LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 2
  • Onorat Qabel Ma Twieled

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Onorat Qabel Ma Twieled
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Materjal Simili
  • Ġesù jiġi onorat qabel ma jitwieled
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • L-anġlu Gabrijel iżur lil Marija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Anġlu Jżur lil Marija
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • “Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 2

Kapitlu 2

Onorat Qabel Ma Twieled

WARA li l-​anġlu Gabrijel igħid lill-​mara żagħżugħa Marija li se twelled tarbija tifel li se jsir sultan għal dejjem, Marija tistaqsi: “Kif se jsir dan, ladarba mhux qed ikolli x’naqsam maʼ raġel?”

“Spirtu qaddis se jiġi fuqek,” jispjega Gabrijel, “u qawwa tal-​Iktar Għoli se titfaʼ d-​dell tagħha fuqek. Għal dik ir-​raġuni wkoll dak li jitwieled se jkun jissejjaħ qaddis, l-​Iben t’Alla.”

Biex igħin lil Marija temmen il-​messaġġ tiegħu, Gabrijel ikompli: “U, ħares! Eliżabetta l-​qariba tiegħek hi nfisha wkoll nisslet iben, fi xjuħitha, u dan hu s-​sitt xahar għaliha, l-​hekk imsejħa mara ħawlija; għaliex maʼ Alla ebda dikjarazzjoni ma se tkun ħaġa impossibbli.”

Marija taċċetta l-​kliem taʼ Gabrijel. U x’inhi t-​tweġiba tagħha? “Ħares! L-​irsira taʼ Jehovah!” tesklama hi. “Ħa jsir minni skond id-​dikjarazzjoni tiegħek.”

Ftit wara li jitlaq Gabrijel, Marija tlesti u tmur iżżur lil Eliżabetta, li tgħix flimkien maʼ żewġha, Żakkarija, fil-​pajjiż muntanjuż tal-​Ġudea. Mid-​dar taʼ Marija f’Nazzaret, dan huwa vjaġġ twil taʼ madwar tlieta jew erbat ijiem.

Meta Marija sa fl-​​aħħar tasal fid-​dar taʼ Żakkarija, hi tidħol u toffri tislima. F’dak il-​waqt, Eliżabetta timtela bl-​ispirtu qaddis, u tgħid lil Marija: “Imbierka int fost in-​nisa, u mbierek il-​frott tal-​ġuf tiegħek! Mela kif inhu li dan il-​privileġġ huwa tiegħi, li jkolli omm il-​Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax, ħares! malli l-​ħoss tat-​tislima tiegħek waqaʼ fuq widnejja, it-​tarbija fil-​ġuf tiegħi qabżet b’hena kbir.”

Malli tismaʼ dan, Marija twieġeb bi gratitudni mill-​qalb: “Ruħi tkabbar lil Jehovah, u l-​ispirtu tiegħi ma jistax ma jifraħx ħafna f’Alla s-​Salvatur tiegħi; għaliex hu ħares lejn il-​pożizzjoni baxxa tal-​irsira tiegħu. Għax, ħares! minn issa ’l quddiem il-​ġenerazzjonijiet kollha se jgħiduli hienja; għaliex il-​Wieħed taʼ qawwa għamel egħmejjel kbar għalija.” Iżda, minkejja l-​favur li hi murija, Marija tidderieġi l-​unur kollu lejn Alla. “Qaddis hu ismu,” hi tgħid, “u għal ġenerazzjonijiet wara ġenerazzjonijiet il-​ħniena tiegħu hi fuq dawk li jibżgħu minnu.”

Marija tkompli tfaħħar lil Alla b’għanja profetika mnebbħa, billi tipproklama: “Hu wettaq affarijiet setgħana bi driegħu, hu xerred barra l-​pajjiż lil dawk li huma mkabbrin fl-​intenzjoni taʼ qlubhom. Hu niżżel lil irġiel taʼ qawwa minn tronijiet u eżalta lil uħud baxxi; hu xabbaʼ bis-​sħiħ lil uħud bil-​ġuħ b’affarijiet tajbin u bagħat b’idhom vojta lil dawk li kellhom il-​ġid. Hu ġie għall-​għajnuna taʼ Iżrael il-​qaddej tiegħu, biex ifakkar il-​ħniena, sewwa sew bħalma qal lil missirijietna tal-​qedem, lil Abraham u liż-​żerriegħa tiegħu, għal dejjem.”

Marija tibqaʼ maʼ Eliżabetta għal madwar tliet xhur, u bla dubju hi taʼ għajnuna kbira matul dawn l-​aħħar ġimgħat tat-​tqala taʼ Eliżabetta. Hi tassew ħaġa sabiħa li dawn iż-​żewġ nisa leali, li t-​tnejn qegħdin iġorru tarbija bil-​għajnuna t’Alla, jistgħu jkunu flimkien waqt dan iż-​żmien imbierek f’ħajjithom!

Innotajt int l-​unur li ngħata lil Ġesù saħansitra qabel ma twieled? Eliżabetta sejħitlu “l-​Mulej tiegħi,” u t-​tfajjel f’ġufha qabeż bil-​ferħ hekk kif Marija dehret għall-​ewwel darba. Mill-​banda l-​oħra, oħrajn iktar tard ma tantx trattaw b’rispett lil Marija u lit-​tfajjel tagħha li kien għad irid jitwieled, bħalma se naraw. Luqa 1:​26-56.

▪ X’igħid Gabrijel biex igħin lil Marija tifhem kif kellha ssir tqila?

▪ Ġesù kif kien onorat qabel ma twieled?

▪ X’tgħid Marija f’għanja profetika b’tifħir lil Alla?

▪ Marija kemm iddum maʼ Eliżabetta, u għala hi ħaġa xierqa li Marija toqgħod maʼ Eliżabetta matul dan iż-​żmien?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja