LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/15 pp. 16-21
  • Jistenna Jehovah Wisq Minna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jistenna Jehovah Wisq Minna?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Rrikjeda Jehovah fil-​Passat
  • Il-​Liġi taʼ Jehovah lil Iżrael
  • Kienet taʼ Piż il-​Liġi taʼ Jehovah?
  • Dak li Qed Jistenna Tassew Jehovah
  • M’Huwiex wisq
  • Raġel gwerrier u tifla żgħira
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Kellu Rasu Iebsa Imma fl-Aħħar Obda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Hi Riedet Tgħin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Tifla Tgħin lil Raġel Setgħan
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/15 pp. 16-21

Jistenna Jehovah Wisq Minna?

“X’jistenna minnek il-​Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-​imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—MIKEA 6:8.

1. X’tistaʼ tkun ir-​raġuni għala xi wħud ma jaqduhx lil Jehovah?

JEHOVAH jistenna xi ħaġa min-​nies tiegħu. Imma wara li taqra l-​kliem t’hawn fuq kwotat mill-​profezija taʼ Mikea, tasal biex tikkonkludi li l-​ħtiġijiet t’Alla huma raġunevoli. Minkejja dan, ħafna ma jaqduhx lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, u xi wħud li darba kienu jaqduh ma baqgħux jagħmlu dan. Għala? Għax jaħsbu li Alla jistenna wisq minna. Imma veru hekk? Jew jistaʼ jkun li hemm xi problema fl-​attitudni taʼ l-​individwu lejn dak li Jehovah jirrikjedi? Rakkont storiku jipprovdi dehen f’din il-​kwistjoni.

2. Min kien Nagħman, u l-​profeta taʼ Jehovah x’qallu jagħmel?

2 Nagħman, il-​kap taʼ l-​armata Sirjana kien milqut bil-​ġdiem, imma kienu qalulu li f’Iżrael kien hemm profeta taʼ Jehovah li setaʼ jfejqu. Għalhekk, Nagħman u l-​qaddejja tiegħu rħewlha lejn Iżrael u sa fl-​aħħar waslu fejn kien joqgħod Eliżew, il-​profeta t’Alla. Minflok ma ħareġ minn daru biex jilqaʼ lill-​viżitatur distint tiegħu, Eliżew bagħat qaddej biex jgħid lil Nagħman: “Mur inħasel sebaʼ darbiet fil-​Ġordan, u ġismek jerġaʼ jindaflek.”—2 Slaten 5:10.

3. Għall-​ewwel Nagħman għala rrifjuta li jagħmel dak li rrikjeda Jehovah?

3 Jekk Nagħman kien se jikkonforma maʼ dak li ordnalu l-​profeta t’Alla, hu kien se jitfejjaq minn marda mistkerrha. Għalhekk, kien Jehovah qed jistenna wisq minnu? Xejn affattu. Madankollu, Nagħman ma kienx se jagħmel dak li Jehovah kien irrikjeda. “Jaqaw Abana u Farfar, ix-​xmajjar taʼ Damasku, m’humiex aħjar mill-​ilmijiet kollha taʼ Iżrael?” ipprotesta hu. “Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?” Malli qal dan, Nagħman telaq ’l hemm irrabjat.—2 Slaten 5:12.

4, 5. (a) X’kien il-​premju għall-​ubbidjenza taʼ Nagħman, u kif irreaġixxa meta rċivih? (b) Issa x’se nikkunsidraw?

4 X’kienet tassew il-​problema taʼ Nagħman? Dak li kien meħtieġ minnu żgur li ma kienx diffiċli wisq għalih biex iwettqu. Il-​qaddejja taʼ Nagħman bit-​tattika qalulu: “Li kieku l-​profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek, ‘Inħasel u tindaf’?” (2 Slaten 5:13) Il-​problema kienet l-​attitudni taʼ Nagħman. Hu ħass li ma kienx ġie stmat bid-​dinjità li kienet tixraqlu u li kien intalab jagħmel xi ħaġa li, skond hu, kienet bla effett u umiljanti. Madankollu, Nagħman mexa fuq il-​parir tattikuż tal-​qaddejja tiegħu u għodos fix-​Xmara Ġordan sebaʼ darbiet. Immaġina kemm feraħ meta “ġismu raġaʼ sarlu qisu l-​ġisem taʼ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mill-​ġdiem tiegħu”! Imtela bil-​gratitudni. Iktar minn hekk, Nagħman iddikjara li minn dak iż-​żmien ’il quddiem, ma kien se jqim lil ebda alla ieħor għajr lil Jehovah.—2 Slaten 5:14-17.

5 Matul l-​istorja umana, Jehovah stenna minn xi nies li jikkonformaw maʼ diversi regolamenti. Nistidnuk tikkunsidra xi ftit minn dawn. Waqt li tagħmel dan, staqsi lilek innifsek kif kont tirreaġixxi li kieku Jehovah rrikjeda minnek li tagħmel dawn l-​affarijiet. Iktar tard, se neżaminaw x’jistenna Jehovah minna llum.

Dak li Rrikjeda Jehovah fil-​Passat

6. L-​ewwel koppja umana x’kienet mistennija li tagħmel, u kieku int kif kont tirreaġixxi għal istruzzjonijiet bħal dawn?

6 Jehovah istruwixxa lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, biex irabbu t-​tfal, irażżnu l-​art, u jżommu l-​annimali sottomessi lejhom. Ir-​raġel u martu kienu mberkin ukoll bi ġnien kbir u spazjuż bħala darhom. (Ġenesi 1:27, 28; 2:9-15) Iżda kien hemm restrizzjoni. Ma kellhomx jieklu minn ċerta siġra, waħda fost il-​ħafna siġar li kienu jagħmlu l-​frott fil-​ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 2:16, 17) Din ma kinitx xi restrizzjoni tqila, hux tassew? Ma kontx tkun hieni int li twettaq inkarigu bħal dan, bil-​prospett li tgħix għal dejjem f’saħħa perfetta? Għalkemm fil-​ġnien tfaċċa tentatur, ma kontx int tirrifjuta l-​argument tiegħu? U ma kontx int taqbel li Jehovah kellu d-​dritt li jimponi din ir-​restrizzjoni sempliċi?—Ġenesi 3:1-5.

7. (a) X’inkarigu ngħata Noè, u x’oppożizzjoni ġarrab? (b) Kif tqisu int dak li Jehovah stenna minn Noè?

7 Iktar tard, Jehovah ordna lil Noè jibni arka bħala mezz taʼ salvazzjoni minn dilluvju globali. Meta tqis id-​daqs enormi taʼ l-​arka, il-​biċċa xogħol ma kinitx waħda faċli u probabbilment kellha ssir fost ħafna ridikolar u ostilità sakemm inbniet. Madankollu, xi privileġġ kien għal Noè li setaʼ jsalva lill-​familja tiegħu, biex ma nsemmux ukoll dawk l-​annimali kollha! (Ġenesi 6:1-8, 14-16; Lhud 11:7; 2 Pietru 2:5) Li kieku ngħatajt inkarigu bħal dan, kont int taħdem iebes biex twettqu? Jew kont tikkonkludi li Jehovah kien qed jistenna wisq minnek?

8. X’kien mistenni minn Abraham, u liema stampa ngħatat b’riżultat tal-​kooperazzjoni tiegħu?

8 Alla ordna lil Abraham jagħmel xi ħaġa diffiċli ferm, billi qallu: “Aqbad lil ibnek il-​waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-​art taʼ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-​ħruq.” (Ġenesi 22:2) Jehovah kien wiegħed li Iżakk kien se jkollu nisel, u sa dak in-​nhar dan kien għadu bla tfal. B’hekk, din il-​prova ġarrbet il-​fidi t’Abraham fl-​abbiltà t’Alla li jirrestawra l-​ħajja taʼ Iżakk. Meta Abraham ittanta jissagrifika lil Iżakk, Alla salva liż-​żagħżugħ. Din il-​ġrajja tat stampa tal-​fatt li Alla kellu joffri lil Ibnu stess għall-​umanità u iktar tard jirxoxtah.—Ġenesi 17:19; 22:9-18; Ġwann 3:16; Atti 2:23, 24, 29-32; Lhud 11:17-19.

9. Jehovah għala ma kienx qed jistenna wisq minn Abraham?

9 Xi wħud forsi jaħsbu li Alla Jehovah kien qed jistenna wisq minn Abraham. Imma veru dan? Huwa tassew nuqqas taʼ mħabba li l-​Ħallieq tagħna, li jistaʼ jqajjem lill-​mejtin, jistenna minna li nkunu ubbidjenti lejh saħansitra jekk dan jirriżulta f’li norqdu temporanjament fil-​mewt? Ġesù Kristu u s-​segwaċi bikrin tiegħu ma ħasbuhiex hekk. Kienu lesti li jsofru abbuż fiżiku, anki l-​mewt infisha, sabiex jagħmlu r-​rieda t’Alla. (Ġwann 10:11, 17, 18; Atti 5:40-42; 21:13) Jekk iċ-​ċirkustanzi jirrikjedu dan, tkun int lest li tagħmel l-​istess? Ikkunsidra xi ftit mill-​affarijiet li Jehovah rrikjeda minn dawk li aċċettaw li jkunu l-​poplu tiegħu.

Il-​Liġi taʼ Jehovah lil Iżrael

10. Min kienu dawk li wegħdu li se jagħmlu kulma Jehovah jistenna minnhom, u hu x’tahom?

10 Id-​dixxendenti t’Abraham minn ibnu Iżakk u neputih Ġakobb, jew Iżrael, kibru u saru l-​ġens taʼ Iżrael. Jehovah ħeles lill-​Iżraeliti mill-​jasar fl-​Eġittu. (Ġenesi 32:29 [Ġenesi 32:28, NW]; Ġenesi 46:1-3; 2 Samwel 7:23, 24) Ftit wara dan, huma wegħdu lil Alla li jagħmlu dak kollu li jirrikjedi minnhom. Qalu: “Kull ma qal il-​Mulej aħna nagħmluh.” (Eżodu 19:8) Fi qbil max-​xewqa taʼ l-​Iżraeliti li jkunu gvernati minnu, Jehovah pprovda lill-​ġens b’iktar minn 600 liġi, inkluż l-​Għaxar Kmandamenti. Maż-​żmien, dawn il-​liġijiet t’Alla, mogħtijin permezz taʼ Mosè, saru magħrufin sempliċement bħala l-​Liġi.—Esdra 7:6; Luqa 10:25-27; Ġwann 1:17.

11. X’kien skop wieħed tal-​Liġi, u liema huma xi regolamenti li servew biex iwettquh?

11 Skop wieħed tal-​Liġi kien li tissalvagwardja lill-​Iżraeliti billi tipprovdi regolamenti bnien dwar kwistjonijiet bħalma huma l-​moralità sesswali, il-​ftehim dwar negozju, u t-​trobbija tat-​tfal. (Eżodu 20:14; Levitiku 18:6-18, 22-24; 19:35, 36; Dewteronomju 6:6-9) Ġew provduti regoli dwar kif wieħed jittratta lil bnedmin sħabu kif ukoll lill-​annimali tiegħu. (Levitiku 19:18; Dewteronomju 22:4, 10) Ħtiġijiet li kellhom x’jaqsmu mal-​festi annwali u maʼ li n-​nies jiltaqgħu flimkien għall-​qima għenu biex jissalvagwardjawhom spiritwalment.—Levitiku 23:1-43; Dewteronomju 31:10-13.

