Tinsab Int Fost Dawk Maħbubin Minn Alla?
“Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier.”—ĠWANN 14:21.
1, 2. (a) Jehovah kif wera mħabbtu għall-bnedmin? (b) Xi stabbilixxa Ġesù fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K.?
JEHOVAH iħobb il-ħolqien uman tiegħu. Fil-fatt, tant iħobb lid-dinja taʼ bnedmin “li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Hekk kif toqrob il-ġurnata biex nosservaw il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu, il-Kristjani veri għandhom ikunu konxji iktar minn qatt qabel li Jehovah ‘ħabbna u bagħat lil Ibnu biex ikun sagrifiċċju taʼ tpattija għal dnubietna.’—1 Ġwann 4:10.
2 Fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù u t-12-il appostlu tiegħu nġabru f’kamra fuq f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Qbiż li kien ifakkar il-ħelsien taʼ l-Iżraelin mill-Eġittu. (Mattew 26:17-20) Wara li ċċelebra din il-festa Lhudija, Ġesù bagħat ’il barra lil Ġuda l-Iskarjota u stabbilixxa ikla kommemorattiva li għall-Kristjani kienet se ssir il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu.a Waqt li uża ħobż bla ħmira u nbid aħmar bħala emblemi, jew simboli, tal-ġisem u d-demm fiżiku tiegħu, Ġesù qassam din l-ikla bejn il-ħdax-il appostlu li kien baqaʼ. Id-dettalji taʼ dak li għamel jagħtuhomlna Mattew, Mark, u Luqa, il-kittieba taʼ l-Evanġelji Sinottiċi. L-appostlu Pawlu wkoll tana xi dettalji taʼ dik li sejħilha “l-ikla [taʼ fil-għaxija] tal-Mulej.”—1 Korintin 11:20; Mattew 26:26-28; Mark 14:22-25; Luqa 22:19, 20.
3. Ir-rakkont taʼ l-appostlu Ġwanni dwar l-aħħar sigħat taʼ Ġesù mad-dixxipli tiegħu fil-kamra taʼ fuq b’liema modi importanti jvarja minn oħrajn?
3 Huwa taʼ interess li l-appostlu Ġwanni ma semma xejn dwar it-tqassim tal-ħobż u taʼ l-inbid, forsi għax sakemm kiteb ir-rakkont taʼ l-Evanġelju tiegħu (madwar is-sena 98 E.K.), il-proċedura kienet stabbilita sew fost il-Kristjani tal-bidu. (1 Korintin 11:23-26) Madankollu, taħt ispirazzjoni, Ġwanni biss jagħtina informazzjoni vitali rigward dak li Ġesù qal u għamel eżatt qabel u wara li stabbilixxa l-Mafkar tal-mewt Tiegħu. Dawn id-dettalji kommoventi jimlew xejn inqas minn ħames kapitli taʼ l-Evanġelju taʼ Ġwanni. Ma jħallu ebda dubju dwar it-tip taʼ individwi li Alla jħobb. Ejja neżaminaw l-Evanġelju taʼ Ġwanni kapitli 13 sa 17.
Tgħallem mill-Imħabba Eżemplari taʼ Ġesù
4. (a) Ġwanni kif enfasizza s-suġġett prominenti tal-laqgħa taʼ Ġesù mad-dixxipli tiegħu meta stabbilixxa l-Mafkar? (b) Liema hija raġuni importanti għala Jehovah iħobb lil Ġesù?
4 L-imħabba hija suġġett prominenti f’dawn il-kapitli. Fihom insibu l-pariri li ta Ġesù lis-segwaċi tiegħu qabel ħalliehom. Fil-fatt, għamliet differenti tal-kelma “mħabba” jidhru 31 darba fihom. L-imħabba profonda li Ġesù għandu għal Missieru, Jehovah, u għad-dixxipli tiegħu tispikka b’mod partikulari f’dawn il-kapitli. L-imħabba li Ġesù għandu għal Jehovah tistaʼ tidher fir-rakkonti kollha taʼ ħajtu li nsibu fl-Evanġelji, imma Ġwanni biss isemmi li Ġesù stqarr ċar u tond: “Jiena nħobb lill-Missier.” (Ġwann 14:31) Ġesù qal ukoll li Jehovah iħobbu u spjega għaliex. Hu qal: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti taʼ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.” (Ġwann 15:9, 10) Iva, Jehovah iħobb lil Ibnu minħabba l-ubbidjenza assoluta tiegħu. X’lezzjoni sabiħa għas-segwaċi kollha taʼ Ġesù Kristu!
5. Ġesù kif wera mħabbtu lejn id-dixxipli tiegħu?
