Kapitlu 6
It-Tfajjel tal-Wegħda
MINFLOK ma jerġgħu lura lejn Nazzaret, Ġużeppi u Marija jibqgħu f’Betlehem. U meta Ġesù jkollu tmint ijiem, hu jiġi ċirkonċiż, skond ma tikkmanda l-Liġi t’Alla lil Mosè. Jidher li hi wkoll id-drawwa li tarbija tifel jingħata ismu fit-tmien jum. Mela jsemmu lit-tfajjel tagħhom Ġesù, bħalma kien qalilhom l-anġlu Gabrijel iktar kmieni.
Igħaddi iktar minn xahar, u Ġesù ilu li twieled 40 jum. Fejn jeħduh issa l-ġenituri tiegħu? Lejn it-tempju f’Ġerusalemm, li qiegħed biss ftit mili ’l bogħod minn fejn qed joqogħdu. Skond il-Liġi t’Alla lil Mosè, 40 jum wara li tkun welldet tifel, omm hija meħtieġa li tippreżenta offerta taʼ purifikazzjoni fit-tempju.
Hekk tagħmel Marija. Bħala l-offerta tagħha, hi ġġib żewġ agħsafar żgħar. Dan jikxef xi ħaġa dwar il-qagħda ekonomika taʼ Ġużeppi u Marija. Il-Liġi taʼ Mosè tindika li għoġol żgħir, li jiswa ħafna iktar mill-agħsafar, għandu jiġi offrut. Imma jekk l-omm ma tkunx tiflaħ tħallas għal dan, żewġ ħamimiet jew gamimiet kienu jkunu biżżejjed.
Fit-tempju raġel xiħ jieħu lil Ġesù fi driegħu. Dan jismu Xmun. Alla tgħarraflu li mhux se jmut qabel ikun ra lil Kristu, jew il-Messija, imwiegħed taʼ Jehovah. Meta Xmun jiġi fit-tempju f’dan il-jum, hu jiġi mmexxi mill-ispirtu qaddis lejn it-tfajjel li ġabu Ġużeppi u Marija.
Hekk kif Xmun iżomm f’idu lil Ġesù hu jirringrazzja ’l Alla, billi jgħid: “Issa, Mulej Sovran, int qed tħalli lill-irsir tiegħek imur ħieles fil-paċi skond id-dikjarazzjoni tiegħek; għaliex għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvazzjoni li int lestejt quddiem wiċċ il-popli kollha, dawl biex jitneħħa l-velu mill-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Ġużeppi u Marija jistagħġbu meta jisimgħu dan. Imbagħad Xmun iberikhom u jgħid lil Marija li binha “huwa mqiegħed għall-waqgħa u għall-qawmien mill-ġdid taʼ ħafna f’Iżrael” u li n-niket, bħal sejf jaqtaʼ, se jinfed lil ruħha.
Preżenti f’din l-okkażjoni hawn il-profetessa taʼ 84 sena li jisimha Anna. Fil-fatt, hi qatt ma tkun nieqsa mit-tempju. F’dik l-istess siegħa hi tersaq fil-qrib u tibda tiżżi ħajr lil Alla u titkellem dwar Ġesù maʼ dawk kollha li jridu jisimgħu.
Kemm għamluhom ferħanin lil Ġużeppi u Marija dawn il-ġrajjiet fit-tempju! Żgur li dan kollu jikkonfermalhom li t-tfajjel hu l-Wieħed Imwiegħed t’Alla. Luqa 2:21-38; Levitiku 12:1-8.
▪ Milli jidher meta kienet id-drawwa li jingħata isem lil tarbija tifel Iżraelit?
▪ X’kien meħtieġ minn omm Iżraelita meta binha jkollu 40 jum, u t-twettieq taʼ din il-ħtieġa kif juri l-qagħda ekonomika taʼ Marija?
▪ Min jagħraf l-identità taʼ Ġesù f’din l-okkażjoni, u kif juru dan?