12. X’kien l-​iskop ewlieni tal-​Liġi?

12 Skop ewlieni tal-​Liġi ssemma mill-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Kienet żjieda li saret minħabba fid-​dnub, sakemm ma jkunx ġie n-​nisel [Kristu] li għalih saret il-​wegħda.” (Galatin 3:19) Il-​Liġi fakkret lill-​Iżraeliti li huma kienu imperfetti. Loġikament, allura, kellhom bżonn sagrifiċċju perfett li setaʼ jneħħilhom dnubiethom kompletament. (Lhud 10:1-4) Mela l-​Liġi kienet intenzjonata biex tħejji lin-​nies ħalli jaċċettaw lil Ġesù, li kien il-​Messija, jew Kristu. Pawlu kiteb: “Il-​liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-​fidi.”—Galatin 3:24.

Kienet taʼ Piż il-​Liġi taʼ Jehovah?

13. (a) Bnedmin imperfetti kif kienu jqisuha l-​Liġi, u għala? (b) Kienet il-​Liġi tassew taʼ piż?

13 Għalkemm il-​Liġi kienet ‘qaddisa, ġusta u tajba,’ ħafna kienu jqisuha taʼ piż. (Rumani 7:12) Peress li l-​Liġi kienet perfetta, l-​Iżraeliti ma setgħux jikkonformaw mal-​livelli għoljin tagħha. (Salm 19:8 [Salm 19:7, NW]) Kien għalhekk li l-​appostlu Pietru sejħilha “madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh.” (Atti 15:10) M’għandniex xi ngħidu, il-​Liġi nfisha ma kinitx taʼ piż, u n-​nies kienu jibbenefikaw meta kienu jobduha.

14. Liema huma xi ftit eżempji li juru li l-​Liġi qdiet skop taʼ benefiċċju kbir għall-​Iżraeliti?

14 Taħt il-​Liġi, per eżempju, ħalliel ma kienx jintefaʼ l-​ħabs imma kellu jaħdem biex iħallas id-​doppju jew iktar, għal dak li jkun seraq. B’hekk, il-​vittma ma sofriet l-​ebda telfa, u lanqas ma ġie impost piż fuq nies li jaħdmu iebes biex tiġi appoġġata sistema taʼ ħabsijiet. (Eżodu 21:37 [Eżodu 22:1, NW]; Eżodu 22:2, 3, 6 [Eżodu 22:3, 4, 7, NW]) Ikel li jistaʼ jkun taʼ ħsara kien projbit. Il-​majjal, jekk ma jissajjarx sew, jistaʼ jkollu t-​trikinosi, u l-​fenek jistaʼ jkollu t-​tularemja. (Levitiku 11:4-12) Bl-​istess mod, il-​Liġi kienet taʼ protezzjoni billi pprojbiet li jintmessu iġsma mejta. Jekk bniedem imiss xi ġisem mejjet, hu kien meħtieġ li jinħasel, kif ukoll li jaħsel ħwejġu. (Levitiku 11:31-36; Numri 19:11-22) Il-​ħmieġ uman kellu jintradam, bħala protezzjoni mit-​tixrid tal-​mikrobi, li l-​eżistenza tagħhom ġiet skoperta biss f’sekli reċenti mix-​xjenzati.—Dewteronomju 23:14 [Dewteronomju 23:13, NW].

15. Liema ħaġa kienet taʼ piż għall-​Iżraeliti?

15 Il-​Liġi ma kinitx titlob wisq min-​nies. Imma ma nistgħux ngħidu l-​istess dwar xi rġiel li assumew l-​irwol taʼ interpreti tal-​Liġi. Rigward il-​liġijiet li dawn imponew, A Dictionary of the Bible, maħruġ minn James Hastings, jinnota: “Kull kmandament bibliku kien imdawwar minn xibka taʼ regolamenti sekondarji. . . . B’hekk sar attentat biex kull każ immaġinabbli jinġieb taħt il-​medda tal-​Liġi, u l-​kondotta umana kollha kemm hi tiġi regolata b’loġika bla qalb minn metodu strett taʼ proċedura bbażat fuq l-​esperjenza u s-​sens komun. . . . Il-​kuxjenza ġiet maħnuqa; il-​qawwa ħajja tal-​kelma Divina ma tħallietx topera u ġiet fgata taħt massa taʼ regoli esterni.”

16. Ġesù x’qal dwar ir-​regoli u t-​tradizzjonijiet taʼ piż tal-​mexxejja reliġjużi?

16 Ġesù Kristu akkuża lill-​mexxejja reliġjużi li kienu imponew massa taʼ regoli, billi qal: “Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.” (Mattew 23:2, 4) Hu wera ċar li r-​regoli u t-​tradizzjonijiet tagħhom magħmulin mill-​bniedem u li kienu taʼ piż, inkluż il-​ħasil elaborat, ‘ġabu fix-​xejn il-​kelma taʼ Alla.’ (Mark 7:1-13; Mattew 23:13, 24-26) Iżda, saħansitra qabel ma Ġesù kien fuq l-​art, l-​għalliema reliġjużi f’Iżrael kienu qed jinterpretaw ħażin dak li Jehovah kien tassew jirrikjedi.

Dak li Qed Jistenna Tassew Jehovah

17. Jehovah għala ma kienx kuntent bl-​offerti maħruqa taʼ l-​Iżraeliti bla fidi?

17 Permezz tal-​profeta Isaija, Jehovah qal: “Xbajt mis-​sagrifiċċji tal-​ħruq tal-​bdabad, u mix-​xaħam tal-​bhejjem smien. Id-​demm tal-​gniedes u l-​ħrief, u taʼ l-​imtaten ma jogħġobnix.” (Isaija 1:10, 11) Għala kien Alla mdejjaq b’offerti li hu stess kien ordna fil-​Liġi? (Levitiku 1:1–4:35) Għax in-​nies ma kinux qed juruh rispett. Għalhekk ġew imwiddbin: “Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-​ħażen taʼ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-​ħażen. Tgħallmu agħmlu t-​tajjeb, fittxu d-​dritt, sewwu l-​inġustizzji, iddefendu l-​iltim, aqbżu għall-​armla.” (Isaija 1:16, 17) Ma jgħinniex dan biex napprezzaw x’irid Jehovah mill-​qaddejja tiegħu?

18. Jehovah x’kien qed jistenna tassew mill-​Iżraeliti?

18 Ġesù wera x’irid tassew Alla. Dan għamlu meta staqsewh din il-​mistoqsija, “Liema hu l-​kmandament il-​kbir, fil-​Liġi?” Ġesù wieġeb: “‘Ħobb lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​kmandament il-​kbir u l-​ewwel wieħed. U t-​tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Dawn iż-​żewġ kmandamenti huma l-​qofol tal-​Liġi kollha u tal-​Profeti.” (Mattew 22:36-40; Levitiku 19:18; Dewteronomju 6:4-6) Il-​profeta Mosè għamel l-​istess punt meta staqsa: “X’inhu jitlob Alla minnek, jekk mhux li tibżaʼ mill-​Mulej, Alla tiegħek; li timxi fi triqatu kollha; li tħobbu u li sservi lill-​Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha; li tħares il-​kmandamenti tal-​Mulej u l-​liġijiet tiegħu?”—Dewteronomju 10:12, 13; 15:7, 8.

19. L-​Iżraeliti kif ipprovaw jidhru qaddisin, imma Jehovah x’qalilhom?

19 Minkejja l-​għemil ħażin tagħhom, l-​Iżraeliti riedu jidhru qaddisin. Għalkemm il-​Liġi kienet tirrikjedi s-​sawm fil-​Jum annwali taʼ l-​Espjazzjoni biss, huma bdew isumu taʼ sikwit. (Levitiku 16:30, 31) Iżda Jehovah ċanfarhom, billi qal: “Jaqaw m’hux dan is-​sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-​irbit tal-​ħażen, u tqaċċat ix-​xkiel tal-​madmad, li tibgħat ħielsa l-​maħqurin, u tkisser kull madmad? M’hux li taqsam ħobżok maʼ min hu bil-​ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-​imsejken bla saqaf? M’hux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-​nies taʼ darek ma tinsihomx?”—Isaija 58:3-7.

