Kapitlu 10
Vjaġġi Lejn Ġerusalemm
WASLET ir-rebbiegħa. U dan hu ż-żmien għall-familja taʼ Ġużeppi, flimkien mal-ħbieb u l-qraba, li jagħmlu l-vjaġġ tagħhom taʼ kull sena fi żmien ir-rebbiegħa lejn Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Qbiż. Hekk kif jitilqu fuq dan il-vjaġġ taʼ madwar 65 mil, hemm l-eċċitament tas-soltu. Ġesù issa għandu 12-il sena, u qed iħares ’il quddiem b’interess speċjali lejn din il-festa.
Għal Ġesù u għall-familja tiegħu, il-Qbiż mhux xi affari taʼ ġurnata. Huma jibqgħu hemm għall-Festa tal-Ftajjar li ssir matul is-sebat ijiem taʼ wara u li huma jqisuha bħala parti mill-istaġun tal-Qbiż. Bħala riżultat, il-mawra kollha mid-dar tagħhom ġewwa Nazzaret, li tinkludi ż-żmien li jqattgħu f’Ġerusalemm, tieħu madwar ġimgħatejn. Imma din is-sena, minħabba xi ħaġa li tinvolvi lil Ġesù, din tieħu iktar.
Il-problema jindunaw biha waqt li jkunu fi triqithom lura minn Ġerusalemm. Ġużeppi u Marija jaħsbu li Ġesù qiegħed mal-grupp taʼ qraba u ħbieb li qed jivvjaġġaw flimkien. Iżda ma jsibuh imkien meta jieqfu għal-lejl, u jmorru jfittxuh fost sħabhom tal-vjaġġ. Ma jinstab imkien. Mela Ġużeppi u Marija jerġgħu lura t-triq kollha lejn Ġerusalemm biex ifittxuh.
Idumu jfittxuh ġurnata sħiħa, imma mingħajr suċċess. Fit-tieni jum jibqgħu ma jsibuhx. Sa fl-aħħar, fit-tielet jum, imorru sat-tempju. Hemm, f’waħda mis-swali, jaraw lil Ġesù bil-qiegħda qalb il-għalliema Lhud, jismagħhom u jistaqsihom mistoqsijiet.
“Tfajjel, għala ttrattajtna b’dan il-mod?” tistaqsi Marija. “Hawnhekk missierek u jien b’niket mentali konna qed infittxuk.”
Ġesù jistagħġeb kif ma kinux jafu fejn isibuh. “Għala kellkom tmorru tfittxuni?” jistaqsi hu. “Ma kontux tafu li jien irrid inkun fid-dar taʼ Missieri?”
Ġesù ma jistax jifhem għala l-ġenituri tiegħu ma kinux jafuh dan. Imbagħad, Ġesù jerġaʼ lura d-dar mal-ġenituri tiegħu u jkompli jkun sottomess lejhom. Hu jkompli jikber fil-għerf u fid-daqs u fil-favur t’Alla u tan-nies. Iva, minn ċkunitu, Ġesù ħalla eżempju mill-aħjar mhux biss f’li jfittex interessi spiritwali imma wkoll f’li juri rispett lejn il-ġenituri tiegħu. Luqa 2:40-52, 22:7.
▪ Ġesù liema vjaġġ taʼ żmien ir-rebbiegħa jagħmel regolarment flimkien mal-familja tiegħu, u kemm hu twil?
▪ X’jiġri matul il-vjaġġ meta Ġesù għandu 12-il sena?
▪ Liema eżempju jħalli Ġesù għaż-żgħażagħ tal-lum?