LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 4/15 pp. 25-29
  • Tqanqlek il-Fidi Tiegħek biex Tieħu Azzjoni?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tqanqlek il-Fidi Tiegħek biex Tieħu Azzjoni?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Studji fil-​Fond bħall-​Iskulari
  • Imħuħ Intelliġenti, Qlub bla Fidi
  • “Qisu li Tagħmlu l-​Kelma”
  • Hemm Premju għall-​Attività Tiegħek
  • Ibqaʼ Agħmel it-​Tajjeb
  • X’Jistenna Jehovah Minna Llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Tassew Għandek Fidi fl-Aħbar Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Għinni Fejn Għandi Bżonn Fidi!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 4/15 pp. 25-29

Tqanqlek il-​Fidi Tiegħek biex Tieħu Azzjoni?

IL-​FIZZJAL taʼ l-​armata kien konvint li Ġesù setaʼ jfejjaq il-​paralisi li kellu l-​qaddej tiegħu. Imma l-​fizzjal taʼ l-​armata ma stidinx lil Ġesù ġod-​dar tiegħu, forsi minħabba li ħass li ma jistħoqqlux jew minħabba li kien wieħed mill-​Ġentili. Minflok, il-​fizzjal bagħat lil xi xjuħ tal-​Lhud għand Ġesù biex jgħidulu: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-​saqaf tiegħi, imma għid biss il-​kelma u l-​qaddej tiegħi jfiq.” Billi nnota li l-​fizzjal taʼ l-​armata emmen li Ġesù setaʼ jfejjaq saħansitra mill-​bogħod, Ġesù qal lill-​folla li kienet qed issegwih: “Ngħidilkom il-​verità, Fl-​ebda bniedem f’Iżrael ma sibt fidi daqshekk kbira.”​—Mattew 8:​5-10; Luqa 7:​1-10.

Din l-​esperjenza tistaʼ tgħinna nitfgħu lattenzjoni tagħna fuq aspett essenzjali tal-​fidi. Il-​fidi vera m’hijiex sempliċi twemmin; hija appoġġata bl-​azzjoni. Il-​kittieb Bibliku Ġakbu spjega: “Hekk ukoll il-​fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.” (Ġakbu 2:17) Dan il-​fatt isir iktar ċar meta nikkunsidraw eżempju li seħħ fir-​realtà dwar x’jistaʼ jiġrilha l-​fidi meta ma tibqax attiva.

Fis-sena 1513 Q.E.K., il-​ġens taʼ Iżrael ngħaqad m’Alla Ġeħova permezz tal-​patt tal-​Liġi. Bħala medjatur taʼ dak il-​patt, Mosè wassal il-​kelma t’Alla lil ulied Iżrael: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-​patt tiegħi, intom tkunu . . . ġens qaddis.” (Eżodu 19:​3-6) Iva, il-​qdusija taʼ Iżrael kienet tiddependi mill-​ubbidjenza.

Ħafna sekli wara, il-​Lhud bdew jagħtu iktar importanza lill-​istudju tal-​Liġi milli lill-​applikar tal-​prinċipji tagħha. Fil-​ktieb tiegħu The Life and Times of Jesus the Messiah, Alfred Edersheim kiteb: “Ir-​[rabbini]​—il-​‘kbarat tad-​dinja,’ ilhom li qatgħuha li l-​istudju jiġi qabel l-​għemejjel.”

Huwa veru li l-​Iżraelin tal-​qedem kienu kmandati jistudjaw il-​ħtiġijiet t’Alla bir-​reqqa. Alla nnifsu qal: “Żomm f’qalbek dan il-​kliem u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:​6, 7) Imma ried Ġeħova xi darba jfisser li l-​istudju tal-​Liġi għandu jsir iktar importanti mill-​azzjonijiet li jittieħdu fi qbil magħha jew fi qbil maʼ dak li tindika? Ejja naraw.

Studji fil-​Fond bħall-​Iskulari

Għall-​Iżraelin, setaʼ għamel sens li jpoġġu enfasi estrema fuq l-​istudju tal-​Liġi ladarba ċerta tradizzjoni Lhudija kienet tgħid li Alla nnifsu kien iqattaʼ tliet sigħat kuljum jistudja l-​Liġi. Mela nistgħu nifhmu għalfejn ċerti Lhud jistgħu jirraġunaw, ‘Jekk Alla jistudja l-​Liġi regolarment, m’għandhomx il-​ħlejjaq tiegħu fuq l-​art jiddedikaw ruħhom biex jagħmlu l-​istess ħaġa?’

Sa l-​ewwel seklu E.K., l-​ossessjoni li kellhom ir-​rabbini biex janalizzaw u jinterpretaw il-​Liġi fixklitilhom kompletament il-​mod taʼ ħsieb tagħhom. “L-​iskribi u l-​Fariżej . . . ma jagħmlux dak li jgħidu,” qal Ġesù. “Huma jorbtu tagħbijiet tqal u jpoġġuhom fuq spallejn il-​bnedmin, imma m’humiex lesti li jċaqalquhom b’sebagħhom.” (Mattew 23:​2-4) Dawn il-​mexxejja reliġjużi taqqlu lin-​nies komuni b’għadd bla tarf taʼ regoli u regolamenti, imma b’ipokrisija huma stess ħolqu modi kif jinħelsu milli josservaw dawn l-​istess liġijiet. Iktar minn hekk, dawk li kien ħsiebhom fi studju fil-​fond ‘injoraw l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.’​—Mattew 23:​16-24.

Kemm hu fatt ironiku li biex jipprovaw jagħmlu lilhom infushom ġusti, l-​iskribi u l-​Fariżej spiċċaw jiksru l-​Liġi stess li kienu jistqarru li qed iżommu magħha! Is-​sekli kollha taʼ dibattiti fuq il-​kliem u dettalji żgħar oħra tal-​Liġi ma ressaqhomx eqreb lejn Alla. L-​effett kien simili għat-​tbegħid li jsir minħabba dak li l-​appostlu Pawlu jsejjaħlu “diskors vojt,” “kontradizzjonijiet,” u “għarfien” falz. (1 Timotju 6:​20, 21) Problema serja oħra, però, kienet l-​impatt li din ir-​riċerka li ma tispiċċa qatt kellha fuqhom. M’akkwistawx it-​tip taʼ fidi li tqanqalhom jieħdu l-​azzjoni t-​tajba.

Imħuħ Intelliġenti, Qlub bla Fidi

Kemm kien differenti l-​ħsieb tal-​mexxejja reliġjużi Lhud minn dak t’Alla! Ftit qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Żommu f’qalbkom dan il-​kliem kollu li jien illum qegħedt quddiemkom, biex twissu lil uliedkom li jqisu li jħarsu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.” (Dewteronomju 32:46) Dan juri ċar li n-​nies t’Alla ma kellhomx biss jistudjaw il-​Liġi bis-​serjetà imma kellhom ikunu wħud li jagħmlu dak li tgħid il-​Liġi.

Madankollu, darba wara l-​oħra l-​ġens taʼ Iżrael wera li ma kienx leali lejn Ġeħova. Minflok m’għamlu dak li suppost, ulied Iżrael ‘ma fdawx [lil Ġeħova], u ma semgħux minn kliemu.’ (Dewteronomju 9:23; Mħallfin 2:​15, 16; 2 Kronaki 24:​18, 19; Ġeremija 25:​4-7) Fl-​aħħar, il-​Lhud ikkommettew l-​agħar att taʼ żlealtà meta ċaħdu lil Ġesù bħala l-​Messija. (Ġwanni 19:​14-16) Bħala riżultat, Alla Ġeħova ċaħad lil Iżrael u dawwar l-​attenzjoni tiegħu fuq il-​ġnus.​—Atti 13:46.

Aħna żgur li għandna noqogħdu attenti biex ma naqgħux fl-​istess nassa​—li naħsbu li nistgħu naqdu lil Alla b’moħħ intelliġenti imma b’qalb bla fidi. Fi kliem ieħor, l-​istudju tagħna tal-​Bibbja m’għandux ikun sempliċement ġabra fuq oħra t’għarfien. L-​għarfien eżatt irid jilħqilna qalbna biex jeffettwalna ħajjitna għall-​aħjar. Jagħmel sens li tistudja dwar il-​biedja imma qatt ma tiżraʼ xi żerriegħa? Huwa minnu li aħna nistgħu nakkwistaw ċertu ammont t’għarfien dwar kif nikkultivaw ġnien, imma fil-​fatt qatt ma naħsdu xejn! Bl-​istess mod, nies li jitgħallmu dak li jeħtieġ Alla permezz taʼ studju tal-​Bibbja jridu jħallu ż-​żrieragħ tal-​verità jinżlu fil-​qalb sabiex dawn ikunu jistgħu jinbtu u jqanqluhom jieħdu azzjoni.​—Mattew 13:​3-9, 19-23.

“Qisu li Tagħmlu l-​Kelma”

L-​appostlu Pawlu qal li “l-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.” (Rumani 10:17) Din is-​sensiela taʼ passi li nieħdu b’mod naturali minn meta nisimgħu l-​Kelma t’Alla sa meta neżerċitaw fidi f’Ibnu, Ġesù Kristu, tagħtina l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. Iva, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement ngħidu, ‘Jien nemmen f’Alla u fi Kristu.’

Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ikollhom it-​tip taʼ fidi li tqanqalhom jieħdu azzjoni: “Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi.” (Ġwanni 15:8) Iktar tard, Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, kiteb: “Qisu li tagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss.” (Ġakbu 1:22) Kif, mela, nistgħu nkunu nafu x’għandna nagħmlu? Bil-​kliem u bl-​eżempju, Ġesù wera xi rridu nagħmlu biex nogħġbu lil Alla.

Meta kien fuq l-​art, Ġesù ħadem iebes biex imexxi ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna u biex jigglorifika l-​isem taʼ Missieru. (Ġwanni 17:​4-8) Kif? Ħafna nies jistgħu jiftakru fil-​mirakli taʼ Ġesù meta fejjaq lill-​morda u l-​magħtubin. Imma l-​Evanġelju taʼ Mattew jurina ċar il-​mod prinċipali: “Ġesù mar idur il-​bliet u l-​irħula kollha, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna.” Taʼ min jinnota li Ġesù ma llimitax il-​ministeru tiegħu biex jitkellem biss maʼ xi ftit ħbieb u nies li kien jaf jew maʼ dawk li ltaqaʼ magħhom lokalment. Hu għamel sforz kbir bil-​ħerqa u uża dak kollu li kien disponibbli għalih biex iżur lin-​nies tal-​“Galilija kollha.”​—Mattew 4:​23, 24; 9:35.

Ġesù dderieġa lis-​segwaċi tiegħu biex jieħdu sehem ukoll fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. Fil-​fatt, hu pprovdielhom eżempju perfett biex ikunu jistgħu jimitawh. (1 Pietru 2:21) Ġesù qal lid-​dixxipli leali tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”​—Mattew 28:​19, 20.

Huwa fatt li hija sfida kbira biex tieħu sehem fl-​ippridkar. Ġesù nnifsu qal: “Ara! Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-​ilpup.” (Luqa 10:3) Meta niffaċċjaw l-​oppożizzjoni, it-​tendenza naturali hi li nżommu lura sabiex nevitaw niket u ansjetà bla bżonn. Hekk ġara fil-​lejla meta ġie arrestat Ġesù. L-​appostli ħarbu wara li nħakmu mill-​biżaʼ. Iktar tard f’dik il-​lejla, Pietru tliet darbiet ċaħad li kien jaf lil Ġesù.​—Mattew 26:​56, 69-75.

Barra minn hekk, tistaʼ tissorprendi ruħek meta ssir taf li anki l-​appostlu Pawlu qal li hu sabha diffiċli biex jippriedka l-​aħbar tajba. Hu kiteb lill-​kongregazzjoni f’Tessalonika: “Għamilna l-​qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-​aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.”​—1 Tessalonikin 2:​1, 2.

Pawlu u l-​appostli sħabu setgħu jegħlbu kwalunkwe biżaʼ biex jitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, u hekk tistaʼ tagħmel int. Kif? L-​iktar pass importanti huwa li tistrieħ fuq Ġeħova. Jekk inpoġġu fidi sħiħa f’Ġeħova, dik il-​fidi se tqanqalna għall-​azzjoni, u se nkunu kapaċi nagħmlu r-​rieda tiegħu.​—Atti 4:​17-20; 5:​18, 27-29.

Hemm Premju għall-​Attività Tiegħek

Ġeħova jaf sew bl-​isforz li nagħmlu biex naqduh. Per eżempju, hu jaf meta aħna nkunu morda jew għajjenin. Hu jaf meta ma nħossuniex ċerti minna nfusna. Meta jkollna piż finanzjarju jew meta nħossuna diżappuntati minħabba s-​saħħa fiżika jew emozzjonali, Ġeħova dejjem ikun jaf bis-​sitwazzjoni li nkunu għaddejjin minnha.​—2 Kronaki 16:9; 1 Pietru 3:12.

