X’Jistenna Jehovah Minna Llum?
“Minn ġos-sħaba nstemaʼ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.’”—MATTEW 17:5.
1. Il-Liġi meta wettqet l-iskop tagħha?
JEHOVAH ta l-Liġi, bid-diversi fatturi tagħha, lill-ġens taʼ Iżrael. Rigward dawn il-fatturi, l-appostlu Pawlu kiteb: “Huma għandhom x’jaqsmu biss maʼ . . . liġijiet li jolqtu l-ġisem, mogħtija sa ma jasal żmien it-tiġdid.” (Lhud 9:10) Meta l-Liġi wasslet lil fdal taʼ Iżraeliti biex jaċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija, jew Kristu, din kienet wettqet l-iskop tagħha. B’hekk, Pawlu ddikjara: “L-iskop tal-Liġi hu Kristu.”—Rumani 10:4; Galatin 3:19-25; 4:4, 5.
2. Min kien taħt il-Liġi, u dawn meta nħelsu minnha?
2 Ifisser dan li llum m’aħniex marbutin bil-Liġi? Fil-fatt, il-maġġuranza taʼ l-umanità qatt ma kienet taħt il-Liġi, bħalma spjega s-salmista: “[Jehovah] jxandar kelmtu lil Ġakobb, il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. Ma għamel hekk maʼ ebda poplu; lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.” (Salm 147:19, 20) Meta Alla stabbilixxa l-patt il-ġdid fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, saħansitra l-ġens taʼ Iżrael ma baqax taħt l-obbligu li jobdi l-Liġi. (Galatin 3:13; Efesin 2:14, 15 [Efesin 2:15, NW]; Kolossin 2:13, 14, 16) Jekk, mela, m’għadniex marbutin bil-Liġi, x’jistenna Jehovah minn dawk li jixtiequ jaqduh illum?
Dak li Jistenna Jehovah
3, 4. (a) Bażikament x’jistenna Jehovah minna llum? (b) Għala għandna nsegwu l-passi taʼ Ġesù mill-qrib?
3 Matul l-aħħar sena tal-ministeru taʼ Ġesù, l-appostli tiegħu Pietru, Ġakbu, u Ġwanni akkumpanjawh fuq muntanja għolja, x’aktarx xi parti li kienet testendi mill-Muntanja Ħermon. Hemmhekk huma raw viżjoni profetika taʼ Ġesù fi glorja manjifika u semgħu leħen Alla stess jiddikjara: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.” (Mattew 17:1-5) Bażikament, dan hu li Jehovah qed jistenna minna—li nisimgħu minn Ibnu u nsegwu l-eżempju u t-tagħlim tiegħu. (Mattew 16:24) B’hekk, l-appostlu Pietru kiteb: “Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.”—1 Pietru 2:21.
4 Għala għandna nsegwu l-passi taʼ Ġesù mill-qrib? Għax billi nimitaw lilu, inkunu qed nimitaw lil Alla Jehovah. Ġesù kien jaf lil Missieru b’mod intimu, billi qattaʼ biljuni bla għadd taʼ snin miegħu fis-sema qabel ma ġie fuq l-art. (Proverbji 8:22-31; Ġwann 8:23; 17:5; Kolossin 1:15-17) Waqt li kien fuq l-art, Ġesù rrappreżenta lealment lil Missieru. Hu spjega: “Li nitkellem [hu] skond ma għallimni l-Missier.” Fil-fatt, Ġesù imita lil Jehovah b’mod tant eżatt li setaʼ jgħid: “Min ra lili ra lill-Missier.”—Ġwann 8:28; 14:9.
5. Il-Kristjani taħt liema liġi qegħdin, u din il-liġi meta bdiet topera?
5 X’inhu involut f’li nisimgħu minn Ġesù u nimitawh? Ifisser dan li nkunu taħt xi liġi? Pawlu kiteb: “Jien . . . m’iniex taħt il-Liġi.” Hawn kien qed jirreferi għall-“Patt il-Qadim,” il-patt tal-Liġi magħmul maʼ Iżrael. Pawlu rrikonoxxa li ‘Kristu kien il-liġi tiegħu.’ (1 Korintin 9:20, 21; 2 Korintin 3:14) Mat-tmiem tal-patt tal-Liġi l-qadim, beda jopera “patt ġdid” bil-“liġi taʼ Kristu” li l-qaddejja kollha taʼ Jehovah llum huma obbligati jobduha.—Luqa 22:20; Galatin 6:2; Lhud 8:7-13.
