Kapitlu 89
Missjoni taʼ Ħniena Ġewwa l-Ġudea
FTIT ġimgħat qabel, waqt il-Festa tad-Dedikazzjoni f’Ġerusalemm, il-Lhud ippruvaw joqtlu lil Ġesù. Mela hu vvjaġġa lejn it-Tramuntana, b’mod evidenti lejn inħawi li ma kinux ’il bogħod mill-Baħar tal-Galilija.
Dan l-aħħar, hu reġaʼ rħielha lejn in-Nofs in-Nhar għal Ġerusalemm, jippriedka matul it-triq fl-irħula taʼ Perea, distrett lejn il-Lvant tax-xmara Ġordan. Wara li jispiċċa jirrakkonta t-tixbieha dwar ir-raġel għani u Lażżru, hu jkompli jgħallem lid-dixxipli tiegħu affarijiet li kien għallem qabel waqt li hu kien fil-Galilija.
Hu jgħid, per eżempju, li jkun iżjed jaqbel għal wieħed “kieku ġebla tat-tħin ġiet imdendla maʼ għonqu u ġie mitfugħ ġol-baħar” milli jġiegħel li jitfixkel wieħed ‘miċ-ċkejknin’ t’Alla. Hu jenfasizza wkoll il-bżonn tal-maħfra, billi jispjega: “Saħansitra jekk [ħu] jidneb sebaʼ darbiet kuljum kontra tiegħek u jiġi lura għandek sebaʼ darbiet, igħid, ‘nindem,’ int trid taħfirlu.”
Meta d-dixxipli jitolbu, “Agħtina iktar fidi,” Ġesù jwieġeb: “Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqalaʼ mill-għeruq u tħawwel fil-baħar!’ u kienet tobdikom.” Mela saħansitra nitfa fidi tistaʼ twettaq affarijiet kbar.
Imbagħad, Ġesù jirrakkonta sitwazzjoni li ġrat veru li turi l-attitudni xierqa taʼ qaddej taʼ Alla li jistaʼ kollox. “Min hemm fostkom li għandu rsir li qed jaħrat jew jieħu ħsieb tal-merħla,” Ġesù josserva, “li se jgħidlu meta jidħol mill-għalqa, ‘Ejja hawnhekk mill-ewwel u mtedd mal-mejda’? Minflok, m’huwiex se jgħidlu, ‘Lesti xi ħaġa għalija biex niekol l-ikla taʼ fil-għaxija tiegħi, u ilbes fardal u mministrali sakemm inkun kilt u xrobt, u wara int tistaʼ tiekol u tixrob’? Mhux se jħossu grat lejn l-irsir għaliex għamel l-affarijiet li kellu jagħmel, hux hekk? Hekk intom, ukoll, meta tkunu għamiltu l-affarijiet kollha li kellkom tagħmlu, għidu, ‘Aħna rsiera li m’aħna tajbin għal xejn. Dak li għamilna huwa dak li kellna nagħmlu.’” B’hekk, il-qaddejja t’Alla m’għandhom qatt iħossuhom li qed jagħmlu xi favur lil Alla billi jaqduh. Minflok, huma għandhom dejjem jiftakru fil-privileġġ li għandhom li jqimu lilu bħala membri fdati tad-dar tiegħu.
Milli jidher huwa ftit wara li Ġesù jagħti din it-tixbieha li jasal messaġġier. Hu ġie mibgħut minn Marija u Marta, l-aħwa taʼ Lażżru li joqgħodu f’Betanja tal-Ġudea. “Mulej, ara! il-wieħed li lejh għandek affezzjoni huwa marid,” igħid il-messaġġier.
Ġesù jwieġeb: “Dan il-mard mhux bil-mewt bħala l-oġġettiv tiegħu, imma huwa għall-glorja t’Alla, sabiex l-Iben t’Alla jistaʼ jiġi gglorifikat permezz tiegħu.” Wara li jibqaʼ għal jumejn fejn hu, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew nerġgħu mmorru ġol-Ġudea.” Madankollu, huma jfakkruh: “Rabbi, dan l-aħħar il-Ġudeani kienu qed ifittxu biex iħaġġruk, u int se terġaʼ tmur hemm?”
“Hemm tnax-il siegħa taʼ bi nhar, hux hekk?” Ġesù jistaqsi bi tweġiba. “Jekk xi ħadd jimxi bi nhar ma jaħbat maʼ xejn, għaliex jara d-dawl taʼ din id-dinja. Imma jekk xi ħadd jimxi bil-lejl, jaħbat maʼ xi ħaġa, għaliex id-dawl mhux fih.”
Dak li Ġesù jidher li jrid ifisser hu li s-‘sigħat taʼ bi nhar,’ jew iż-żmien li Alla ħalla għall-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, għadhom m’għaddewx u, sakemm igħaddu, ħadd ma jistaʼ jagħmillu ħsara. Jeħtieġ li juża kemm jistaʼ jkun iż-żmien qasir taʼ “bi nhar” li baqagħlu, ladarba wara jiġi l-“lejl” meta l-egħdewwa tiegħu se jkunu qatluh.
Ġesù jżid: “Lażżru l-ħabib tagħna mar jistrieħ, imma jien sejjer hemm biex inqajmu mill-irqad.”
Kif jidher, billi jaħsbu li Lażżru qiegħed jistrieħ fl-irqad, u li dak huwa sinjal pożittiv li se jfiq, id-dixxipli jwieġbu: “Mulej, jekk hu mar jistrieħ, se jgħaddilu.”
Imbagħad Ġesù jgħidilhom bla ħabi: “Lażżru miet, u jien nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, sabiex intom temmnu. Imma ejjew immorru għandu.”
Waqt li jirrealizza li Ġesù jistaʼ jiġi maqtul fil-Ġudea u fl-istess ħin jixtieq li jaqbel miegħu, Tumas jinkuraġġixxi lil sħabu d-dixxipli: “Ejjew immorru aħna wkoll, biex inkunu nistgħu mmutu miegħu.” Mela b’riskju għal ħajjithom, id-dixxipli jakkumpanjaw lil Ġesù fuq din il-missjoni taʼ ħniena ġewwa l-Ġudea. Luqa 13:22; 17:1-10; Ġwann 10:22, 31, 40-42; 11:1-16.
▪ Ġesù fejn kien qed jippriedka dan l-aħħar?
▪ Ġesù liema tagħlim jirrepeti, u liema sitwazzjoni li ġrat veru jiddeskrivi hu biex juri liema punt?
▪ Ġesù liema aħbar jirċievi, u x’irid ifisser bil-frażijiet “bi nhar” u l-“lejl”?
▪ Tumas x’irid ifisser meta jgħid, ‘Ejjew immorru biex inkunu nistgħu mmutu miegħu’?