Kapitlu 32
X’Inhu Legali f’Jum is-Sibt?
HUWA f’jum ieħor tas-Sibt li Ġesù jżur sinagoga ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Preżenti hemm raġel b’idu l-leminija ċċongata. L-iskribi u l-Fariżej qegħdin iħarsu bir-reqqa biex jaraw jekk Ġesù kienx se jfejqu. Fl-aħħar jistaqsuh: “Huwa legali li tfejjaq f’jum is-sibt?”
Il-mexxejja reliġjużi Lhud jemmnu li l-fejqan f’jum is-Sibt huwa legali biss jekk hemm il-ħajja fil-periklu. Huma jgħallmu, per eżempju, li mhux legali li tpoġġi għadma f’lokha jew li tinfaxxa xi tbenġila. Mela l-iskribi u l-Fariżej qed jinterrogaw lil Ġesù fi sforz biex isibu fiex jakkużawh.
Ġesù, madankollu, jaf l-irraġunar tagħhom. Fl-istess ħin, hu jirrealizza li huma adottaw fehma estrema u li mhix Skritturali rigward x’jikkostitwixxi ksur tal-ħtieġa li wieħed jieqaf mix-xogħol f’jum is-Sibt. B’hekk Ġesù jlesti x-xena għal konfrontazzjoni drammatika billi jgħid lir-raġel b’idu ċċongata: “Qum u ejja fin-nofs.”
Issa, waqt li jdur lejn l-iskribi u l-Fariżej, Ġesù jgħid: “Min se jkun il-bniedem fostkom li għandu nagħġa waħda u, jekk din taqaʼ ġewwa ħofra f’jum is-sibt, mhux se jaqbadha u jerfagħha ’l barra?” Peress li n-ngħaġ jirrappreżentaw investiment finanzjarju, ma kinux se jħalluha fil-ħofra sal-għada, li ma tmurx timrad u huma jġarrbu telfa. Minbarra hekk, l-Iskrittura tgħid: “It-twajjeb qed jieħu ħsieb ruħ l-annimal domestiku tiegħu.”
Biex jagħmel paragun, Ġesù jissokta: “Meta tqis kollox, kemm iktar jiswa bniedem minn nagħġa! Mela huwa legali li tagħmel xi ħaġa mill-aħjar f’jum is-sibt.” Il-mexxejja reliġjużi ma jistgħux jiċħdu raġunar loġiku u ħanin bħal dan, u jibqgħu siekta.
B’għadab taʼ stmerrija, u fl-istess ħin imnikket bl-istupidaġni stinata tagħhom, Ġesù jħares ħarsa madwaru. Imbagħad igħid lir-raġel: “Iġbed idek ’il barra.” U hu jġebbidha u idu tfiq.
Minflok ma jifirħu li id ir-raġel fiqitlu, il-Fariżej joħorġu u immedjatament jibdew jikkonfoffaw mal-partitarji taʼ Erodi biex joqtlu lil Ġesù. Dan il-partit politiku mid-dehra jinkludi lil xi membri tas-Sadduċej reliġjużi. Is-soltu, dan il-partit politiku u l-Fariżej ma jarawx għajn m’għajn, imma jinsabu magħqudin fis-sod fl-oppożizzjoni tagħhom lejn Ġesù. Mattew 12:9-14; Mark 3:1-6; Luqa 6:6-11; Proverbji 12:10; Eżodu 20:8-10.
▪ X’inhi x-xena għal konfrontazzjoni drammatika bejn Ġesù u l-mexxejja reliġjużi Lhud?
▪ Dawn il-mexxejja reliġjużi Lhud x’jemmnu rigward il-fejqan f’jum is-Sibt?
▪ Liema tixbieha juża Ġesù biex jargumenta kontra l-fehmiet ħżiena tagħhom?