Min jaf kemm ikun ferħan Ġeħova meta minkejja l-​imperfezzjonijiet u d-​diffikultajiet li jkollna, il-​fidi tagħna tqanqalna naġixxu! Dak li Ġeħova jħoss għall-​qaddejja leali tiegħu m’huwiex sempliċement emozzjoni li tgħaddi​—dak li jħoss urihulna permezz taʼ wegħda. Permezz taʼ ispirazzjoni divina, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu, peress li qdejtu lill-​qaddisin u għadkom taqduhom.”—Ebrej 6:10.

Int tistaʼ tafda fid-​deskrizzjoni li tagħti l-​Bibbja dwar Ġeħova bħala “Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa” u li “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Dewteronomju 32:4; Ebrej 11:6) Per eżempju, waħda mara minn Kalifornja, fl-​Istati Uniti, tirrakkonta: “Missieri qeda bħala ministru full-time għal għaxar snin qabel ma beda jrabbi familja. Hu verament kien iferraħni bi stejjer dwar kif Ġeħova appoġġah fil-​ministeru. Kemm-il darba nefaq sa l-​aħħar dollaru li kellu biex jixtri l-​petrol ħalli jmur fil-​ministeru. Meta jmur lura d-​dar, ħafna drabi bla ma jkun qed jistenna kien isib li xi ħadd poġġielu xi affarijiet taʼ l-​ikel wara l-​bieb.”

Minbarra l-​appoġġ materjali, “il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ,” jagħtina appoġġ emozzjonali u spiritwali. (2 Korintin 1:3) “Meta tistrieħ fuq Ġeħova tħossok verament sodisfatt,” tgħid Xhud waħda li ssaportiet ħafna provi matul is-​snin. “Dan jagħtik l-​opportunità biex tafda f’Ġeħova u tarah fl-​azzjoni hekk kif jgħinek.” Bl-​umiltà, int tistaʼ tersaq quddiem “Semmiegħ it-​talb,” b’moħħok mistrieħ li se jagħtik l-​attenzjoni għall-​bżonnijiet persunali tiegħek.​—Salm 65:​2, NW.

Il-barkiet u l-​premjijiet li jirċievu l-​ħaddiema tal-​ħsad spiritwali huma ħafna. (Mattew 9:​37, 38) Ħafna gawdew saħħa aħjar meta ħadu sehem fil-​ministeru pubbliku, u int tistaʼ tgawdi minn dan ukoll. Però, iktar importanti, meta nagħtu xiehda lil oħrajn jistaʼ jkollna relazzjoni tajba m’Alla iktar b’saħħitha.​—Ġakbu 2:​23.

Ibqaʼ Agħmel it-​Tajjeb

Ikun żball jekk xi wieħed mill-​qaddejja t’Alla jaħseb li Ġeħova jiddiżappunta ruħu jekk in-​nuqqas taʼ saħħa jew l-​età avanzata b’xi mod iżommuh lura milli jagħmel dak kollu li jkun jixtieq fil-​ministeru. L-​istess jgħodd għal dawk li huma limitati minħabba nuqqas taʼ saħħa, responsabbiltajiet familjari, u ċirkustanzi oħrajn.

Ftakar li meta l-​appostlu Pawlu ħass li n-​nuqqas taʼ saħħa jew xi ostaklu kien qed ifixklu, hu ‘tliet darbiet talab bil-​ħrara lill-​Mulej biex [l-ostaklu] jitbiegħed minnu.’ Minflok ma fejjaq lil Pawlu ħalli jkun jistaʼ jwettaq iktar xogħol fis-​servizz taʼ Ġeħova, Alla qal: “Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħi hi biżżejjed għalik; għax il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija.” (2 Korintin 12:​7-​10) Għalhekk, ibqaʼ ċert li minkejja kwalunkwe ċirkustanza diffiċli li għandu mnejn ikollok tissaporti, Missierek tas-​sema japprezza kwalunkwe xogħol li int tistaʼ tagħmel biex tmexxi ’l quddiem dawk l-​affarijiet li jikkonċernaw lilu.​—Ebrej 13:​15, 16.

Il-Ħallieq tagħna kollu mħabba ma jitlobx minna iktar milli nistgħu nagħtu. Hu sempliċement jitlobna li jkollna t-​tip taʼ fidi li tqanqalna biex nieħdu azzjoni.

[Stampa f’paġna 26]

L-​istudju tal-​Liġi kien biżżejjed?

[Stampi f’paġna 29]

Il-​fidi tagħna trid tkun appoġġata bl-​għemejjel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja