Kapitlu 36
Il-Fidi Kbira taʼ Uffiċjal tal-Armata
META Ġesù jagħti l-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu jkun laħaq nofs iż-żmien tal-ministeru pubbliku tiegħu. Dan ifisser li għad baqagħlu biss xi sena u disaʼ xhur biex itemm xogħlu fuq l-art.
Ġesù issa jidħol fil-belt taʼ Kapernahum, fejn għandu qisu l-bażi għall-attivitajiet tiegħu. Hawn ix-xjuħ tal-Lhud jiġu għandu b’talba. Huma ntbagħtu minn uffiċjal tal-armata Rumana li hu Ġentil, raġel taʼ razza differenti mil-Lhud.
Il-qaddej maħbub tal-uffiċjal tal-armata qiegħed imut b’marda serja, u jrid li Ġesù jfejjaqlu lill-qaddej. Il-Lhud jitolbuh bil-ħrara għan-nom tal-uffiċjal: “Hu jistħoqqlu li tagħmel dan għalih,” huma jgħidu, “għax hu jħobb lil ġensna u hu nnifsu bena s-sinagoga għalina.”
Bla ma joqgħod jaħsibha, Ġesù jitlaq mal-irġiel. Madankollu, meta joqorbu, l-uffiċjal tal-armata jibgħat lil xi ħbieb biex igħidu: “Sinjur, tħabbilx rasek, għax ma jixraqlix li nġibek taħt is-saqaf tiegħi. Għal dik ir-raġuni ma qistx lili nnifsi li jistħoqqli niġi għandek.”
X’espressjoni umli għal uffiċjal li hu mdorri jordna lil oħrajn! Imma hu probabbli qed jaħseb ukoll f’Ġesù, billi jaf li d-drawwa tipprojbixxi lil wieħed Lhudi milli jkollu x’jaqsam soċjalment maʼ wieħed mhux Lhudi. Saħansitra Pietru qal: “Intom tafu tajjeb kemm hu kontra l-liġi għal Lhudi li jingħaqad maʼ jew joqrob lejn raġel taʼ razza oħra.”
Forsi billi ma jridx li Ġesù jbati l-konsegwenzi taʼ li jikser dik id-drawwa, l-uffiċjal jgħid lil ħbiebu biex jitolbuh: “Għid il-kelma, u ħalli l-qaddej tiegħi jiġi mfejjaq. Għax jien ukoll raġel imqiegħed taħt awtorità, billi għandi suldati taħti, u jien ngħid lil dan, ‘Mur fi triqtek!’ u jmur fi triqtu, u lil ieħor, ‘Ejja!’ u jiġi, u lill-irsir tiegħi, ‘Agħmel din!’ u jagħmilha.”
Sewwa, meta Ġesù jismaʼ dan, jistagħġeb. “Ingħidilkom il-verità,” huwa jgħid, “ma ebda wieħed f’Iżrael ma sibt fidi hekk kbira.” Wara li jfejjaq lill-qaddej tal-uffiċjal, Ġesù juża’ l-okkażjoni biex jirrakkonta kif il-fidi taʼ dawk li m’humiex Lhud se tiġi ffavorita b’barkiet li huma miċħuda minn Lhud taʼ mingħajr fidi.
“Ħafna,” jgħid Ġesù, “minn partijiet fil-Lvant u partijiet fil-Punent se jiġu u jimteddu mal-mejda taʼ Abraham u Iżakk u Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet; fil-waqt li wlied is-saltna se jiġu mitfugħin ġewwa d-dlam taʼ barra. Hemm hu fejn se jkun il-biki tagħhom u t-theżhiż taʼ snienhom.”
“Wlied is-saltna . . . mitfugħin ġewwa d-dlam taʼ barra” huma l-Lhud naturali li ma jaċċettawx l-opportunità offruta l-ewwel lilhom li jkunu ħakkiema maʼ Kristu. Abraham, Iżakk, u Ġakobb jirrappreżentaw l-arranġament tas-Saltna t’Alla. B’hekk Ġesù qed jirrakkonta kif il-Ġentili se jiġu mistiedna jimteddu mal-mejda tas-sema, biex ingħidu hekk, “fis-saltna tas-smewwiet.” Luqa 7:1-10; Mattew 8:5-13; Atti 10:28.
▪ Il-Lhud għala jitolbu bil-ħrara għan-nom taʼ uffiċjal Ġentil tal-armata?
▪ X’jistaʼ jispjega għala l-uffiċjal ma stedinx lil Ġesù biex jidħol f’daru?
▪ Ġesù x’irid ifisser bir-rimarki tal-egħluq tiegħu?