Kapitlu 74
Parir lil Marta, u Tagħlim dwar it-Talb
MATUL il-ministeru taʼ Ġesù fil-Ġudea, hu jidħol fir-raħal taʼ Betanja. Hawnhekk, igħixu Marta, Marija, u ħuhom Lażżru. Jistaʼ jkun li Ġesù ltaqaʼ maʼ dawn it-tlieta iktar kmieni fil-ministeru tiegħu u għalhekk huwa diġà ħabib mill-qrib tagħhom. Hu x’inhu l-każ, Ġesù issa jmur fid-dar taʼ Marta u jiġi milqugħ minnha.
Marta hija ħerqana li tagħti lil Ġesù l-aħjarnett li għandha. Tabilħaqq, huwa unur kbir li jkollok lill-Messija mwiegħed iżur id-dar tiegħek! Mela Marta tinvolvi ruħha f’li tħejji ikla kbira u f’li tieħu ħsieb ħafna dettalji oħra biex il-waqfa taʼ Ġesù tagħmilha iktar pjaċevoli u komda.
Mill-banda l-oħra, Marija, oħt Marta, toqgħod bil-qiegħda ħdejn saqajn Ġesù biex tisimgħu. Wara ftit, Marta tersaq u tgħid lil Ġesù: “Mulej, ma jimportakx int li oħti ħallietni waħdi biex nieħu ħsieb l-affarijiet? Għidilha, għalhekk, biex tieħu sehem f’li tgħinni.”
Imma Ġesù ma jgħidilha xejn lil Marija. Minflok, hu jagħti parir lil Marta biex ma tkunx ikkonċernata żżejjed b’affarijiet materjali. “Marta, Marta,” hu jċanfar bi ħlewwa, “inti anzjuża u mħawda dwar ħafna affarijiet. Ftit affarijiet, iżda, huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda.” Ġesù qed igħid li m’hemmx għalfejn tqattaʼ ħafna ħin tħejji ħafna dixxijiet għal ikla waħda. Ftit dixxijiet jew saħansitra wieħed biss huwa biżżejjed.
L-intenzjonijiet taʼ Marta huma tajbin; hi trid tkun ospitabbli. Madankollu, bl-attenzjoni anzjuża tagħha lejn provvedimenti materjali, hi qed titlef l-opportunità li tirċievi tagħlim persunali mingħand l-Iben t’Alla nnifsu! Mela Ġesù jikkonkludi: “Min-naħa tagħha, Marija għażlet is-sehem it-tajjeb, u mhux se jittieħed mingħandha.”
Iktar tard, f’okkażjoni oħra, wieħed dixxiplu jistaqsi lil Ġesù: “Mulej, għallimna kif nitolbu, sewwa sew bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” Forsi dan id-dixxiplu ma kienx preżenti madwar sena u nofs qabel meta Ġesù ipprovda t-talba mudell fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Mela Ġesù jirrepeti l-istruzzjonijiet tiegħu imma mbagħad jissokta jagħti tixbieha biex jenfasizza l-ħtieġa taʼ li wieħed ikun persistenti fit-talb.
“Min minnkom se jkollu ħabib,” Ġesù jibda, “u se jmur għandu f’nofs il-lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għaliex ħabib minn tiegħi għadu kif ġie għandi fuq vjaġġ u m’għandi xejn xi nqiegħed quddiemu’? U dak il-wieħed minn ġewwa jgħid fi tweġiba, ‘Tibqax tinkwetani. Il-bieb diġà msakkar, u t-tfal żgħar tiegħi qegħdin miegħi fis-sodda; ma nistax inqum u nagħtik xi ħaġa.’ Ingħidilkom, Għalkemm mhux se jqum u jagħtih xi ħaġa minħabba li hu ħabib tiegħu, ċertament minħabba l-persistenza qalbiena tiegħu hu se jqum u jagħtih dawk l-affarijiet li għandu bżonn.”
B’dan il-paragun Ġesù ma jridx ifisser li Alla Jehovah mhux lest li jwieġeb għall-petizzjonijiet, bħal dak il-ħabib fl-istorja tiegħu. Le, imma hu qed juri li jekk ħabib, kontra r-rieda tiegħu, se jwieġeb għal talb persistenti, kemm iktar se jagħmel hekk Missierna tas-sema kollu mħabba! Mela Ġesù jkompli: “Għaldaqstant ingħidilkom, Ibqgħu staqsu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu; ibqgħu ħabbtu, u se jinfetħilkom. Għax kulmin qed jistaqsi jirċievi, u kulmin qed ifittex isib, u lil kulmin qed iħabbat se jinfetaħlu.”
Ġesù mbagħad jirreferi għal missirijiet umani, imperfetti u midinba, billi jgħid: “Tabilħaqq, liema missier hemm fostkom li, jekk ibnu jistaqsi għal ħuta, se jnewwillu forsi serpent minflok ħuta? Jew jekk ukoll jistaqsi għal bajda, se jnewwillu skorpjun? Għalhekk, jekk intom, għalkemm intom mill-agħar, tafu kif tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier fis-sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qed jistaqsuh!” Tabilħaqq, x’inkuraġġiment li jqanqal jipprovdi Ġesù biex inkunu persistenti fit-talb. Luqa 10:38–11:13.
▪ Marta għala tagħmel tħejjijiet estensivi bħal dawn għal Ġesù?
▪ Marija x’tagħmel, u Ġesù għala jfaħħar lilha minflok lil Marta?
▪ Xi jqanqal lil Ġesù biex jirrepeti l-istruzzjonijiet tiegħu dwar it-talb?
▪ Ġesù kif jagħti tixbieha biex juri l-ħtieġa taʼ li wieħed ikun persistenti fit-talb?