Għallem Lil Uliedek
Għala Ġesù M’Għaġġilx
ĠESÙ sar jaf li l-ħabib tajjeb tiegħu, Lazzru, kien marid ħafna. Messaġġier mibgħut minn Marija u Marta, ħut Lazzru, ġab l-aħbar lil Ġesù. Il-messaġġier ġie minn Betanja, il-post fejn Lazzru u ħutu kienu jgħixu. L-aħwa nisa kienu jemmnu li Ġesù setaʼ jfejjaq lil ħuhom, avolja kienu jgħixu ’l bogħod fuq in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. Kienu jafu li hu diġà kien fejjaq nies mill-bogħod.—Mattew 8:5-13; Ġwanni 11:1-3.
Meta l-messaġġier wasal ħdejn Ġesù u qallu bl-aħbar taʼ niket, Ġesù m’għamel xejn. Il-Bibbja tgħid: “Baqaʼ jumejn oħra fil-post fejn kien.” (Ġwanni 11:6) Taf għala Ġesù m’għaġġilx biex jgħin lil Lazzru?—a Ejja nitkellmu dwar dan.
Ġesù kien jaf li Lazzru miet minħabba l-marda li kellu. Għalhekk, hu qal lill-appostli tiegħu: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.” Huma argumentaw: “Il-Lhud għadhom kif kienu qed jipprovaw iħaġġruk, u se terġaʼ tmur hemmhekk?” Ġesù spjega: “Il-ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-irqad.”
L-appostli wieġbu: “Mulej, jekk mar jistrieħ, jgħaddilu.” Issa Ġesù spjega: “Lazzru miet.” Imbagħad, qal xi ħaġa li żgur ħalliethom sorpriżi: “Nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemmhekk . . . Imma ejjew immorru ħdejh.”
Tumas, b’kuraġġ qal: ‘Ejjew immorru aħna wkoll, biex immutu maʼ Ġesù.’ Tumas kien jaf li l-għedewwa taʼ Ġesù kienu se jerġgħu jipprovaw joqtluh, u l-appostli setgħu jinqatlu wkoll. Imma kollha marru xorta waħda. Wara jumejn jew iktar waslu Betanja, ir-raħal taʼ Lazzru. Kien xi tliet kilometri ’l bogħod minn Ġerusalemm.—Ġwanni 11:7-18.
Taf għala Ġesù kien ferħan li ma kienx wasal qabel?— Ġesù kien diġà rxoxta lil nies oħrajn, imma dawk in-nies kienu ilhom mejtin għal ftit sigħat biss meta Ġesù reġaʼ qajjimhom għall-ħajja. (Luqa 7:11-17, 22; 8:49-56) Iżda, ġisem Lazzru kien ilu fil-qabar għal ġranet sħaħ. Ħadd ma setaʼ jiddubita li verament kien miet!
Meta Marta, oħt Lazzru, semgħet li Ġesù kien ħdejn Betanja ħarġet tiġri biex tiltaqaʼ miegħu. Hi qalet: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Ġesù aċċertaha: “Ħuk iqum.” Marta ġriet lura u bil-moħbi qalet lil oħtha, Marija: “L-Għalliem qiegħed preżenti hawnhekk u qed isejjaħlek.”
Marija telqet mill-ewwel biex tmur ħdejn Ġesù. Iżda l-folla ħasbet li kienet sejra sal-qabar, u għalhekk marret warajha. Meta Ġesù ra lil Marija u l-folla li kienet magħha jibku, hu wkoll “qabiżlu d-dmugħ.” Malajr waslu ħdejn il-qabar li kien magħluq sew b’ġebla kbira. Ġesù ta l-kmand: “Neħħu l-ġebla.” Imma Marta ma qablitx miegħu u qalet: “Mulej, s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem.”
In-nies obdew lil Ġesù u neħħew il-ġebla. Imbagħad talab u rringrazzja lil Alla bil-quddiem għall-qawwa li kien jaf li Alla kien se jagħtih biex iqajjem lil Lazzru. Ġesù għajjat “b’leħen qawwi: ‘Lazzru, oħroġ!’” U Lazzru ħareġ ‘infaxxat.’ Għalhekk, Ġesù ta l-kmand: “Ħolluh u ħalluh imur.”—Ġwanni 11:19-44.
Tistaʼ tifhem issa għala Ġesù m’għaġġilx?— Kien jaf li billi jistenna setaʼ jagħti xhieda aħjar dwar Missieru, Ġeħova. U minħabba li għażel l-aħjar waqt, ħafna saru jemmnu f’Alla. (Ġwanni 11:45) Qed tara x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù?—
Forsi int ukoll tkun tistaʼ tagħżel waqt tajjeb biex tagħti xhieda dwar l-affarijiet tal-għaġeb li għamel Alla u li se jagħmel fil-futur. Forsi tistaʼ titkellem dwar dawn l-affarijiet mal-istudenti sħabek jew mal-għalliema tiegħek. Anki waqt xi lezzjoni, xi żgħażagħ ħadu l-opportunità li jitkellmu dwar il-barkiet mill-isbaħ li s-Saltna t’Alla se ġġib għall-bnedmin. M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tirxoxta lill-mejtin, imma tistaʼ tgħin lil oħrajn biex isiru jafu lill-Alla li jistaʼ jqajjem lill-maħbubin tagħna għall-ħajja u li se jagħmel dan.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.
MISTOQSIJIET:
▪ Ġesù għala m’għaġġilx biex imur jgħin lil Lazzru?
▪ Tumas għala qal: ‘Ejjew immorru aħna wkoll, biex immutu maʼ Ġesù’?
▪ Ġesù kif kien kapaċi jirxoxta lil Lazzru?
▪ X’tistaʼ tagħmel biex turi li tgħallimt mill-eżempju taʼ Ġesù?