6. Kif tistaʼ tiġi deskritta “l-liġi taʼ Kristu,” u kif nobduha?
6 Jehovah ma poġġiex il-“liġi taʼ Kristu” f’għamla taʼ kodiċi billi organizzaha f’diversi kategoriji, bħalma sar fil-patt tal-Liġi l-qadim. Din il-liġi ġdida għas-segwaċi taʼ Kristu ma tinkludix lista estensiva taʼ regolamenti dettaljati. Madankollu, fil-Kelma tiegħu Jehovah ppreserva erbaʼ rakkonti komprensivi dwar il-ħajja u t-tagħlim taʼ Ibnu. Iktar minn hekk, Alla nebbaħ lil xi wħud mis-segwaċi bikrin taʼ Ġesù biex jipprovdu istruzzjonijiet bil-miktub rigward imġiba persunali, kwistjonijiet tal-kongregazzjoni, kondotta ġol-familja, u affarijiet oħrajn. (1 Korintin 6:18; 14:26-35; Efesin 5:21-33; Lhud 10:24, 25) Meta nikkonformaw il-ħajja tagħna maʼ l-eżempju u t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu u nagħtu kas tal-pariri mogħtija mill-kittieba mnebbħa tal-Bibbja fl-ewwel seklu, inkunu qed nobdu “l-liġi taʼ Kristu.” Dan hu li jistenna Jehovah mill-qaddejja tiegħu llum.
L-Importanza taʼ l-Imħabba
7. Ġesù kif enfasizza s-sustanza tal-liġi tiegħu matul l-aħħar Qbiż maʼ l-appostli tiegħu?
7 Filwaqt li l-imħabba kienet importanti taħt il-Liġi, din hija t-tifsira nfisha, jew l-essenza, tal-liġi taʼ Kristu. Dan il-fatt ġie enfasizzat minn Ġesù meta ltaqaʼ maʼ l-appostli tiegħu biex jiċċelebra l-Qbiż tas-sena 33 E.K. Fis-sommarju tiegħu dwar x’ġara f’dik il-lejla, l-appostlu Ġwanni jgħidilna li Ġesù, waqt li tkellem mill-fond taʼ qalbu, għamel 28 referenza għall-imħabba. Dan enfasizza lill-appostli tiegħu s-sustanza, jew spirtu, tal-liġi tiegħu. Huwa sinjifikanti li Ġwanni introduċa r-rapport tiegħu dwar x’seħħ f’dik il-lejla hekk importanti billi qal: “Qabel il-festa taʼ l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.”—Ġwann 13:1.
8. (a) X’indikazzjoni kien hemm t’argument kontinwu bejn l-appostli? (b) Ġesù kif għallem lill-appostli tiegħu lezzjoni fl-umiltà?
8 Ġesù kien iħobbhom lill-appostli tiegħu, avolja l-isforzi tiegħu biex jgħinhom jegħlbu x-xewqa eċċessiva tagħhom għall-poter u l-pożizzjoni kienu qishom għalxejn. Xi ftit tax-xhur qabel waslu Ġerusalemm, “kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.” U ftit qabel ma waslu l-belt għall-Qbiż, reġaʼ qam l-argument dwar il-pożizzjoni. (Mark 9:33-37; 10:35-45) Li din kienet problema kontinwa huwa indikat minn dak li ġara ftit wara li l-appostli daħlu fil-kamra taʼ fuq biex jipparteċipaw f’dak li kellu jkun l-aħħar Qbiż flimkien. Dak il-ħin ħadd ma ħataf l-opportunità biex jimxi maʼ l-użanza, u jkun ospitabbli billi jaħsel saqajn l-oħrajn. Biex jgħallimhom lezzjoni fl-umiltà, Ġesù stess ħaslilhom saqajhom.—Ġwann 13:2-15; 1 Timotju 5:9, 10.