5 L-imħabba profonda li Ġesù għandu għas-segwaċi tiegħu hija enfasizzata mill-bidunett tar-rakkont taʼ Ġwanni dwar il-laqgħa finali li Ġesù kellu maʼ l-appostli. Ġwanni rrakkonta: “Qabel il-festa taʼ l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.” (Ġwann 13:1) F’dik il-lejla memorabbli, tahom lezzjoni li ma kellhom jinsewha qatt dwar kif għandhom jaqdu b’imħabba lil oħrajn. Ħaslilhom saqajhom. Dik kienet xi ħaġa li kull wieħed minnhom kien imissu għamilha minn jeddu lil Ġesù u lil ħutu, imma ħadd ma qabad u għamilha. Ġesù wettaq dan ix-xogħol umli u mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.” (Ġwann 13:14, 15) Il-Kristjani veri għandhom ikunu lesti li jaqdu lil ħuthom u li jagħmlu dan bil-ferħ.—Mattew 20:26, 27; Ġwann 13:17.
Segwi l-Kmandament il-Ġdid
6, 7. (a) Ġwanni liema dettall importanti jagħtina dwar it-twaqqif tal-Mafkar? (b) Ġesù liema kmandament ġdid ta lid-dixxipli tiegħu, u x’kien hemm ġdid dwaru?
6 Ir-rakkont taʼ Ġwanni dwar dak li ġara fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan fil-kamra taʼ fuq huwa l-uniku wieħed li jsemmi speċifikament it-tluq taʼ Ġuda l-Iskarjota. (Ġwann 13:21-30) Meta nqabblu r-rakkonti taʼ l-Evanġelji nsibu li Ġesù stabbilixxa l-Mafkar taʼ Mewtu wara li telaq dan it-traditur. Imbagħad tkellem fit-tul maʼ l-appostli leali tiegħu, u tahom xi pariri u istruzzjonijiet taʼ l-aħħar. Hekk kif inħejju ruħna biex nattendu l-Mafkar, għandna nuru interess kbir f’dak li qal Ġesù f’din l-okkażjoni, u speċjalment minħabba li żgur irridu nkunu fost dawk li Alla jħobb.
7 L-ewwel istruzzjoni li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu wara li stabbilixxa l-Mafkar taʼ mewtu kienet xi ħaġa ġdida. Hu ddikjara: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:34, 35) X’kien hemm ġdid dwar dan il-kmandament? Ftit wara f’dik il-lejla Ġesù ċċara kliemu meta qal: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:12, 13) Il-Liġi Mosajka kkmandat lill-Iżraelin biex ‘iħobbu lil għajrhom bħalhom infushom.’ (Levitiku 19:18) Imma l-kmandament taʼ Ġesù kien ifisser iktar minn hekk. Il-Kristjani kellhom iħobbu lil xulxin bħalma ħabbhom Ġesù, u jkunu lesti li jissagrifikaw l-istess ħajjithom għal ħuthom.
8. (a) X’tinvolvi l-imħabba li tissagrifika lilha nfisha? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif juru mħabba li tissagrifika lilha nfisha llum?
8 L-istaġun tal-Mafkar hu żmien addattat biex neżaminaw lilna nfusna, individwalment u bħala kongregazzjoni, sabiex naraw jekk hux veru għandna din il-marka distintiva tal-Kristjanità vera—imħabba bħal taʼ Kristu. Din l-imħabba li tissagrifika lilha nfisha tistaʼ tfisser li Kristjan jissogra ħajtu biex ma jittradix lil ħutu, u xi drabi dan kien il-każ. Iżda normalment din tinvolvi li nkunu lesti nissagrifikaw l-interessi persunali tagħna sabiex ngħinu u naqdu ’l ħutna u lil oħrajn. L-appostlu Pawlu kien eżempju mill-aħjar f’dan ir-rigward. (2 Korintin 12:15; Filippin 2:17) Ix-Xhieda taʼ Jehovah magħrufin mad-dinja kollha għall-ispirtu taʼ sagrifiċċju li juru, waqt li jgħinu lil ħuthom u lill-ġirien tagħhom, huma jirsistu biex iwasslu l-verità tal-Bibbja lill-bnedmin sħabhom.b—Galatin 6:10.
Relazzjonijiet li Għandna Ngħożżu
9. Biex inżommu r-relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla u maʼ Ibnu, x’aħna ferħanin li nagħmlu?
9 Xejn ma jistaʼ jkun iktar prezzjuż għalina milli nkunu maħbubin minn Jehovah u Ibnu, Kristu Ġesù. Madankollu, biex ikollna din l-imħabba u biex inħossuha, hemm xi ħaġa li rridu nagħmlu. F’dik l-aħħar lejla mad-dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.” (Ġwann 14:21) Peress li ngħożżu r-relazzjoni tagħna m’Alla u maʼ Ibnu, aħna nobdu l-kmandamenti tagħhom bil-ferħ. Dan jinkludi l-kmandament il-ġdid li nuru mħabba li tissagrifika lilha nfisha, kif ukoll il-kmand li Kristu ta wara l-irxoxt tiegħu biex ‘inxandru lill-poplu u nagħtu xiehda,’ u biex lil dawk li jaċċettaw l-aħbar tajba nipprovaw ‘nagħmluhom dixxipli.’—Atti 10:42; Mattew 28:19, 20.
