Tassew Għandek Fidi fl-Aħbar Tajba?
“Is-Saltna taʼ Alla [“qorbot,” “Karm Żammit”]: indmu u emmnu fl-Evanġelju.” —MARK 1:15.
1, 2. Kieku int kif tispjega Mark 1:14, 15?
KIENET is-sena 30 E.K. Ġesù Kristu kien beda l-ministeru ferm importanti tiegħu fil-Galilija. Kien qed jippriedka “l-Evanġelju taʼ Alla,” u ħafna Galilin tqanqlu bil-kliem tiegħu: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna taʼ Alla [“qorbot,” KŻ]: indmu u emmnu fl-Evanġelju.”—Mark 1:14, 15.
2 Kien wasal “iż-żmien” biex Ġesù jibda l-ministeru tiegħu u biex in-nies jieħdu deċiżjoni li kienet se ġġibilhom l-approvazzjoni t’Alla. (Luqa 12:54-56) ‘Is-Saltna kienet qorbot’ għax Ġesù kien hemm bħala Sultan-Nominat. Ix-xogħol tiegħu taʼ l-ippridkar qanqal lil uħud taʼ qalb retta biex jindmu. Imma huma kif urew—u aħna kif nuru—li nemmnu, jew li għandna fidi, fl-aħbar tajba?
3. Xi wħud x’għamlu biex juru li għandhom fidi fl-aħbar tajba?
3 Bħal Ġesù, l-appostlu Pietru ħeġġeġ lin-nies biex jindmu. Hu u jindirizza lil-Lhud f’Ġerusalemm f’Pentekoste tat-33 E.K., Pietru qal: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem taʼ Ġesù Kristu għall-maħfra taʼ dnubietkom; u intom tirċievu d-don taʼ l-Ispirtu s-Santu.” Eluf nidmu, tgħammdu, u saru segwaċi taʼ Ġesù. (Atti 2:38, 41; 4:4) Fis-sena 36 E.K., Ġentili niedma ħadu passi simili. (Atti 10:1-48) Fi żmienna, il-fidi fl-aħbar tajba qed tqanqal lil eluf taʼ nies biex jindmu minn dnubiethom, jiddedikaw ruħhom lil Alla, u jitgħammdu. Huma aċċettaw l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni u qed jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Iktar minn hekk, huma qed jipprattikaw is-sewwa u ħadu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tas-Saltna t’Alla.
4. X’inhi l-fidi?
4 Imma x’inhi l-fidi? L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-fidi hija pedament [“stennija assigurata,” NW] tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.” (Lhud 11:1) Il-fidi tagħna tassigurana li kulma jwiegħed Alla fil-Kelma tiegħu se jiġri veru daqslikieku diġà seħħ. Qisu għandna kuntratt f’idejna li juri li ċerti propjetajiet huma tagħna. Il-fidi hija wkoll “il-prova,” jew l-evidenza konvinċenti, taʼ l-affarijiet li ma jidhrux. Id-dixxerniment taʼ moħħna u l-apprezzament f’qalbna jikkonvinċuna li dawn l-affarijiet huma reali, għalkemm ma rajnihomx.—2 Korintin 5:7; Efesin 1:18.
Neħtieġu l-Fidi!
5. Il-fidi għala hi daqshekk importanti?
5 Aħna twelidna bi bżonn spiritwali imma ma twelidniex bil-fidi. Fil-fatt, “mhux kulħadd għandu l-fidi.” (2 Tessalonikin 3:2) Madankollu, il-Kristjani jrid ikollhom il-fidi sabiex jirtu l-wegħdi t’Alla. (Lhud 6:12) Wara li semma ħafna eżempji taʼ fidi, Pawlu kiteb: “Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira taʼ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.” (Lhud 12:1, 2) X’inhu d-“dnub li malajr ifixkilna”? Huwa n-nuqqas taʼ fidi, saħansitra t-telf tal-fidi li wieħed xi darba kellu. Biex il-fidi tagħna tibqaʼ b’saħħitha, irridu “nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù” u nsegwu l-eżempju tiegħu. Irridu wkoll nirrifjutaw l-immoralità, niġġieldu kontra l-għemejjel tal-ġisem, u nevitaw il-materjaliżmu, il-filosofiji dinjin, u t-tradizzjonijiet mhux Skritturali. (Galatin 5:19-21; Kolossin 2:8; 1 Timotju 6:9, 10; Ġuda 3, 4) Iktar minn hekk, irridu nemmnu li Alla hu magħna u li l-pariri fil-Kelma tiegħu huma tassew effettivi.
6, 7. Għala huwa xieraq li nitolbu għall-fidi?
6 Ma nistgħux noħolqu l-fidi fina nfusna bil-ħila tagħna. Il-fidi hija parti mill-frott taʼ l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Mela, xi ngħidu jekk il-fidi tagħna għandha bżonn tissaħħaħ? Ġesù qal: “Jekk intom . . . tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13) Iva, ejja nitolbu għall-ispirtu qaddis, għax dan jistaʼ jipproduċi fina l-fidi li neħtieġu biex nagħmlu r-rieda t’Alla anki fl-iktar ċirkustanzi diffiċli.—Efesin 3:20.
7 Huwa xieraq li nitolbu għal iktar fidi. Meta Ġesù kien se jkeċċi demonju minn ġo żagħżugħ, missier it-tifel talab bil-ħniena: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” (Mark 9:24) “Kattar fina l-fidi,” qalu d-dixxipli taʼ Ġesù. (Luqa 17:5) Għalhekk, ejja nitolbu għall-fidi, waqt li nkunu fiduċjużi li Alla se jwieġeb talb bħal dan.—1 Ġwann 5:14.
Il-Fidi fil-Kelma t’Alla Hi Vitali
8. Il-fidi fil-Kelma t’Alla kif tistaʼ tgħinna?
8 Ftit qabel il-mewta tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.” (Ġwann 14:1) Bħala Kristjani, aħna nemmnu, jew għandna fidi, f’Alla u f’Ibnu. Imma xi ngħidu għall-Kelma t’Alla? Din tistaʼ tkun forza qawwija taʼ benefiċċju f’ħajjitna jekk nistudjaw u napplikawha waqt li jkollna fiduċja sħiħa li din tipprovdilna l-aqwa pariri u direzzjoni li qatt nistgħu nsibu.—Lhud 4:12.
9, 10. Kif tispjega dak li jingħad dwar il-fidi f’Ġakbu 1:5-8?
9 Ħajjitna bħala bnedmin imperfetti hija mimlija inkwiet. Madankollu, il-fidi fil-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna tassew. (Ġob 14:1) Per eżempju, nassumu li ma nkunux nafu x’għandna nagħmlu meta tiġi ċerta prova fuqna. Il-Kelma t’Alla tagħtina dan il-parir: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ. Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqlaʼ xi ħaġa mingħand il-Mulej; hu bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-triq li jagħżel.”—Ġakbu 1:5-8.
10 Alla Jehovah mhux se jċanfarna talli jkun jonqosna l-għerf u nitolbu għalih. Minflok, se jgħinna nħarsu lejn il-prova kif inhu xieraq. Jistaʼ jkun li sħabna fit-twemmin juruna ċerti skritturi li jgħinuna, jew nistgħu nsibu xi vers jgħodd għalina x’ħin inkunu qed nistudjaw il-Bibbja. Jew nistgħu niġu gwidati mill-ispirtu qaddis taʼ Jehovah b’xi mod ieħor. Missierna tas-sema se jagħtina l-għerf biex inkampaw mal-provi jekk nibqgħu ‘nitolbu bil-fidi, bla ma nitħassbu xejn,’ jew niddubitaw. Jekk inkunu bħal mewġa tal-baħar li titqalleb bir-riħ, ma nistgħux nistennew li se naqilgħu xi ħaġa mingħand Alla. Għala? Għax dan ikun ifisser li aħna mifxulin u m’aħniex żguri fit-talb jew f’modi oħra—iva, anki f’li neżerċitaw fidi. Għalhekk hemm bżonn li jkollna fidi soda fil-Kelma t’Alla u fil-gwida li tipprovdi. Ejja nikkunsidraw xi eżempji taʼ kif din tagħtina għajnuna u direzzjoni.
Il-Fidi u l-Għajxien
11. Il-fidi fil-Kelma t’Alla liema assigurazzjoni tagħtina dwar il-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum?
11 Xi ngħidu jekk bħalissa m’għandniex in-neċessitajiet tal-ħajja, jew inkella aħna fqar? Il-fidi fil-Kelma t’Alla tagħtina l-istennija assigurata li Jehovah se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum u li fl-aħħar mill-aħħar se jipprovdi affarijiet bl-abbundanza għal dawk kollha li jħobbuh. (Salm 72:16; Luqa 11:2, 3) Nistgħu nsibuha xi ħaġa inkuraġġanti li nirriflettu fuq kif Jehovah ipprovda l-ikel għall-profeta tiegħu Elija matul iż-żmien taʼ ġuħ. Iktar tard, Alla b’miraklu pprovda ammont taʼ dqiq u żejt li żamm lil waħda mara, lil binha, u lil Elija ħajjin. (1 Slaten 17:2-16) B’mod simili, Jehovah mantna lill-profeta Ġeremija matul l-assedju taʼ Ġerusalemm mill-Babiloniżi. (Ġeremija 37:21) Għalkemm Ġeremija u Elija ftit kellhom x’jieklu, Jehovah ħa ħsiebhom. Hu jagħmel l-istess għal dawk li jeżerċitaw fidi fih illum.—Mattew 6:11, 25-34.
12. Il-fidi kif se tgħinna jkollna l-għajxien bażiku?
12 Il-fidi flimkien maʼ l-applikar tal-prinċipji tal-Bibbja mhux se tagħmilna sinjuri materjalment, imma se tgħinna biex ikollna l-għajxien bażiku. Biex nagħtu eżempju: Il-Bibbja tagħtina parir biex inkunu individwi onesti, kapaċi, u li jaħdmu iebes. (Proverbji 22:29; Koħèlet 5:17, 18 [5:18, 19, NW]; Efesin 4:28) Qatt m’għandna nċekknu l-importanza taʼ li wieħed ikollu reputazzjoni eċċellenti bħala ħaddiem. Anki f’postijiet fejn l-impjiegi b’paga tajba huma skarsi, ħaddiema onesti, tas-sengħa, u beżlin imorru aħjar minn oħrajn. Għalkemm ħaddiema bħal dawn forsi jkollhom ftit affarijiet materjali, ġeneralment ikollhom in-neċessitajiet bażiċi u s-sodisfazzjon li jieklu l-ikel li jaqilgħu bl-għaraq taʼ ġbinhom.—2 Tessalonikin 3:11, 12.
Il-Fidi Tgħinna Nissaportu n-Niket Minħabba Xi Mewt
13, 14. Il-fidi kif tgħinna nissaportu n-niket minħabba xi mewt?
13 Il-Kelma t’Alla b’mod realistiku turi li huwa naturali li nġarrbu n-niket meta jmutilna xi ħadd li nħobbu. Il-patrijarka leali Abraham tnikket minħabba l-mewt taʼ martu l-għażiża, Sara. (Ġenesi 23:2) David qasam qalbu bin-niket malli semaʼ li ibnu Absalom miet. (2 Samwel 18:33) Anki l-bniedem perfett Ġesù beka meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru. (Ġwann 11:35, 36) Meta jmutilna xi ħadd li nħobbu, nistgħu nġarrbu niket li għoddna ma nkunux nifilħu għalih, imma l-fidi fil-wegħdi li nsibu ġol-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nissaportu dawn id-dwejjaq.
14 ‘Nittama f’Alla,’ qal Pawlu, ‘li [‘il-ġusti u dawk li m’humiex ġusti,’ NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.’ (Atti 24:15) Irid ikollna fidi fil-provvediment t’Alla li għadd kbir taʼ nies se jiġu mqajmin lura għall-ħajja. (Ġwann 5:28, 29) Fosthom se jkun hemm Abraham u Sara, Iżakk u Rebekka, Ġakobb u Lija—bħalissa lkoll reqdin fil-mewt u jistennew irxoxt fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Ġenesi 49:29-32) X’ferħ se jkun hawn meta l-maħbubin tagħna se jqumu mir-raqda tal-mewt biex jgħixu hawn fuq l-art! (Apokalissi 20:11-15) Sadattant, il-fidi mhix se tneħħi n-niket kollu, imma se żżommna qrib Alla li jgħinna nissaportu t-telfa taʼ xi ħadd għażiż.—Salm 121:1-3; 2 Korintin 1:3.
Il-Fidi Ssaħħaħ lid-Dipressi
15, 16. (a) Għala nistgħu ngħidu li mhix xi ħaġa impossibbli li dawk li jeżerċitaw il-fidi taqbadhom id-dipressjoni? (b) Wieħed x’jistaʼ jagħmel biex ikampa mad-dipressjoni?
15 Il-Kelma t’Alla turi wkoll li anki dawk li jeżerċitaw fidi f’Alla jistgħu jaqgħu f’dipressjoni. Matul il-prova iebsa tiegħu, Ġob ħass li Alla kien abbandunah. (Ġob 29:2-5) Neħemija kien qalbu sewda minħabba l-qagħda ħażina taʼ Ġerusalemm u tal-ħitan tagħha. (Neħemija 2:1-3) Pietru tant kien mifni wara li ċaħad lil Ġesù li ‘beka b’qalbu maqsuma.’ (Luqa 22:62) U Pawlu ħeġġeġ lil sħabu kredenti fil-kongregazzjoni f’Tessalonika biex ‘jagħmlu l-qalb’ lid-dipressi. (1 Tessalonikin 5:14) Għaldaqstant, mhix xi ħaġa impossibbli li dawk li għandhom il-fidi llum taqbadhom id-dipressjoni. Mela, x’nistgħu nagħmlu biex inkampaw mad-dipressjoni?
16 Jistaʼ jkun li aħna dipressi minħabba li qed niffaċċjaw diversi problemi serji. Minflok ma naraw quddiemna muntanja kbira taʼ problemi, għandna mnejn inkunu nistgħu nsolvuhom waħda waħda billi napplikaw prinċipji tal-Bibbja. Dan jistaʼ jgħinna nnaqqsu d-dipressjoni li jkollna. Attività bilanċjata u mistrieħ xieraq jistgħu jgħinu wkoll. Ħaġa waħda hija ċerta: Il-fidi f’Alla u fil-Kelma tiegħu tagħmilna iktar b’saħħitna spiritwalment għax tqawwilna l-konvinzjoni tagħna li hu tassew jimpurtah minna.
17. Kif nafu li Jehovah jimpurtah minna?
17 Pietru jfarraġna billi jiżgurana: “Kunu . . . umli taħt l-id setgħana taʼ Alla, biex hu jerfagħkom meta jkun il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:6, 7) Is-salmista kanta: “Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqaʼ, iqajjem ’il kull min hu mitluq.” (Salm 145:14) Dawn l-assiguranzi għandna nemmnuhom, għax jinsabu fil-Kelma t’Alla. Għalkemm id-dipressjoni għandha mnejn tieħu fit-tul, kemm se nissaħħu fil-fidi meta nkunu nafu li nistgħu nitfgħu l-ansjetà kollha tagħna fuq Missierna tas-sema li tant iħobbna!
Il-Fidi u Provi Oħra
18, 19. Il-fidi kif tgħinna nkampaw mal-mard u nfarrġu lil sħabna kredenti li jkunu morda?
18 Nistgħu nġarrbu prova kbira tal-fidi tagħna meta aħna jew xi ħadd li nħobbu jkun qed ibati minn marda serja. Għalkemm il-Bibbja ma tgħidx li Kristjani bħal Epafroditu, Timotju, u Trofimu ġew imfejqin b’xi miraklu, bla dubju Jehovah għenhom jissaportu. (Filippin 2:25-30; 1 Timotju 5:23; 2 Timotju 4:20) Iżjed minn hekk, rigward “min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef,” is-salmista kanta: “Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard; ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.” (Salm 41:2-4 [41:1-3, NW]) Il-kliem tas-salmista kif jistaʼ jgħinna nfarrġu lil sħabna kredenti li jkunu morda?
19 Mod wieħed kif nipprovdu għajnuna spiritwali hu billi nitolbu għal dawk li huma morda u nitolbu magħhom ukoll. Filwaqt li llum m’aħniex se nitolbu għal xi fejqan mirakoluż, nistgħu nitolbu li Alla jagħtihom il-qawwa biex jissaportu l-marda tagħhom u jagħtihom is-saħħa spiritwali meħtieġa biex ikunu jifilħu jgħaddu minn dawn il-perijodi taʼ dgħjufija. Jehovah se jkun magħhom, u l-fidi tagħhom se tissaħħaħ meta jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li permezz taʼ Ġesù Kristu rxoxtat u s-Saltna t’Alla, il-bnedmin ubbidjenti se jirċievu ħelsien permanenti mid-dnub, il-mard, u l-mewt! Għal dawn il-prospetti meraviljużi, niżżu ħajr lil Jehovah, li ‘jfejjaq il-mard tagħna kollu.’—Salm 103:1-3; Apokalissi 21:1-5.
