Kapitlu 73
Samaritan taʼ Qalb Tajba
ĠESÙ x’aktarx qiegħed qrib Betanja, raħal xi żewġ mili minn Ġerusalemm. Raġel li hu espert fuq il-Liġi taʼ Mosè jersaq lejh b’mistoqsija, billi jistaqsi: “Għalliem, billi nagħmel liema ħaġa se niret il-ħajja taʼ dejjem?”
Ġesù jinduna li r-raġel, li hu avukat, mhux qed jistaqsi biss għal tagħrif imma, minflok, għaliex jixtieq li jġarrbu. L-iskop tal-avukat jistaʼ jkun li jġiegħel lil Ġesù jwieġeb b’tali mod li joffendi s-sentimenti tal-Lhud. Mela Ġesù jġiegħel lill-avukat jikkommetti ruħu, billi jistaqsi: “X’hemm miktub fil-Liġi? Kif taqra int?”
Biex iwieġeb, l-avukat, billi jeżerċita dehen mhux tas-soltu, jikkwota mil-liġijiet t’Alla f’Dewteronomju 6:5 u Levitiku 19:18, billi jgħid: “‘Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha u b’moħħok kollu,’ u, ‘lil ġarek bħalek innifsek.’”
“Weġibt b’mod korrett,” jirrispondi Ġesù. “Ibqaʼ agħmel dan u se tikseb il-ħajja.”
L-avukat, madankollu, mhux sodisfatt. It-tweġiba taʼ Ġesù mhix speċifika biżżejjed għalih. Hu jrid konferma mingħand Ġesù li l-opinjonijiet tiegħu stess huma korretti u għalhekk li hu twajjeb fil-mod kif jittratta lil oħrajn. Għalhekk, hu jistaqsi: “Min tassew hu ġari?”
Il-Lhud jemmnu li l-kelma “ġar” tapplika biss għal Lhud sħabhom, kif donnu jindika l-kuntest taʼ Levitiku 19:18. Fil-fatt, iktar tard saħansitra l-appostlu Pietru qal: “Intom tafu tajjeb kemm hu kontra l-liġi għal wieħed Lhudi li jissieħeb maʼ jew jersaq lejn raġel taʼ razza oħra.” Mela l-avukat, u forsi d-dixxipli taʼ Ġesù wkoll, jemmnu li huma twajbin jekk jittrattaw biss lil sħabhom Lhud b’qalb tajba, ladarba, fl-opinjoni tagħhom, dawk li m’humiex Lhud m’humiex tassew il-ġirien tagħhom.
Mingħajr ma joffendi lil dawk li qed jisimgħuh, Ġesù kif jistaʼ jikkorreġi l-opinjoni tagħhom? Hu jgħid storja, possibilment ibbażata fuq ġrajja vera. “Ċertu [Lhudi],” jispjega Ġesù, “kien nieżel minn Ġerusalemm lejn Ġeriko u waqaʼ f’idejn xi ħallelin, li kemm neżżgħuh kif ukoll tawh xi daqqiet, u telqu, billi ħallewh nofsu mejjet.”
“Issa, b’kumbinazzjoni,” jkompli Ġesù, “ċertu qassis kien nieżel minn dik it-triq, imma, meta rah, għadda min-naħa l-oħra. Bl-istess mod, wieħed Levita wkoll, meta wasal fuq il-post u rah, għadda min-naħa l-oħra. Imma ċertu Samaritan li kien qed jivvjaġġa fit-triq wasal ħdejh u, malli rah, tqanqal mill-ħasra.”
Ħafna qassisin u l-qaddejja Leviti tagħhom tat-tempju jgħixu f’Ġeriko, distanza taʼ 14-il mil fi triq perikoluża li tinżel 3,000 pied minfejn huma jaqdu fit-tempju f’Ġerusalemm. Il-qassis u l-Levita kienu mistennijin li jgħinu lil seħibhom Lhudi fin-niket. Imma ma jgħinuhx. Minflok, wieħed Samaritan igħinu. Il-Lhud tant jobogħduhom lis-Samaritani li dan l-aħħar huma nsultaw lil Ġesù bl-iktar mod qawwi billi sejħulu “Samaritan.”
Is-Samaritan x’jagħmel biex igħin lil-Lhudi? “Hu resaq lejh,” igħid Ġesù, “u rabatlu l-ġrieħi, billi sawwab żejt u nbid fuqhom. Imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu stess u ġabu f’lukanda u ħa ħsiebu. U l-għada hu ħareġ żewġ dinieri [madwar is-salarju taʼ jumejn], tahom lill-lukandier, u qal, ‘Ħu ħsiebu, u dak li tonfoq minbarra dan, jien se nroddulek meta niġi lura hawn.’”
Wara li jirrakkonta l-istorja, Ġesù jistaqsi lill-avukat: “Min minn dawn it-tlieta jidhirlek int li għamel lilu nnifsu ġar għar-raġel li waqaʼ f’idejn il-ħallelin?”
Billi jħossu skomdu biex jattribwixxi xi mertu lil Samaritan, l-avukat iwieġeb sempliċement: “Dak li aġixxa bil-ħniena miegħu.”
“Mur fi triqtek u kun qed tagħmel l-istess int innifsek,” jikkonkludi Ġesù.
Kieku Ġesù qal lill-avukat b’mod dirett li dawk li m’humiex Lhud kienu wkoll il-ġirien tiegħu, mhux biss ir-raġel ma kienx jaċċettah dan imma l-biċċa l-kbira mill-udjenza kienet wisq probabbli tappoġġjah fid-diskussjoni maʼ Ġesù. Din l-istorja vera, madankollu, għamlitha ħaġa ovvja b’mod li ħadd ma jistaʼ jiċħdu li l-ġirien tagħna jinkludu nies li m’humiex mir-razza tagħna jew tan-nazzjonalità tagħna. Liema mod meraviljuż għandu Ġesù biex igħallem! Luqa 10:25-37; Atti 10:28; Ġwann 4:9; 8:48.
▪ L-avukat liema mistoqsijiet jistaqsi lil Ġesù, u b’mod evidenti x’inhu l-iskop tiegħu f’li jistaqsi?
▪ Il-Lhud min jemmnu li huma l-ġirien tagħhom, u liema raġuni hemm biex temmen li saħansitra d-dixxipli għandhom din l-opinjoni?
▪ Ġesù kif idaħħal b’mod effettiv l-opinjoni korretta sabiex l-avukat ma jistax jiċħadha?