10. Liema relazzjonijiet prezzjużi huma disponibbli għall-midlukin u għan-“nagħaġ oħra”?
10 Iktar tard f’dik il-lejla, bi tweġiba għal mistoqsija li għamillu l-appostlu leali Ġuda (Taddew), Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.” (Ġwann 14:22, 23) Saħansitra waqt li jkunu għadhom fuq l-art, il-Kristjani midlukin, imsejħin biex isaltnu maʼ Kristu fis-sema, għandhom relazzjoni intima b’mod partikulari maʼ Jehovah u maʼ Ibnu. (Ġwann 15:15; 16:27; 17:22; Lhud 3:1; 1 Ġwann 3:2, 24) Iżda sħabhom, in-“nagħaġ oħra,” li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art, ukoll għandhom relazzjoni prezzjuża mar-“ragħaj wieħed” tagħhom, Ġesù Kristu, u m’Alla tagħhom, Jehovah, dment li jkunu ubbidjenti.—Ġwann 10:16; Salm 15:1-5; 25:14.
“M’Intomx tad-Dinja”
11. Ġesù liema twissija serja tahom lid-dixxipli tiegħu?
11 Matul din l-aħħar laqgħa mad-dixxipli leali tiegħu qabel ma miet, Ġesù ta twissija serja: Jekk xi ħadd ikun maħbub minn Alla, hu jkun mibgħud mid-dinja. Hu ddikjara: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom. Ftakru fil-kelma li għedtilkom: il-qaddej m’huwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu l-kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll.”—Ġwann 15:18-20.
12. (a) Ġesù għala wissa lid-dixxipli tiegħu li d-dinja kienet se tobgħodhom? (b) Xi jkun tajjeb li lkoll nikkunsidraw hekk kif joqrob il-Mafkar?
12 Ġesù ta din it-twissija sabiex dawn il-11-il appostlu u l-Kristjani veri kollha li jiġu warajhom ma jħossuhomx skuraġġiti u jaqtgħu qalbhom minħabba l-mibegħda tad-dinja. Hu żied: “Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux. Ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla. Dan jagħmluh għax la għarfu lill-Missier u lanqas lili.” (Ġwann 16:1-3) Dizzjunarju tal-Bibbja jispjega li forma tal-verb li hawn ġie tradott “titfixklux” tfisser “tikkaġuna lil xi ħadd jibda ma jafdax u jabbanduna lil min suppost jafda fih u jobdih; iġġagħlu jitbiegħed.” Hekk kif joqrob iż-żmien biex nosservaw il-Mafkar, ilkoll nagħmlu tajjeb li nirriflettu fuq il-ħajja taʼ nies leali, tal-passat u tal-preżent, u nimitaw l-eżempju tagħhom taʼ sodizza meta kienu għaddejjin mill-provi. Tħallix l-oppożizzjoni jew il-persekuzzjoni ġġagħlek tabbanduna lil Jehovah u lil Ġesù, imma kun determinat li tafdahom u tobdihom.
13. Ġesù x’talab għan-nom tas-segwaċi tiegħu f’talba li għamel lil Missieru?
13 Fit-talba li għalaq biha qabel ma telaq minn dik il-kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm, Ġesù qal lil Missieru: “Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma m’humiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja.” (Ġwann 17:14-16) Nistgħu nkunu ċerti li Jehovah iħares lil dawk li jħobb, sabiex isaħħaħhom hekk kif jibqgħu jżommu separati mid-dinja.—Isaija 40:29-31.
Ibqaʼ fl-Imħabba tal-Missier u fl-Imħabba taʼ l-Iben
14, 15. (a) Ġesù maʼ xiex xebbah lilu nnifsu b’kuntrast maʼ liema ‘dielja ħażina’? (b) Min huma “l-friegħi” tad-“dielja vera”?
14 Fil-konversazzjoni intima li kellu mad-dixxipli leali tiegħu fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan, Ġesù xebbah lilu nnifsu mad-“dielja vera,” b’kuntrast maʼ Iżrael żleali, ‘id-dielja ħażina.’ Hu qal: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi.” (Ġwann 15:1) Sekli qabel, il-profeta Ġeremija kiteb dan il-kliem taʼ Jehovah lill-poplu tiegħu li kien tbiegħed Minnu: “Kont ħawwiltek bħala dielja tajba . . . Kif inbdiltli f’siġra ħażina, dielja bagħlija?” (Ġeremija 2:21) U l-profeta Hosegħa kiteb: “Iżrael huwa dielja korrotta. Frott jibqaʼ jagħti għalih innifsu. . . . Qalbhom saret ipokritika.”—Hosegħa 10:1, 2, NW.
15 Minflok ma pproduċa l-frott tal-qima vera, Iżrael waqaʼ fl-apostasija u pproduċa frott għalih innifsu. Tlett ijiem qabel ma ltaqaʼ għall-aħħar darba mad-dixxipli leali tiegħu, Ġesù qal lill-mexxejja ipokriti Lhud: “Ngħidilkom li s-Saltna taʼ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.” (Mattew 21:43) Dan il-ġens il-ġdid huwa “Iżrael taʼ Alla,” ifformat minn 144,000 Kristjani midlukin li huma mxebbhin mal-“friegħi” tad-“dielja vera,” Kristu Ġesù.—Galatin 6:16; Ġwann 15:5; Apokalissi 14:1, 3.
16. X’ħeġġiġhom jagħmlu Ġesù lill-11-il appostlu leali, u x’jistaʼ jingħad dwar il-fdal leali f’dan iż-żmien tat-tmiem?
16 Ġesù qal lill-11-il appostlu preżenti miegħu f’dik il-kamra taʼ fuq: “Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Ibqgħu fija, u jiena nibqaʼ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.” (Ġwann 15:2, 4) L-istorja moderna tan-nies taʼ Jehovah turi li l-membri tal-fdal leali taʼ Kristjani midlukin baqgħu f’unjoni mar-Ras tagħhom, Kristu Ġesù. (Efesin 5:23) Huma aċċettaw it-tindif u ż-żbir. (Malakija 3:2, 3) Mill-1919 ’l hawn, huma pproduċew abbundanza taʼ frott tas-Saltna, l-ewwel Kristjani midlukin oħra u, mill-1935 ’l hawn, “kotra kbira” taʼ mseħbin li dejjem tiżdied.—Apokalissi 7:9; Isaija 60:4, 8-11.
17, 18. (a) Liema kliem taʼ Kristu jgħin lill-midlukin u lin-nagħaġ oħra biex jibqgħu fl-imħabba taʼ Jehovah? (b) Li nattendu l-Mafkar kif se jgħinna?
17 Għal dawk kollha li huma Kristjani midlukin u għal sħabhom japplika l-kliem li kompla jgħid Ġesù: “Din hi l-glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi. Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti taʼ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”—Ġwann 15:8-10.
18 Aħna lkoll nixtiequ nibqgħu fl-imħabba t’Alla, u dan iqanqalna biex inkunu Kristjani li jagħtu l-frott. Dan nagħmluh billi naħtfu kull opportunità biex nippridkaw “l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Nagħmlu wkoll l-almu tagħna kollu biex nuru “l-frott taʼ l-Ispirtu” fil-ħajja persunali tagħna. (Galatin 5:22, 23) Li nattendu l-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu se jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna f’dan ir-rigward, għax f’din l-okkażjoni se niġu mfakkrin dwar l-imħabba kbira li Alla u Kristu għandhom għalina.—2 Korintin 5:14, 15.
19. Liema għajnuna oħra se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss?
19 Wara li stabbilixxa l-Mafkar, Ġesù wiegħed lis-segwaċi leali tiegħu li Missieru kien se jibagħtilhom min jgħinhom, “l-Ispirtu s-Santu.” (Ġwann 14:26) Kif dan l-ispirtu jgħin lill-midlukin u lin-nagħaġ oħra biex jibqgħu fl-imħabba taʼ Jehovah se jiġi eżaminat fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Għas-sena 2002, skond kalkoli Bibliċi, l-14 taʼ Nisan jibda fi nżul ix-xemx taʼ nhar il-Ħamis, 28 taʼ Marzu. Dik il-lejla, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja kollha se jinġabru biex jikkommemoraw il-mewt tal-Mulej, Ġesù Kristu.
b Ara l-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, kapitli 19 u 32.
Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni
• Ġesù x’lezzjoni prattika ta lid-dixxipli tiegħu dwar servizz b’imħabba?
• L-istaġun tal-Mafkar huwa żmien xieraq biex neżaminaw lilna nfusna rigward liema ħaġa?
• Għala m’għandniex nitfixklu minħabba t-twissija taʼ Ġesù dwar mibegħda u persekuzzjoni mid-dinja?
• Min hu “d-dielja vera”? Min huma “l-friegħi,” u x’inhu mistenni minnhom?
[Stampa f’paġna 15]
Ġesù ta lill-appostli tiegħu lezzjoni li ma tintesa qatt dwar kif jaqdu b’imħabba lil oħrajn
[Stampi f’paġna 16, 17]
Id-dixxipli taʼ Kristu jobdu l-kmand tiegħu biex juru mħabba li tissagrifika lilha nfisha