu rwieħna bl-​onestà fl-​affarijiet kollha.” (Ebrej 13:18) Jekk xi nies ma jħarsux il-​liġijiet t’Alla, ma jitħallewx jgħixu taħt is-​saltna tiegħu. Illum in-​nies taʼ spiss jippretendu li huma onesti, imma jiksru ħafna liġijiet. Madankollu, Alla jistaʼ jara kollox. Ħadd ma jistaʼ jidħak bih. (Ebrej 4:13; Proverbji 15:3; Galatin 6:​7, 8) Mela Jehovah se jiżgura li nies li jiksru l-​liġijiet tiegħu, bħal dawk il-​liġijiet kontra l-​gideb u s-​serq, ma jsirux sudditi tal-​gvern tiegħu. (Efesin 4:​25, 28; Rivelazzjoni 21:8) Madankollu Alla hu paċenzjuż u jaħfer. Mela jekk wieħed li jagħmel il-​​ħażin jieqaf mill-​prattiċi ħżiena tiegħu u jdur biex jagħmel it-​tajjeb, Alla se jaċċettah.​—Isaija 55:7.

13. Il-qaddejja t’Alla għandhom ikollhom liema ħarsa lejn il-​liġijiet tal-​gvernijiet umani?

13 Imma xi ngħidu dwar il-​​ħarsien tal-​liġijiet tal-​gvernijiet umani? Dment li jibqgħu jeżistu l-​gvernijiet tal-​bnedmin, Alla jirrikjedi lill-​qaddejja tiegħu li jkunu sottomessi lejn dawn l-​“awtoritajiet superjuri.” Għandhom jitħallsu t-​taxxi, għalkemm it-​taxxi jkunu għoljin u wieħed jistaʼ ma jaqbilx mal-​mod li bih jintefqu l-​flus tat-​taxxi. Ukoll, il-​liġijiet tal-​gvern għandhom jiġu obduti. (Rumani 13:​1, 7; Titus 3:1) L-​unika eċċezzjoni għal dan tkun meta l-​ubbidjenza lejn il-​liġi tikkaġuna l-​ksur tal-​liġi t’Alla. F’dan il-​każ, bħalma qalu Pietru u l-​appostli l-​oħrajn, “Aħna rridu nobdu ’l Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.”​—Atti 5:29.

14. Kif nistgħu nuru li aħna għandna l-​ħarsa t’Alla lejn il-​valur tal-​​ħajja?

14 Alla jħares lejn il-​​ħajja bħala xi ħaġa prezzjuża ħafna. Dawk li jridu jsiru sudditi tal-​gvern tiegħu jridu jifhmu din il-​​ħaġa. Ovvjament, il-​qtil huwa kontra l-​liġi t’Alla. Imma l-​mibgħeda taʼ spiss twassal għall-​qtil, u saħansitra jekk xi ħadd ikompli jobgħod lil għajru ma jistax ikun sudditu tal-​gvern t’Alla. (1 Ġwann 3:15) Huwa vitali, għalhekk, li napplikaw dak li jintqal fil-​Bibbja f’​Isaija 2:4 dwar li m’għandniex naqbdu l-​armi biex noqtlu lill-​proxxmu tagħna. Il-​Kelma t’Alla turi li saħansitra l-​ħajja taʼ tarbija ġol-​ġuf t’ommha hija prezzjuża għal Jehovah. (Eżodu 21:​22, 23; Salm 127:3) U madankollu miljuni t’aborti jiġu mwettqin kull sena. Din il-​qerda tal-​​ħajja hija kontra l-​liġi t’Alla, għaliex tarbija ġol-​ġuf hi persuna ħajja u m’għandhiex tinqered.

15. Liema kmandi tas-​Sultan t’Alla jridu jobdu s-​sudditi kollha tas-​Saltna?

15 Madankollu, minn dawk li se jsiru sudditi tal-​gvern t’Alla, iktar huwa mitlub milli sempliċement ma jagħmlux dak li huwa ħażin jew immorali. Iridu wkoll jagħmlu sforz sinċier biex jagħmlu affarijiet b’qalb tajba u mingħajr egoiżmu għal oħrajn. Iridu jgħixu skond ir-​regola divina mogħtija mis-​Sultan, Ġesù Kristu: “L-​affarijiet kollha, għalhekk, li tridu lill-​bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-​istess mod lilhom.” (Mattew 7:12) Kristu ta l-​eżempju billi wera mħabba lejn oħrajn. Hu saħansitra ta ħajtu għall-​bnedmin, u kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Ħobbu lil xulxin; sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwann 13:34; 1 Ġwann 3:16) Hija din ix-​xorta taʼ mħabba mingħajr egoiżmu u tħassib dwar oħrajn li se tagħmel il-​​ħajja tant sabiħa taħt il-​ħakma tas-​saltna t’Alla.​—Ġakbu 2:8.