20. Għala jistaʼ jingħad li l-fidi tistaʼ tgħinna nissaportu “jiem in-niket” tax-xjuħija?
20 Il-fidi tistaʼ tgħinna nissaportu “jiem in-niket” tax-xjuħija, meta s-saħħa u l-qawwa tagħna jibdew imajnaw. (Koħèlet 12:1-7) Għalhekk, dawk fostna li huma mdaħħlin fiż-żmien jistgħu jitolbu bħalma talab ix-xwejjaħ salmista li kanta: “Inti, Sidi, it-tama tiegħi . . . Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti.” (Salm 71:5, 9) Is-salmista ħass il-bżonn taʼ l-appoġġ taʼ Jehovah, bħalma jħossu ħafna minn sħabna Kristjani li xjaħu fis-servizz t’Alla. Minħabba l-fidi tagħhom, huma jistgħu jibqgħu ċerti li Jehovah qatt m’hu se jonqos milli jwiżinhom b’dirgħajh għal dejjem.—Dewteronomju 33:27.
Żomm il-Fidi fil-Kelma t’Alla
21, 22. Il-fatt li jkollna l-fidi kif jeffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla?
21 Il-fidi fl-aħbar tajba u l-Kelma t’Alla kollha kemm hi tgħinna nersqu dejjem eqreb lejn Jehovah. (Ġakbu 4:8) Veru, Jehovah hu l-Mulej Sovran tagħna, imma huwa wkoll il-Ħallieq tagħna u Missierna. (Isaija 64:7 [64:8, NW]; Mattew 6:9; Atti 4:24) “Int missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!” kanta s-salmista. (Salm 89:26 [89:27, NW]) Jekk neżerċitaw il-fidi f’Jehovah u l-Kelma ispirata tiegħu, aħna wkoll nistgħu nqisuh bħala ‘l-fortizza u s-salvazzjoni tagħna.’ Xi privileġġ taʼ l-għaġeb!
22 Jehovah huwa l-Missier tal-Kristjani mnisslin bl-ispirtu u taʼ sħabhom li għandhom tama li jgħixu fuq l-art. (Rumani 8:15) U l-fidi f’Missierna tas-sema qatt ma twassalna għal diżappunt. David qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Iżjed minn hekk, niġu żgurati: “Il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu minħabba ismu l-kbir.”—1 Samwel 12:22, KŻ.
23. X’inhu meħtieġ biex ingawdu relazzjoni dejjiema maʼ Jehovah?
23 M’għandniex xi ngħidu, sabiex ingawdu relazzjoni dejjiema maʼ Jehovah irid ikollna fidi fl-aħbar tajba u naċċettaw l-Iskrittura għal dak li hi tassew—il-Kelma t’Alla. (1 Tessalonikin 2:13) Irid ikollna fidi sħiħa f’Jehovah u nħallu lil Kelmtu ddawlilna triqatna. (Salm 119:105; Proverbji 3:5, 6) Il-fidi tagħna se tikber hekk kif nitolbuh fiduċjużi mill-mogħdrija, il-ħniena, u l-appoġġ tiegħu.
24. Liema ħsieb li jagħtina l-faraġ insibu f’Rumani 14:8?
24 Il-fidi qanqlitna niddedikaw ħajjitna lil Alla għall-eternità kollha. Billi għandna fidi qawwija, anki jekk immutu, aħna nibqgħu l-qaddejja dedikati tiegħu b’tama taʼ rxoxt. Iva, “sew jekk ngħixu, . . . sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.” (Rumani 14:8) Ejja nżommu dan il-ħsieb f’qalbna li jagħtina l-faraġ hekk kif inżommu l-fiduċja tagħna fil-Kelma t’Alla u nkomplu nuru fidi fl-aħbar tajba.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi l-fidi, u għala għandna bżonnha din il-kwalità?
• Għala huwa vitali li jkollna fidi fl-aħbar tajba u fil-Kelma t’Alla kollha kemm hi?
• Il-fidi kif tgħinna nissaportu diversi provi?
• X’se jgħinna nżommu l-fidi tagħna?
[Stampi f’paġna 12]
Jehovah ħa ħsieb Ġeremija u Elija għax kellhom il-fidi
[Stampi f’paġna 13]
Ġob, Pietru, u Neħemija kellhom fidi soda
[Stampi f’paġna 15]
Biex ingawdu relazzjoni dejjiema maʼ Jehovah, irid ikollna fidi fl-aħbar tajba