Kapitlu 3
Dak li Jħejji t-Triq Jitwieled
ELIŻABETTA kważi waslet biex ikollha t-tarbija tagħha. Għal dawn l-aħħar tliet xhur, Marija kienet qiegħda toqgħod magħha. Imma issa wasal il-waqt li Marija tgħid saħħa u titlaq biex tagħmel il-vjaġġ twil lura lejn darha f’Nazzaret. Fi żmien sitt xhur oħra hi wkoll se jkollha tarbija.
Ftit wara li titlaq Marija, Eliżabetta twelled. X’ferħ hemm meta t-twelid huwa suċċess u Eliżabetta u t-tarbija jinsabu tajbin! Meta Eliżabetta turi ċ-ċkejken tagħha lill-ġirien u lill-qraba, huma lkoll jifirħu magħha.
Fit-tmien jum wara t-twelid tiegħu, skond il-Liġi t’Alla, tarbija tifel f’Iżrael irid jiġi ċirkonċiż. Għal din l-okkażjoni jiġu l-ħbieb u l-qraba biex iżuru. Huma jgħidu li t-tifel għandu jiġi msemmi Żakkarija, għal missieru. Imma Eliżabetta taqbeż titkellem. “Le, tabilħaqq!” hi tgħid, “immu hu se jissemma Ġwanni.” Ftakar li dak kien l-isem li l-anġlu Gabrijel qal li kellu jingħata lit-tfajjel.
Il-ħbieb tagħhom, madankollu, jipprotestaw: “M’hemm ebda wieħed fost qrabatkom li għandu dan l-isem.” Imbagħad, permezz tas-sinjali, jistaqsu lil missieru x’irid isemmih lit-tifel. Fil-waqt li jitlobhom xi ħaġa fuqiex jikteb, Żakkarija, bi stagħġib taʼ kulħadd, jikteb: “Ġwanni hu ismu.”
Dak il-ħin stess, Żakkarija b’miraklu jerġaʼ jibda jitkellem. Int tiftakar li hu tilef l-abbiltà tiegħu li jitkellem meta m’emminx l-aħbar tal-anġlu li Eliżabetta kellha jkollha tarbija. Sewwa, hekk kif jaraw lil Żakkarija jitkellem, il-ġirien kollha jistagħġbu u jgħidu wieħed lill-ieħor: “X’għad ikun tassew dan it-tifel żgħir?”
Żakkarija issa jimtela bl-ispirtu qaddis, u jeżalta: “Ikun imbierek Jehovah Alla taʼ Iżrael, għaliex dawwar l-attenzjoni tiegħu u wettaq ħelsien lejn il-poplu tiegħu. U qajjem qarn taʼ salvazzjoni għalina f’dar David il-qaddej tiegħu.” Dan il-“qarn taʼ salvazzjoni,” m’għandniex xi ngħidu, hu l-Mulej Ġesù, li għad irid jitwieled. Permezz tiegħu, jgħid Żakkarija, Alla se “jagħtina, wara li ġejna meħlusin minn idejn xi egħdewwa, il-privileġġ taʼ li nagħtu bla biżaʼ servizz sagru lilu bil-lealtà u bit-tjieba quddiemu l-jiem kollha tagħna.”
Imbagħad Żakkarija jbassar rigward ibnu, Ġwanni: “Imma nkwantu għalik, tfajjel żgħir, int se tkun imsejjaħ profeta tal-Iktar Għoli, għax int se tmur bil-quddiem qabel Jehovah biex tlesti l-mogħdijiet tiegħu, biex tagħti għarfien taʼ salvazzjoni lill-poplu tiegħu bil-maħfra taʼ dnubiethom, minħabba l-mogħdrija tenera taʼ Alla tagħna. B’din il-mogħdrija żerniq se jżurna mill-għoli, biex jagħti d-dawl lil dawk li qegħdin bil-qiegħda fid-dlam u fid-dell tal-mewt, biex jidderieġi lil saqajna b’mod prosperu fil-mogħdija tal-paċi.”
Sa dan iż-żmien Marija, li milli jidher għadha mara mhix miżżewġa, waslet lura d-dar f’Nazzaret. X’se jsir minnha meta jsir ovvju li hi tqila? Luqa 1:56-80; Levitiku 12:2, 3.
▪ Ġwanni kemm hu akbar minn Ġesù?
▪ X’affarijiet jiġru meta Ġwanni għandu tmint ijiem?
▪ Alla kif dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-poplu tiegħu?
▪ Liema xogħol hu mbassar li jagħmel Ġwanni?