16, 17. (a) Liema raġunijiet tajbin hemm biex nagħmlu tibdiliet f’ħajjitna ħalli nilħqu l-​ħtiġijiet t’Alla? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nagħmlu kwalunkwe bidla neċessarja?

16 Il-Bibbja turi li n-​nies iridu jagħmlu xi bidliet f’ħajjithom sabiex jilħqu l-​ħtiġijiet biex isiru sudditi tal-​gvern t’Alla. (Efesin 4:​20-24) Qiegħed int taħdem biex tagħmel dawn il-​bidliet? Żgur li kwalunkwe sforz biex tagħmel dan ikun jiswielek! Għala? Ma jkunx ifisser li int sempliċement ikollok ħajja aħjar għal ftit snin taħt xi gvern uman. Le, imma se tirċievi ħajja taʼ dejjem b’saħħa perfetta fuq art magħmula ġenna taħt gvern maħkum minn Alla!

17 Saħansitra issa, billi tilħaq il-​​ħtiġijiet t’Alla, int se tgawdi ħajja iktar hienja. Imma għandek mnejn trid tagħmel xi bidliet. Sewwa, ħafna u ħafna nies li kienu jobogħdu jew li kienu rgħiba tbiddlu. Ukoll, nies żienja, adulteri, omosesswali, sakranazzi, qattelin, ħallelin, ivvizzjati bid-​droga u dawk li jużaw it-​tabakk biddlu l-​mod taʼ ħajja tagħhom. Dan għamluh bi sforz sinċier u bil-​għajnuna t’Alla. (1 Korintin 6:​9-11; Kolossin 3:​5-9) Mela jekk int għandek xi bidliet diffiċli li trid tagħmel biex tilħaq il-​​ħtiġijiet t’Alla, taqtax qalbek. Int tistaʼ tirnexxi!

LEALTÀ LEJN IL-​GVERN T’ALLA

18. Alla b’liema mod speċjali jistenna li aħna nuru l-​appoġġ leali tagħna lejn is-​saltna tiegħu?

18 Li Alla Jehovah jesiġi mis-​sudditi tiegħu appoġġ leali lejn il-​gvern tas-​Saltna tiegħu m’għandux jissorprendina. Gvernijiet tal-​bnedmin jesiġu l-​istess ħaġa miċ-​ċittadini tagħhom. Imma Alla b’liema mod speċjali jistenna li jingħata appoġġ leali? Billi s-​sudditi tiegħu jaqbdu l-​armi biex jiġġieldu favur is-​saltna tiegħu? Le. Minflok, bħal Ġesù Kristu u s-​segwaċi bikrin tiegħu, iridu jkunu kelliema jew proklamaturi leali tas-​saltna t’Alla. (Mattew 4:17; 10:​5-7; 24:14) Hija r-​rieda taʼ Jehovah li kulħadd jistaʼ jkun jaf x’inhi s-​saltna tiegħu u kif din se ssolvi l-​problemi tal-​bnedmin. Qsamt int l-​affarijiet li tgħallimt mill-​Kelma t’Alla maʼ qraba, ħbieb u oħrajn? Hija r-​rieda t’Alla li int tagħmel hekk.​—Rumani 10:10; 1 Pietru 3:15.

19. (a) Għala nistgħu nistennew oppożizzjoni meta nitkellmu m’oħrajn dwar is-​saltna t’Alla? (b) Liema mistoqsijiet trid twieġeb?

19 Kristu u s-​segwaċi bikrin tiegħu kellhom bżonn il-​kuraġġ biex jitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna, għax spiss iltaqgħu m’oppożizzjoni. (Atti 5:​41, 42) L-​istess jiġri llum. Din id-​dinja maħkuma mix-​Xitan ma tridx li l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi ppridkata. Mela l-​mistoqsijiet huma: Int fuq liema naħa qiegħed? Se tagħti appoġġ leali lis-​saltna t’Alla? Ir-​rieda tiegħu hija li xiehda kbira dwar is-​Saltna tingħata qabel ma jiġi t-​tmiem. Se tieħu sehem f’dan int?

[Stampa f’paġna 128]

Dawk li jsiru sudditi tal-​gvern t’Alla jridu jkollhom għarfien dwar dan

[Stampi f’paġna 131]

Sudditi tal-​gvern t’Alla jridu jevitaw attivitajiet ikkundannati minn Alla

[Stampa f’paġna 133]

Sudditi tal-​gvern t’Alla jridu jgħidu lil oħrajn dwar dan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja