Kapitlu 90
It-Tama tal-Irxoxt
ĠESÙ fl-aħħar jasal fit-tarf tal-Betanja, raħal madwar żewġ mili minn Ġerusalemm. Kienu għaddew biss ftit ġranet mill-mewt taʼ Lażżru u l-funeral tiegħu. Ħutu Marija u Marta għadhom jibku t-telfa tiegħu, u ħafna ġew id-dar tagħhom biex isabbruhom.
Waqt li qegħdin bil-vistu, xi ħadd jinforma lil Marta li Ġesù qiegħed fi triqtu. Mela hi titlaq u tgħaġġel biex tiltaqaʼ miegħu, milli jidher mingħajr ma tgħid lil oħtha. Hekk kif tasal ħdejn Ġesù, Marta tirrepeti dak li hi u oħtha żgur li qalu kemm-il darba għal dawn l-aħħar erbat ijiem: “Kieku kont hawn ħija ma kienx imut.”
Marta, madankollu, tesprimi tama li tindika li Ġesù għad jistaʼ jagħmel xi ħaġa għal ħuha. “Naf li kulma titlob int lil Alla, Alla se jagħtihulek,” tgħid hi.
“Ħuk se jqum,” iwiegħed Ġesù.
Marta tifhem li Ġesù qed jitkellem dwar irxoxt futur fuq l-art, li Abraham u qaddejja oħra t’Alla ħarsu ’l quddiem lejh. Mela hi twieġeb: “Naf li se jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.”
Madankollu, Ġesù jagħti tama għal serħan immedjat, billi jwieġeb: “Jien hu l-irxoxt u l-ħajja.” Hu jfakkar lil Marta li Alla tah il-qawwa fuq il-mewt, billi jgħid: “Min jeżerċita fidi fija, saħansitra għalkemm imut, se jieħu l-ħajja; u kulmin qiegħed igħix u jeżerċita fidi fija ma se jmut qatt assolutament.”
Ġesù mhux qed jissuġġerixxi lil Marta li dawk lejali li jkunu ħajjin dak iż-żmien ma se jmutu qatt. Le, imma l-punt li qed jagħmel hu li l-eżerċitar tal-fidi fih jistaʼ jwassal għal ħajja eterna. Ħajja bħal din se titgawda mill-biċċa l-kbira tan-nies bħala riżultat tal-irxoxt tagħhom fl-aħħar jum. Imma oħrajn li huma lejali se jsalvaw fl-aħħar taʼ din is-sistema taʼ affarijiet fuq l-art, u l-kliem taʼ Ġesù se jkun veru f’sens litterali ħafna għal dawn. Huma ma se jmutu qatt assolutament! Wara din l-istqarrija taʼ min jinnotaha, Ġesù jistaqsi lil Marta, “Temmnu int dan?”
“Iva, Mulej,” twieġeb hi. “Jien emmint li inti l-Kristu l-Iben t’Alla, il-Wieħed li ġej fid-dinja.”
Marta mbagħad tgħaġġel lura biex issejjaħ lil oħtha, billi tgħidilha fil-privat: “Il-Għalliem qiegħed hawn u qed isejjaħlek.” Immedjatament Marija titlaq mid-dar. Meta xi oħrajn jarawha sejra, huma jsegwuha, għax jaħsbu li hi sejra fejn il-qabar tal-mafkar.
Hekk kif tasal għand Ġesù, Marija taqaʼ f’riġlejh tibki. “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut,” tgħid hi. Ġesù huwa mqanqal ħafna meta jara li Marija u l-folol taʼ nies li qed isegwuha qed jibku. “Fejn qigħedtuh?” hu jistaqsi.
“Mulej, ejja u ara,” huma jwieġbu.
Ġesù wkoll jaqbiżlu d-dmugħ, u jġiegħel lil-Lhud igħidu: “Ara, kemm kellu affezzjoni lejh!”
Xi wħud jiftakru li Ġesù, fi żmien il-Festa tal-Egħrejjex xi xhur qabel, kien fejjaq lil raġel żagħżugħ imwieled agħma, u jistaqsu: “Dan ir-raġel li fetaħ għajnejn ir-raġel agħma ma kellux il-ħila jżomm lil dan il-wieħed milli jmut?” Ġwann 5:21; 6:40; 9:1-7; 11:17-37.
▪ Ġesù meta fl-aħħar jasal ħdejn Betanja, u x’inhi s-sitwazzjoni hemmhekk?
▪ Marta x’bażi għandha għal twemmin f’irxoxt?
▪ Ġesù kif inhu effettwat mill-mewt taʼ Lażżru?