Eżerċita Fidi Bbażata Fuq Verità
“Mingħajr fidi hu impossibbli li togħġbu sewwa, għax dak li joqrob lejn Alla jrid jemmen li hu u li jsir dak li jħallas lil dawk li qed ifittxuh bil-ħeġġa.”−EBREJ 11:6.
1, 2. Il-fidi taʼ Adam kif tpoġġiet taħt prova, u b’liema riżultat?
IL-FIDI titlob għal iktar minn li wieħed jemmen li Alla jeżisti. L-ewwel raġel, Adam, ma kellu ebda dubju dwar l-eżistenza taˈ Alla Jehovah. Alla kkomunika maˈ Adam, wisq probabbli permezz taˈ Ibnu, il-Kelma. (Ġwann 1:1-3; Kolossin 1:15-17) Iżda, Adam tilef il-prospett taˈ ħajja eterna għaliex hu naqas li jobdi lil Jehovah u li jeżerċita fidi fih.
2 Il-hena futura taˈ Adam dehret li ġiet f’diffikultà meta martu, Eva, ma obdietx lil Jehovah. Iva, il-ħsieb biss li jitlifha kien taˈ prova għall-fidi tal-ewwel raġel! Setaʼ Alla jsolvi din il-problema b’tali mod li jiżżgura l-hena u r-riżq kontinwi taˈ Adam? Billi ngħaqad maˈ Eva fid-dnub, Adam wera li hu milli jidher ma ħasibx hekk. Hu pprova jsolvi l-problema bil-mod tiegħu, minflok ma fittex bil-ħeġġa kollha għal gwida divina. Billi naqas li jeżerċita fidi f’Jehovah, Adam ġab il-mewt fuqu nnifsu u fuq nislu kollu.−Rumani 5:12.
X’Inhi l-Fidi?
3. Id-definizzjoni fil-Bibbja tal-fidi kif inhi differenti minn dik mogħtija minn dizzjunarju wieħed?
3 Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi l-fidi bħala “twemmin sod f’xi ħaġa li għaliha m’hemmx prova. “Il-Bibbja mhux talli ma tappoġġjax din l-idea, anzi tenfasizza preċiż l-oppost. Il-fidi hija bbażata fuq fatti, fuq realtajiet, fuq verità. L-Iskrittura tgħid: “Il-fidi hija l-istennija assigurata taʼ affarijiet ittamati, il-wirja evidenti taʼ realtajiet għalkemm ma jintlemħux.” (Ebrej 11:1) Wieħed li għandu l-fidi għandu garanzija li kull ħaġa mwiegħda minn Alla hija ċerta daqs li kieku twettqet. Tant hija qawwija l-prova konvinċenti taʼ realtajiet li ma jidhrux li l-fidi jingħad li hija ekwivalenti għal dik l-evidenza.
4. Xogħol wieħed taʼ referenza kif jappoġġja d-definizzjoni Biblika tal-fidi?
4 Fin-New World Translation, il-forma kawżattiva tal-verb Ebrajk ’a·manʹ hija xi drabi tradotta “teżerċita fidi.” Skond it-Theological Wordbook of the Old Testament, “fil-qalba tat-tifsir tal-għerq hemm l-idea taʼ ċertezza . . . f’kuntrast maʼ kunċetti moderni tal-fidi bħala xi ħaġa possibbli, forsi veru, imma mhix ċerta.” L-istess ktieb igħid: “Id-derivattiv ’āmēn ‘tassew’ jinġieb ’il quddiem fit-Testment il-Ġdid fil-kelma amēn li hi [l-]kelma Ngliża ‘amen.’ Ġesù uża l-kelma taʼ spiss (Mt 5:18, 26, eċċ.) biex jenfasizza ċ-ċertezza taʼ xi ħaġa.” Il-kelma tradotta “fidi” fl-Iskrittura Kristjana Griega tfisser ukoll twemmin f’xi ħaġa bbażat b’mod sod fuq fatt jew verità.
5. Il-kelma Griega tradotta “stennija assigurata” f’Ebrej 11:1 kif kienet tintuża f’dokumenti tal-qedem tan-negozju, u x’sinjifikat għandu dan għall-Kristjani?
5 Il-kelma Griega (hy·poʹsta·sis) tradotta “stennija assigurata” f’Ebrej 11:1 kienet spiss tintuża f’dokumenti tal-papiru tan-negozju biex tagħti l-idea taʼ xi ħaġa li tiggarantixxi pussess futur. L-istudjużi Moulton u Milligan jissuġġerixxu t-traduzzjoni: “Il-fidi hija l-kuntratt taʼ affarijiet ittamati.” (Vocabulary of the Greek Testament) Ovvjament, jekk wieħed jippossjedi l-kuntratt għal propjetà, hu jistaʼ jkollu l-“istennija assigurata” li xi darba t-tama tiegħu biex jakkwistaha se tkun imwettqa.
6. X’inhu s-sinjifikat tal-kelma Griega tradotta “wirja evidenti” f’Ebrej 11:1?
6 F’Ebrej 11:1, il-kelma Griega tradotta “wirja evidenti” (eʹleg·khos) tagħti l-idea taʼ li wieħed jippreżenta evidenza biex juri xi ħaġa, b’mod partikulari xi ħaġa kuntrarju għal dak li jidher li hu l-każ. Evidenza pożittiva jew konkreta tagħmel ċar dak li qabel ma kienx qed jiġi nnotat, billi b’hekk jitwarrab dak li kien biss jidher li hu l-każ. Mela kemm fl-Iskrittura Ebrajka kif ukoll f’dik Griega, il-fidi m’hi bl-ebda mod “twemmin sod f’xi ħaġa li għaliha m’hemmx prova.” Għall-kuntrarju, il-fidi hija bbażata fuq il-verità.
Ibbażata fuq Veritajiet Bażiċi
7. Pawlu u David kif jiddeskrivu lil dawk li jiċħdu l-eżistenza t’Alla?
7 L-appostlu Pawlu stqarr verità bażika meta kiteb li “l-kwalitajiet inviżibbli [tal-Ħallieq] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu, b’mod li [dawk li jopponu l-verità] ma jistgħux iġibu skuża.” (Rumani 1:20) Iva, “is-smewwiet qed jiddikjaraw il-glorja t’Alla,” u “l-art mimlija bil-produzzjonijiet [tiegħu].” (Salm 19:1; 104:24) Imma xi ngħidu jekk wieħed ma jkunx irid jikkunsidra l-evidenza? Is-salmista David qal: “Il-wieħed mill-agħar skond it-tixmir taʼ mnieħru [“billi hu arroganti,” The New English Bible] ma jagħmel l-ebda tfittxija; l-ideat kollha tiegħu huma: ‘Ma hemm ebda Alla.’” (Salm 10:4; 14:1) F’parti, il-fidi hija bbażata fuq il-verità fundamentali li Alla jeżisti.
8. Dawk li jeżerċitaw il-fidi jistgħu jkollhom liema ċertezza u fehma?
8 Jehovah mhux sempliċement jeżisti; huwa wkoll taʼ min jafdah, u aħna nistgħu nserrħu rasna fuq il-wegħdiet tiegħu. Hu qal: “Żgur li bħalma stħajjilt jien, hekk irid jiġri; u sewwa sew bħalma tajt parir jien, dak hu li se jseħħ.” (Isaija 14:24; 46:9, 10) Dan mhux xi kliem bla sugu. Hemm prova ċara li mijiet taʼ profeziji miktubin fil-Kelma t’Alla twettqu. B’dan it-tidwil, dawk li jeżerċitaw fidi huma wkoll kapaċi jifhmu t-twettieq kontinwu taʼ ħafna profeziji oħra tal-Bibbja. (Efesin 1:18) Per eżempju, huma qed jaraw it-twettieq tas-“sinjal” tal-preżenza taʼ Ġesù, inklużi l-ippridkar imgħaġġel tas-Saltna stabbilita, kif ukoll l-espansjoni mħabbra tal-qima vera. (Mattew 24:3-14; Isaija 2:2-4; 60:8, 22) Huma jafu li dalwaqt il-ġnus se jgħajtu “Paċi u sigurtà!” u li ftit wara dan Alla se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.’ (1 Tessalonkin 5:3; Rivelazzjoni 11:18) X’barka hi li jkollok fidi bbażata fuq veritajiet profetiċi!
Frotta tal-Ispirtu Qaddis
9. X’inhi r-relazzjoni bejn il-fidi u l-ispirtu qaddis?
9 Il-verità li fuqha hi bbażata l-fidi tinsab fil-Bibbja, prodott tal-ispirtu qaddis t’Alla. (2 Samwel 23:2; Żakkarija 7:12; Mark 12:36) Loġikament, allura, il-fidi ma tistax teżisti apparti mill-ħidma tal-ispirtu qaddis. Kien għalhekk li Pawlu setaʼ jikteb: “Il-frott tal-ispirtu [jinkludi] . . . [l-]fidi.” (Galatin 5:22) Imma ħafna jirrifjutaw verità divina, billi jikkontaminaw il-ħajjiet tagħhom b’xewqat tal-laħam u b’ideat li jnikktu lill-ispirtu t’Alla. B’hekk, “il-fidi mhix pussess tan-nies kollha,” għax m’għandhomx bażi fuqiex jiżżviluppawha.−2 Tessalonkin 3:2; Galatin 5:16-21; Efesin 4:30.
10. Xi qaddejja tal-qedem taʼ Jehovah kif urew li kienu jeżerċitaw fidi?
10 Minn fost id-dixxendenti taʼ Adam, madankollu, xi individwi eżerċitaw fidi. Ebrej kapitlu 11 isemmi lil Abel, Enok, Noè, Abraham, Sara, Iżakk, Ġakobb, Ġużeppi, Mosè, Raħab, Gideon, Barak, Sansun, Ġefta, David, u Samwel, flimkien maʼ ħafna qaddejja taʼ Jehovah li ma jissemmewx b’isimhom, li “kellhom xiehda mogħtija lilhom permezz tal-fidi tagħhom.” Innota x’sar “bil-fidi.” Kien bil-fidi li Abel “offra ’l Alla sagrifiċċju” u Noè “bena arka.” Bil-fidi Abraham “obda f’li ħareġ f’post li kien iddestinat li jirċevih bħala wirt.” U bil-fidi, Mosè “telaq mill-Eġittu.”−Ebrej 11:4, 7, 8, 27, 29, 39.
11. Atti 5:32 x’jindika rigward nies li jobdu lil Alla?
11 Ovvjament, dawk il-qaddejja kollha taʼ Jehovah għamlu iktar milli sempliċement emmnu fl-eżistenza t’Alla. Billi eżerċitaw il-fidi, huma fdaw fih bħala l-Wieħed li huwa “dak li jħallas lil dawk li qed ifittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Huma għamlu dak li l-ispirtu t’Alla dderiġiehom biex jagħmlu, billi aġixxew fuq il-għarfien eżatt tal-verità li kien disponibbli dak in-nhar, għalkemm kien limitat. X’differenza minn Adam! Hu ma aġixxiex bil-fidi bbażata fuq il-verità jew fi qbil mad-direzzjoni tal-ispirtu qaddis. Alla jagħti l-ispirtu tiegħu biss lil dawk li jobdu lilu.−Atti 5:32.
12. (a) Fiex kellu fidi Abel, u kif wera dan? (b) Minkejja l-fidi tagħhom, x’ma rċevewx xhieda taʼ Jehovah taʼ qabel il-Kristjanità?
12 Kuntrarju għal missieru Adam, it-twajjeb Abel kellu l-fidi. X’aktarx mingħand il-ġenituri tiegħu, hu tgħallem dwar l-ewwel profezija li qatt tlissnet: “Jien [Alla Jehovah] se nqiegħed għadwa bejnek u l-mara u bejn iż-żerriegħa tiegħek u ż-żerriegħa tagħha. Hu se jbenġlek fir-ras u int se tbenġlu fil-għarqub.” (Ġenesi 3:15) Alla b’hekk wiegħed li jeqred il-ħażen u li jirrestawra t-tjieba. Kif kellha titwettaq din il-wegħda, Abel ma kienx jaf. Imma l-fidi tiegħu li Alla huwa Dak li jħallas lil dawk li Jfittxuh bil-ħeġġa kienet qawwija biżżejjed biex tqanqlu ħalli joffri sagrifiċċju. Hu wisq probabbli kien ħaseb fil-fond dwar il-profezija u kien jemmen li t-tixrid tad-demm kien neċessarju biex iwettaq il-wegħda u jerfaʼ lill-umanità għall-perfezzjoni. Għaldaqstant, is-sagrifiċċju tal-annimali minn Abel kien addattat. Minkejja l-fidi tagħhom, madankollu, Abel u xhieda oħra taʼ Jehovah taʼ qabel il-Kristjanità “ma ħadux it-twettieq tal-wegħda.”−Ebrej 11:39.
Nipperfezzjonaw il-Fidi
13. (a) Abraham u David x’tgħallmu rigward it-twettieq tal-wegħda? (b) Għala jistaʼ jingħad li “l-verità ġiet li sseħħ permezz taʼ Ġesù Kristu”?
13 Minn żmien għal żmien matul is-sekli, Alla rrivela verità miżjuda dwar kif il-wegħda rigward ‘iż-żerriegħa tal-mara’ kellha titwettaq. Lil Abraham intqallu: “Permezz taż-żerriegħa tiegħek il-ġnus kollha tal-art ċertament li se jbierku lilhom infushom.” (Ġenesi 22:18) Iktar tard, lis-Sultan David intqallu li ż-Żerriegħa mwiegħed kien se jiġi permezz tal-linja rjali tiegħu. Fid-29 E.K., dak iż-Żerriegħa deher fil-persuna taʼ Ġesù Kristu. (Salm 89:3, 4; Mattew 1:1; 3:16, 17) F’kuntrast maʼ Adam li ma weriex fidi, “l-aħħar Adam,” Ġesù Kristu, kien eżemplari f’li juri fidi. (1 Korintin 15:45) Hu għex ħajja taʼ servizz devot lil Jehovah u wettaq ħafna profeziji li jbassru l-Messija. Ġesù b’hekk għamel il-verità dwar iż-Żerriegħa mwiegħed iktar ċara u poġġa l-affarijiet iffigurati bil-quddiem mil-Liġi taʼ Mosè fil-qasam tar-realtà. (Kolossin 2:16, 17) Setaʼ għalhekk jingħad li “l-verità ġiet li sseħħ permezz taʼ Ġesù Kristu.”−Ġwann 1:17.
14. Pawlu kif wera lill-Galatin li l-fidi kienet ħadet dimensjonijiet ġodda?
14 Issa li l-verità ġiet li tkun permezz taʼ Ġesù Kristu, kien hemm pedament iżjed mifrux fuqiex tibbaża l-fidi fil-“wegħda.” Il-fidi ntgħamlet iżjed soda, kienet ħadet dimensjonijiet ġodda, biex ingħidu hekk. F’dan ir-rigward Pawlu qal lill-Kristjani sħabu midlukin: “L-Iskrittura wasslet l-affarijiet kollha flimkien sal-kustodja tad-dnub biex il-wegħda li tirriżulta mill-fidi lejn Ġesù Kristu tistaʼ tingħata lil dawk li jeżerċitaw fidi. Madankollu, qabel ma waslet il-fidi, aħna konna qed niġu mgħassin taħt il-liġi, billi konna qed niġu mwasslin flimkien fil-kustodja, billi konna qed inħarsu lejn il-fidi li kienet iddestinata li tiġi rrivelata. Għaldaqstant il-Liġi saret il-għalliema tagħna li twassal għal Kristu, biex nistgħu niġu ddikjarati twajbin minħabba l-fidi. Imma issa li l-fidi waslet, m’għadniex iktar taħt għalliem. Intom ilkoll, fil-fatt, ulied Alla permezz tal-fidi tagħkom fi Kristu Ġesù.”−Galatin 3:22-26.
15. Kif biss setgħet il-fidi tiġi pperfezzjonata?
15 L-Iżraeliti kienu eżerċitaw fidi fil-kuntatti t’Alla magħhom permezz tal-patt tal-Liġi. Imma issa din il-fidi riedet tiżdied. Kif? Billi jeżerċitaw fidi f’Ġesù midluk bl-ispirtu li lejh il-Liġi kienet imfassla biex twassalhom. B’dak il-mod biss setgħet il-fidi taʼ qabel il-Kristjanità tiġi pperfezzjonata. Kemm kien essenzjali għal dawk il-Kristjani tal-bidu li ‘jħarsu fissi lejn Ġesù, l-Aġent Ewlieni u Dak li Jipperfezzjona l-fidi tagħhom’! (Ebrej 12:2) Tabilħaqq, il-Kristjani kollha għandhom jagħmlu dan.
16. Spirtu qaddis kif ġie b’mod intensifikat, u għala?
16 Minħabba għarfien miżjud taʼ verità divina u l-fidi pperfezzjonata li tirriżulta, kien l-ispirtu qaddis ukoll mistenni li jiġi b’mod intensifikat? Iva. F’Pentekoste tat-33 E.K., l-ispirtu t’Alla, il-wieħed imwiegħed li jgħin u li dwaru kien tkellem Ġesù, ġie mferraʼ fuq id-dixxipli tiegħu. (Ġwann 14:26; Atti 2:1-4) L-ispirtu qaddis beda mbagħad jopera fuqhom b’mod kompletament ġdid bħala aħwa midlukin taʼ Kristu. Il-fidi tagħhom, frotta tal-ispirtu qaddis, ġiet imsaħħa. Dan forniehom għax-xogħol vast li kellhom quddiemhom taʼ trawwim taʼ dixxipli.−Mattew 28:19, 20.
17. (a) Kif ġiet il-verità u l-fidi kif ġiet ipperfezzjonata mill-1914 ’il hawn? (b) Liema evidenza għandna tal-ħidma tal-ispirtu qaddis mill-1919 ’il hawn?
17 Il-fidi waslet meta Ġesù ppreżenta lilu nnifsu bħala s-Sultan tal-futur iktar minn 1,900 sena ilu. Imma issa li huwa Sultan tas-sema li qed jirrenja, il-bażi tagħna għall-fidi−verità rrivelata−kibret b’mod tremend, billi b’hekk ipperfezzjonat il-fidi tagħna. Bl-istess mod, il-ħidma tal-ispirtu qaddis intensifikat. Kien hemm evidenza ċara taʼ dan fl-1919, meta spirtu qaddis ta l-ħajja mill-ġdid lill-qaddejja ddedikati t’Alla minn qagħda taʼ kważi inattività. (Eżekjel 37:1-14; Rivelazzjoni 11:7-12) Il-pedament ġie mbagħad imqiegħed għal ġenna spiritwali, li fis-snin taʼ wara saret iktar ovvja u iktar glorjuża iktar ma gerbbu s-snin. Setaʼ jkun hemm xi prova akbar tal-ħidma tal-ispirtu qaddis?
Għala Nanalizzaw il-Fidi Tagħna?
18. L-ispiji Iżraeliti kif kienu differenti minn xulxin rigward il-fidi?
18 Ftit wara li l-Iżraeliti nħelsu mill-jasar fl-Eġittu, 12-il raġel intbagħtu bħala spiji biex jitkixxfu l-art taʼ Kangħan. Madankollu, għaxra minnhom ma kellhomx fidi, billi ddubitaw l-abbiltà taʼ Jehovah f’li jwettaq il-wegħda tiegħu li jagħti l-art lil Iżrael. Huma kienu mqanqlin bil-vista, b’affarijiet fiżiċi. Mit-12, Ġożwè u Kaleb biss urew li kienu jimxu bil-fidi, mhux bil-vista.—(Qabbel 2 Korintin 5:7.) Talli eżerċitaw fidi, huma biss minn fost dawk l-irġiel baqgħu ħajjin biex jidħlu fl-Art Imwiegħda.−Numri 13: 1-33; 14:35-38.
19. Il-pedament li fuqu tinbena l-fidi kif inhu iżjed profond illum minn qatt qabel, u madankollu x’għandna nagħmlu?
19 Illum, aħna weqfin fil-fruntieri tad-dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla. Jekk irridu nidħlu fiha, il-fidi hija essenzjali. B’ferħ, il-pedament taʼ verità li fuqu nibbażaw dik il-fidi huwa profond ħafna iktar minn qatt qabel. Aħna għandna l-Kelma t’Alla kollha kemm hi, l-eżempju taʼ Ġesù Kristu u tas-segwaċi midlukin tiegħu, l-appoġġ taʼ miljuni taʼ aħwa spiritwali rġiel u nisa, u l-appoġġ tal-ispirtu qaddis t’Alla b’ammont li qatt ma kien hawn bħalu. Iżda, aħna nagħmlu tajjeb li nanalizzaw il-fidi tagħna u nieħdu passi biex insaħħuha waqt li għadna nistgħu.
20. X’mistoqsijiet ikun xieraq li nistaqsu lilna nfusna?
20 ‘O, jien nemmen li din hi l-verità,’ forsi tgħid int. Imma kemm hi qawwija l-fidi tiegħek? Staqsi lilek innifsek: ‘Hija s-Saltna tas-sema taʼ Jehovah reali għalija daqs kemm hu gvern uman? Nirrikonoxxi jien u nappoġġja bis-sħiħ lill-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah u lill-Ġemgħa li Tiggverna tagħha? B’għajnejn tal-fidi, nistaʼ jien nara li l-ġnus qegħdin issa jiġu mmanuvrati f’pożizzjoni finali għal Armageddon? Titqabbel il-fidi tiegħi b’mod favorevoli maʼ dik tas-“sħaba kbira taʼ xhieda” msemmija f’Ebrej kapitlu 11?’−Ebrej 12:1; Rivelazzjoni 16:14-16.
21. Il-fidi kif tqanqal lil dawk li jippossjeduha, u kif jiġu mberkin? (Inkludi kummenti mill-kaxxa f’paġna 11.)
21 Dawk li jippossjedu fidi bbażata fuq il-verità huma mqanqlin għall-azzjoni. Bħas-sagrifiċċju aċċettabbli offrut minn Abel, is-sagrifiċċji tagħhom taʼ tifħir huma pjaċevoli għal Alla. (Ebrej 13:15, 16) Bħal Noè, predikatur tat-tjieba li obda lil Alla, huma jsegwu korsa taʼ tjieba bħala predikaturi tas-Saltna. (Ebrej 11:7; 2 Pietru 2:5) Bħal Abraham, dawk bil-fidi bbażata fuq il-verità jobdu lil Jehovah minkejja inkonvenjenzi u saħansitra taħt l-iktar ċirkostanzi taʼ prova. (Ebrej 11:17-19) Bħall-qaddejja leali taʼ Jehovah tal-qedem, dawk li għandhom fidi llum huma mberkin b’mod għani u mħarsin minn Missierhom tas-sema kollu mħabba.−Mattew 6:25-34; 1 Timotew 6: 6-10.
22. Il-fidi kif tistaʼ tiġi msaħħa?
22 Jekk int qaddej taʼ Jehovah imma ssib li l-fidi tiegħek hi dgħajfa f’xi aspett, x’tistaʼ tagħmel? Saħħaħ il-fidi tiegħek billi tistudja bil-għaqal il-Kelma t’Alla u billi tħalli lil fommok inixxi ’l barra l-ilmijiet taʼ verità li jimlew lil qalbek. (Proverbji 18:4) Jekk il-fidi tiegħek ma tiġix imsaħħa regolarment, tistaʼ ssir dgħajfa, inattiva, saħansitra mejta. (1 Timotew 1:19; Ġakbu 2:20-26) Kun determinat li dan qatt ma jiġri lill-fidi tiegħek. Mur għand Jehovah għall-għajnuna, billi titlob: “Għinni fejn għandi bżonn fidi!”−Mark 9:24.
XˈInhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
◻ X’inhi l-fidi?
◻ Il-fidi għala ma tistax teżisti mingħajr verità u spirtu qaddis?
◻ Ġesù Kristu kif sar Dak li Jipperfezzjona l-fidi tagħna?
◻ Għala għandna nanalizzaw kemm hi qawwija l-fidi tagħna?
[Kaxxa f’paġna 11]
DAWK LI GĦANDHOM FIDI. . .
◻ Jitkellmu dwar Jehovah.−2 Korintin 4:13.
◻ Jagħmlu xogħlijiet bħal dawk taʼ Ġesù.−Ġwann 14:12.
◻ Huma sorsi taʼ inkuraġġiment għal oħrajn.−Rumani 1:8, 11, 12.
◻ Jikkonkwistaw lid-dinja.−1 Ġwann 5:5.
◻ M’għandhomx għalfejn jibżgħu.−Isaija 28:16.
◻ Huma f’linja għall-ħajja taʼ dejjem. −Ġwann 3:16.