9. Ġesù kif ittratta s-sitwazzjoni li seħħet wara l-aħħar Qbiż?
9 Minkejja din il-lezzjoni, wara li osservaw il-Qbiż u Ġesù istitwixxa l-Mafkar taʼ mewtu li kienet riesqa, innota x’reġaʼ seħħ. Jgħid ir-rakkont taʼ l-Evanġelju taʼ Luqa: “Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed.” Minflok ma rrabja maʼ l-appostli u ċanfarhom, Ġesù wissiehom bil-ħlewwa dwar il-ħtieġa li jkunu differenti mill-ħakkiema tad-dinja li huma għatxana għall-poter. (Luqa 22:24-27) Imbagħad hu pprovda dak li nistgħu nsejħulu l-pedament tal-liġi taʼ Kristu, billi qal: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.”—Ġwann 13:34.
10. Ġesù liema kmandament ta lid-dixxipli tiegħu, u dan x’kien jinvolvi?
10 Iktar tard dik il-lejla Ġesù indika sa liema punt għandha twassal l-imħabba bħal taʼ Kristu. Qalilhom: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:12, 13) Kien Ġesù qed jgħid li s-segwaċi tiegħu għandhom ikunu lesti li jmutu għal kredenti sħabhom jekk ikun hemm bżonn? Hekk fehem Ġwanni, li kien preżenti f’din l-okkażjoni, għax iktar tard kiteb: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.”—1 Ġwann 3:16.
11. (a) Kif inwettquha l-liġi taʼ Kristu? (b) Ġesù liema eżempju pprovda?
11 Mela, allura ma nkunux qed inwettqu l-liġi taʼ Kristu sempliċement billi ngħallmu lil oħrajn dwaru. Irridu wkoll ngħixu u naġixxu bħal Ġesù. Veru, Ġesù uża kliem sabiħ u mirqum fit-taħditiet tiegħu. Iżda hu għallem ukoll bl-eżempju. Avolja Ġesù kien spirtu setgħan fis-sema, hu ħataf l-opportunità biex jaqdi l-interessi taʼ Missieru fuq l-art u biex jurina kif għandna ngħixu. Kien umli, qalbu tajba, u konsiderevoli, waqt li għen lill-imtaqqlin u lill-oppressi. (Mattew 11:28-30; 20:28; Filippin 2:5-8; 1 Ġwann 3:8) U Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin, sewwa sew bħalma ħabbhom hu.
12. Għala jistaʼ jingħad li l-liġi taʼ Kristu ma tnaqqasx il-ħtieġa li nħobbu lil Jehovah?
12 Liema post għandha l-imħabba għal Jehovah—l-akbar kmandament tal-Liġi—fil-liġi taʼ Kristu? (Mattew 22:37, 38; Galatin 6:2) It-tieni post? Dażgur li le! L-imħabba għal Jehovah u l-imħabba għal Kristjani sħabna ma tistax tisseparahom minn xulxin. Ma tistax verament tħobb lil Jehovah mingħajr ma tħobb lil ħuk ukoll, għax l-appostlu Ġwanni nnota: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ’l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jistaʼ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?”—1 Ġwann 4:20; qabbel l-1 Ġwann 3:17, 18.
13. X’effett kellha l-ubbidjenza tad-dixxipli għall-kmandament il-ġdid taʼ Ġesù?
13 Meta Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu l-kmandament il-ġdid li jħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbhom hu, iddeskriva l-effett li dan kien se jkollu. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi,” hu qal, “jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Skond Tertuljanu, li għex iktar minn mitt sena wara l-mewt taʼ Ġesù, l-imħabba taʼ l-aħwa bejn il-Kristjani bikrin kellha preċiż dan l-effett. Tertuljanu kkwota lil nies mhux Kristjani li kienu jgħidu dwar is-segwaċi taʼ Kristu: ‘Ara kemm iħobbu lil xulxin u kif inhuma lesti saħansitra li jmutu għal xulxin.’ Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Nuri jien imħabba bħal din għal Kristjani sħabi, li tagħti prova li jien wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù?’
Kif Nagħtu Prova taʼ Mħabbitna
14, 15. X’jistaʼ jagħmilha diffiċli li nobdu l-liġi taʼ Kristu, iżda x’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan?
14 Huwa vitali għall-qaddejja taʼ Jehovah li juru mħabba bħal taʼ Kristu. Imma ssibha iebsa li tħobb lil xi Kristjani sħabek li juru karatteristiċi egoistiċi? Iva, bħalma rajna, saħansitra l-appostli argumentaw bejniethom u pprovaw jippromwovu l-interessi tagħhom stess. (Mattew 20:20-24) Il-Galatin ukoll tlewmu bejniethom. Wara li ġibed għall-attenzjoni li l-imħabba għall-proxxmu twettaq il-Liġi, Pawlu wissiehom: “Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin.” Wara li għamel kuntrast bejn l-għemejjel tal-ġisem u l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla, Pawlu żied it-twiddiba: “Ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux lil xulxin; ma ngħirux għal xulxin.” Imbagħad l-appostlu ħeġġeġ: “Erfgħu t-tagħbija taʼ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi taʼ Kristu.”—Galatin 5:14–6:2.
15 Billi jirrikjedi ubbidjenza lejn il-liġi taʼ Kristu, qiegħed Jehovah jistenna wisq minna? Għalkemm forsi jkun diffiċli li nuru qalb tajba maʼ dawk li jkunu, fil-fatt, ħatfuna u weġġgħuna emozzjonalment, aħna obbligati li ‘nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u nimxu fl-imħabba.’ (Efesin 5:1, 2) Hemm bżonn li nibqgħu nħarsu lejn l-eżempju t’Alla, li “wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.” (Rumani 5:8) Billi nieħdu l-inizjattiva biex ngħinu lil oħrajn, inkluż dawk li stmawna ħażin, jistaʼ jkollna s-sodisfazzjon li nafu li qed nimitaw lil Alla u li qed nobdu l-liġi taʼ Kristu.
16. Kif nagħtu prova taʼ mħabbitna għal Alla u għal Kristu?
16 Irridu niftakru li aħna nagħtu prova taʼ mħabbitna b’dak li nagħmlu, mhux sempliċement b’dak li ngħidu. Saħansitra Ġesù darba sabha diffiċli li jaċċetta aspett mir-rieda t’Alla minħabba dak kollu li kien involut. “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi,” talab Ġesù. Madankollu malajr żied: “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Minkejja dak kollu li sofra, Ġesù għamel ir-rieda t’Alla. (Lhud 5:7, 8) L-ubbidjenza hija prova taʼ mħabbitna u turi li aħna nirrikonoxxu li t-triq t’Alla hija l-aħjar. “Għax din hi l-imħabba taʼ Alla,” tgħid il-Bibbja, “li nżommu l-kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwann 5:3) U Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”—Ġwann 14:15.
17. Ġesù liema kmandament speċjali ta lis-segwaċi tiegħu, u kif nafu li dan japplika għalina llum?
17 Minbarra li kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin, Kristu liema kmandament speċjali tahom? Hu kkmandahom biex jagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar li kien ħarriġhom għalih. Pietru qal: “Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu.” (Atti 10:42) Ġesù kien ikkmanda speċifikament: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) Ġesù rrivela li dawn l-istruzzjonijiet kellhom japplikaw ukoll għas-segwaċi tiegħu llum fiż-“żmien taʼ l-aħħar,” għax hu qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Danjel 12:4; Mattew 24:14) M’għandniex xi ngħidu, hija r-rieda t’Alla li aħna nippridkaw. Madankollu, xi wħud forsi jaħsbu li billi jirrikjedi li aħna nagħmlu dan ix-xogħol Alla qed jistenna wisq minna. Imma huwa dan tassew il-każ?
Għala Jistaʼ Jidher Diffiċli
18. X’għandna niftakru meta nsofru għax nagħmlu dak li jistenna minna Jehovah?
18 Bħalma rajna, Jehovah stenna minn xi nies li jikkonformaw maʼ diversi ħtiġijiet matul l-istorja tal-bniedem. U sewwa sew bħalma kienu diversi l-affarijiet li kienu ordnati li jagħmlu, hekk ukoll kienet in-natura tal-provi li ġarrbu. L-Iben għażiż t’Alla għadda mill-iktar provi diffiċli, u eventwalment inqatel bl-iktar manjiera ħarxa talli għamel dak li Alla rrikjeda minnu. Iżda meta nsofru għax nagħmlu dak li Jehovah jistenna minna, għandna niftakru li hu m’huwiex responsabbli għat-tiġrib tagħna. (Ġwann 15:18-20; Ġakbu 1:13-15) Kien l-irvell taʼ Satana li daħħal id-dnub, it-tbatija, u l-mewt, u kien hu l-wieħed li ħoloq iċ-ċirkustanzi li taʼ spiss għamluha diffiċli ħafna għall-qaddejja taʼ Jehovah biex jagħmlu dak li jistenna minnhom.—Ġob 1:6-19; 2:1-8.
19. Għala huwa privileġġ li nagħmlu dak li Alla ordnalna permezz taʼ Ibnu?
19 Permezz taʼ Ibnu, Jehovah ordna li f’dan iż-żmien tat-tmiem, il-qaddejja Tiegħu jipproklamaw maʼ l-art kollha li l-unika soluzzjoni għas-sofferenzi umani kollha hija l-ħakma tas-Saltna. Dan il-gvern t’Alla se jelimina l-problemi kollha fuq l-art—gwerer, kriminalità, faqar, xjuħija, mard, u mewt. Is-Saltna se ġġib ukoll ġenna taʼ l-art glorjuża, li fiha saħansitra l-mejtin se jirxoxtaw. (Mattew 6:9, 10; Luqa 23:43; Atti 24:15; Apokalissi 21:3, 4) Xi privileġġ hu għalina li niddikjaraw l-aħbar tajba taʼ dawn l-affarijiet! Mela, jidher ċar li m’hemm ebda problema f’dak li Jehovah jordnalna nagħmlu. Inħabbtu wiċċna maʼ oppożizzjoni, imma Satana x-Xitan u d-dinja tiegħu huma responsabbli taʼ dan.
20. Kif nistgħu niffaċċjaw kull sfida li jippreżentalna x-Xitan?
20 Kif nistgħu niffaċċjaw b’suċċess l-isfidi li jippreżentalna Satana? Billi nżommu f’moħħna dan il-kliem: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Ġesù pprovda tweġiba lil Jehovah għat-tgħajjir taʼ Satana billi ħalla s-sigurtà tal-ħajja fis-sema biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru fuq l-art. (Isaija 53:12; Lhud 10:7) Bħala bniedem, Ġesù ssaporta kull prova mitfugħa fuqu, saħansitra l-mewt fuq zokk tat-tortura. Jekk insegwuh bħala l-Eżemplar tagħna, aħna wkoll nistgħu nissaportu s-sofferenzi u nagħmlu dak li Jehovah jistenna minna.—Lhud 12:1-3.
21. Kif tħossok dwar l-imħabba li wrew Jehovah u Ibnu?
21 X’imħabba wrewna Alla u Ibnu! Minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù, l-umanità ubbidjenti għandha l-prospett li tgħix għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art. Mela ejja ma nħallu xejn iċajprilna t-tama tagħna. Minflok, ejja personalment indaħħlu f’qalbna dak li Ġesù għamel possibbli, l-istess bħalma għamel Pawlu, li qal: “[L]-Iben taʼ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Korsiv tagħna.) (Galatin 2:20) U jalla nuru gratitudni mill-qalb lejn Alla tagħna taʼ mħabba, Jehovah, li qatt ma jistenna wisq minna.
Int kif Twieġeb?
◻ Jehovah x’jistenna minna llum?
◻ Matul l-aħħar lejla li qattaʼ maʼ l-appostli tiegħu, Kristu kif enfasizza l-importanza taʼ l-imħabba?
◻ Kif nistgħu nagħtu prova li nħobbu lil Alla?
◻ Għala huwa privileġġ li nagħmlu dak li Jehovah jistenna minna?
[Stampa f’paġna 23]
Ġesù liema lezzjoni għallem billi ħasel saqajn l-appostli tiegħu?
[Stampa f’paġna 25]
Minkejja l-oppożizzjoni, li naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn huwa privileġġ pjaċevoli