20. Ġesù għala ċanfar lill-​ipokriti reliġjużi?

20 Dawk l-​Iżraeliti li riduha taʼ qaddisin kellhom problema simili għal dik taʼ l-​ipokriti reliġjużi li dwarhom Ġesù qal: “Intom tħallsu d-​dieċmi fuq in-​nagħniegħ u l-​busbies u l-​kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-​aqwa fil-​ Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-​oħrajn barra.” (Mattew 23:23; Levitiku 27:30) Ma jgħinniex il-​kliem taʼ Ġesù napprezzaw dak li Jehovah tassew irid minna?

21. Il-​profeta Mikea kif ġabar fil-​qosor dak li Jehovah jistenna jew ma jistenniex minna?

21 Biex jiċċara dak li Jehovah jistenna jew ma jistenniex minna, il-​profeta t’Alla Mikea staqsa: “Biex se nersaq quddiem il-​Mulej, u nitbaxxa quddiem Alla l-​Għoli? Se nersaq quddiemu b’sagrifiċċji tal-​ħruq u b’għoġġiela taʼ sena? Il-​Mulej se jogħġbuh l-​eluf taʼ mtaten, u l-​għaxriet taʼ eluf taʼ widien taʼ żejt? Se noffrilu ’l ibni l-​kbir b’sagrifiċċju għad-​dnub tiegħi? Se nagħtih l-​ewwel wild tiegħi, il-​frott taʼ ħdani għall-​ħtijieti? Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-​Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-​imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—Mikea 6:6-8.

22. Jehovah x’ried partikolarment minn dawk taħt il-​Liġi?

22 Mela, allura, x’irrikjeda Jehovah partikolarment minn dawk li kienu jgħixu taħt il-​Liġi? M’għandniex xi ngħidu, huma kellhom iħobbu lil Alla Jehovah. Iktar minn hekk, l-​appostlu Pawlu qal: “Il-​Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’” (Galatin 5:14) Bl-​istess mod, Pawlu qal lill-​Kristjani f’Ruma: “Kull min iħobb ikun iħares il-​bqija tal-​Liġi. . . . L-​imħabba hi l-​milja tal-​Liġi.”—Rumani 13:8-10.

M’Huwiex wisq

23, 24. (a) Għala qatt m’għandna nqisuh wisq li nagħmlu dak li Jehovah jistenna minna? (b) Issa x’imiss li nikkunsidraw?

23 M’aħniex impressjonati b’kemm Jehovah hu Alla taʼ mħabba, taʼ ħsieb, u taʼ ħniena? L-​Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu, ġie fuq l-​art biex juri biċ-​ċar l-​imħabba t’Alla​—biex in-​nies ikunu jafu kemm huma prezzjużi għal Jehovah. Biex jagħti stampa taʼ l-​imħabba t’Alla, Ġesù qal dwar sempliċi għasafar tal-​bejt: “Anqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ir-​rieda taʼ missierkom.” Għalhekk ikkonkluda: “Xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt.” (Mattew 10:29-31) Żgur li qatt m’għandu jkun wisq li nagħmlu dak kollu li jistenna minna dan Alla taʼ mħabba!

24 Madankollu, x’jistenna minna Jehovah llum? U xi wħud għala donnhom jaħsbu li Alla jistenna wisq? Billi neżaminaw dawn il-​mistoqsijiet, għandna nkunu nistgħu naraw għala huwa privileġġ meraviljuż li nagħmlu kulma Jehovah jistenna minna.

Taf Twieġeb?

◻ Xi wħud għala jirrifjutaw li jaqdu lil Jehovah?

◻ Il-​ħtiġijiet taʼ Jehovah kif varjaw matul is-​snin?

◻ Il-​Liġi qdiet liema skopijiet?

◻ Għala dak li Jehovah jistenna minna m’huwiex wisq?

[Stampa f’paġna 18]

Regoli magħmulin mill-​bniedem, bħalma kien il-​ħasil elaborat, għamlu l-​qima taʼ piż

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja