LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w10 4/1 pp. 30-31
  • Ġesù Tgħallem Ikun Ubbidjenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġesù Tgħallem Ikun Ubbidjenti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Materjal Simili
  • Ġesù dejjem obda
    Għallem lil Uliedek
  • Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kienet Iffavorita Ferm Minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • “Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
w10 4/1 pp. 30-31

Għallem Lil Uliedek

Ġesù Tgħallem Ikun Ubbidjenti

ĠIELI ssibha diffiċli tkun ubbidjenti?—a Jekk iva, m’għandekx għalfejn tistagħġeb. Kulħadd, xi kultant, isibha diffiċli biex jobdi. Kont taf li anki Ġesù kellu jitgħallem ikun ubbidjenti?—

Taf lil min għandhom jobdu t-​tfal kollha?— Iva, lil missierhom u lil ommhom. Il-​Bibbja tgħid: “Obdu lill-​ġenituri tagħkom f’unjoni mal-​Mulej.” (Efesin 6:1) Min hu missier Ġesù?— Alla Ġeħova, li hu Missierna wkoll. (Mattew 6:9, 10) Imma kieku għedt li Ġużeppi kien missier Ġesù u li Marija kienet ommu, kont tkun qed tgħid sew ukoll. Taf kif dawn saru l-​ġenituri tiegħu?—

L-​anġlu Gabrijel qal lil Marija kif kellha ssir omm avolja qatt ma kien kellha relazzjoni sesswali maʼ raġel. Ġeħova għamel din it-​tqala possibbli billi wettaq miraklu kbir. Gabrijel spjega lil Marija: “Il-​qawwa mingħand l-​Iktar Għoli tgħattik bid-​dell tagħha. Għal din ir-​raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.”—Luqa 1:30-​35.

Alla ħa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema u poġġieha ġo Marija. Imbagħad, din il-​ħajja kibret ġo fiha sewwasew bħalma trabi oħrajn jikbru ġewwa ommhom. Ġesù twieled madwar disaʼ xhur wara. Sadanittant, Ġużeppi żżewweġ lil Marija, u ħafna nies bdew jaħsbu li Ġużeppi kien il-​missier veru taʼ Ġesù. Imma fil-​fatt, Ġużeppi kien il-​missier adottiv tiegħu. Għalhekk, nistgħu ngħidu li Ġesù kellu żewġ missirijiet!

Meta kellu biss 12-​il sena, Ġesù għamel xi ħaġa li wriet kemm kien iħobb lil Missieru tas-​sema, Ġeħova. Dak iż-​żmien, bħalma kellhom id-​drawwa li jagħmlu, il-​membri tal-​familja taʼ Ġesù għamlu l-​vjaġġ twil lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż. Imbagħad, fi triqithom lejn id-​dar f’Nazaret, Ġużeppi u Marija ma indunawx li Ġesù ma kienx magħhom. Qatt ħsibt dwar għala setgħu nsewh?—

Sa dak iż-​żmien, Ġużeppi u Marija kellhom iktar tfal. (Mattew 13:55, 56) Jistaʼ jkun li kien hemm ukoll xi qraba jivvjaġġaw magħhom, bħal Ġakbu u Ġwanni, flimkien maʼ missierhom, Żebedew, u ommhom, Salomè, li x’aktarx kienet oħt Marija. Għalhekk, Marija setgħet ħasbet li Ġesù kien maʼ xi qraba oħrajn fil-​grupp.—Mattew 27:56; Marku 15:40; Ġwanni 19:25.

Meta Ġużeppi u Marija indunaw li Ġesù ma kienx magħhom, telgħu jiġru lura Ġerusalemm. Tathom rashom u bdew ifittxu lil binhom. Fit-​tielet jum sabuh fit-​tempju. Marija qaltlu: “Għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qed infittxuk qisna rjus maqtugħa.” Iżda Ġesù wieġeb u qal: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?”—Luqa 2:45-​50.

Taħseb li Ġesù għamel ħażin li wieġeb lil ommu b’dan il-​mod?— Il-​ġenituri tiegħu kienu jafu li kien iħobb imur jagħti qima fid-​dar t’Alla. (Salm 122:1) Allura ma kellux raġun Ġesù jaħseb li t-​tempju t’Alla kellu jkun l-​ewwel post fejn ifittxuh?— Iktar tard, Marija baqgħet thewden fuq dak li kien qal Ġesù.

X’kienet l-​attitudni taʼ Ġesù lejn Ġużeppi u Marija?— Il-​Bibbja tgħid: “[Ġesù] niżel magħhom u ġie Nazaret, u baqaʼ sottomess lejhom.” (Luqa 2:51, 52) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù?— Iva, anki aħna rridu nkunu ubbidjenti lejn il-​ġenituri tagħna.

Iżda, ma kienx dejjem faċli għal Ġesù li jobdi—saħansitra lil Missieru tas-​sema.

Fil-​lejl taʼ qabel miet, Ġesù staqsa lil Ġeħova jekk Hu setax ibiddel fehemtu rigward dak li Hu riedu jagħmel. (Luqa 22:42) Iżda Ġesù obda lil Alla avolja dan ma kienx faċli. Il-​Bibbja tgħid li hu “tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra.” (Ebrej 5:8) Taħseb li aħna wkoll nistgħu nieħdu din it-​tagħlima?—

[Nota taʼ taħt]

a Jekk qed taqra mat-​tfal, is-​sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-​tfal jesprimu ruħhom.

MISTOQSIJIET:

▪ Marija kif saret omm Ġesù, u kif nistgħu ngħidu li Ġesù kellu żewġ missirijiet?

▪ Il-​ġenituri taʼ Ġesù għala ma indunawx li ħallewh warajhom?

▪ Ġesù fejn stenna li l-​ġenituri tiegħu se jfittxuh?

▪ X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Ġesù?

[Stampa f’paġna 31]

Għala taħseb li Ġużeppi u Marija l-​ewwel kellhom ifittxu lil Ġesù fit-​tempju?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja