Kapitlu 87
Aħseb għall-Ġejjieni b’Għerf Prattiku
ĠESÙ għadu kif temm jirrakkonta l-istorja tal-iben prodigu lil folla li tinkludi d-dixxipli tiegħu, kolletturi diżonesti tat-taxxi u midinbin oħra magħrufin u skribi u Fariżej. Issa, waqt li jindirizza lid-dixxipli tiegħu, hu jirrakkonta tixbieha dwar raġel għani li wasallu rapport mhux favorevoli dwar dak li jieħu ħsieb id-dar tiegħu, jew il-prokuratur tiegħu.
Skond Ġesù, ir-raġel għani jsejjaħ lill-prokuratur tiegħu u jgħidlu li se jkeċċih. “X’għandi nagħmel, ladarba sidi se jneħħili l-prokura?” jitħasseb il-prokuratur. “M’inix b’saħħti biżżejjed biex inħaffer, nistħi nittallab. Aha! Naf x’se nagħmel, ħalli, meta titneħħieli l-prokura, in-nies jilqgħuni ġo djarhom.”
X’inhu l-pjan tal-prokuratur? Hu jsejjaħ lil dawk li għandhom id-dejn maʼ sidu. “Kemm għandek tagħti?” jistaqsi.
L-ewwel wieħed iwieġeb, ‘580 gallun żejt taż-żebbuġa.’
‘Ħu l-kont tiegħek lura u oqgħod bil-qiegħda u malajr ikteb 290,’ igħidlu.
Jistaqsi lil ieħor: ‘Issa int, kemm għandek tagħti?’
Hu jgħid, ‘630 ħemel qamħ.’
‘Ħu l-kont tiegħek lura u ikteb 504.’
Il-prokuratur għandu dritt inaqqas il-kontijiet dovuti lil sidu, ladarba għadu nkarigat mill-finanzi taʼ sidu. Billi jnaqqas l-ammonti, hu qed jagħmel ħbieb maʼ dawk li jistgħu jpattulu l-favuri meta fil-fatt jitlef l-impjieg tiegħu.
Meta s-sid jismaʼ x’ġara, jimpressjona ruħu. Fil-fatt, hu “faħħar lill-prokuratur, għalkemm mhux twajjeb, għaliex aġixxa b’għerf prattiku.” Tabilħaqq, Ġesù jżid: “Ulied din is-sistema taʼ affarijiet huma iktar għorrief b’mod prattiku lejn il-ġenerazzjoni tagħhom stess milli huma wlied id-dawl.”
Issa biex joħroġ lezzjoni għad-dixxipli tiegħu, Ġesù jinkuraġġixxi: “Agħmlu ħbieb għalikom infuskom permezz tar-rikkezzi mhux twajbin, ħalli, meta dawn ifallu, huma jistgħu jilqgħukom ġewwa l-agħmajjar taʼ dejjem.”
Ġesù mhux qed ifaħħar lill-prokuratur għan-nuqqas taʼ tjieba tiegħu imma għall-għerf prattiku tiegħu li jara fil-bogħod. Taʼ spiss “ulied din is-sistema taʼ affarijiet” bi ħżunija jużaw flushom jew il-pożizzjoni tagħhom biex jagħmlu ħbieb maʼ dawk li jistgħu jpattulhom bil-favuri. Mela l-qaddejja t’Alla, “wlied id-dawl,” ukoll jeħtiġilhom li jużaw il-ġid materjali tagħhom, “ir-rikkezzi mhux twajbin” tagħhom, b’mod għaqli għall-ġid tagħhom infushom.
Imma bħalma jgħid Ġesù, huma għandhom jagħmlu ħbieb permezz taʼ dawn ir-rikkezzi maʼ dawk li jistgħu jilqgħuhom “ġewwa l-agħmajjar taʼ dejjem.” Għall-membri tal-merħla ċ-ċkejkna, dawn il-postijiet huma fis-sema; għan-“ngħaġ oħra,” dawn huma fuq l-art magħmula Ġenna. Minħabba li Alla Jehovah u Ibnu biss jistgħu jilqgħu persuni f’dawn il-postijiet, għandna nkunu għaqlin f’li nikkultivaw ħbiberija magħhom billi nużaw xi “rikkezzi mhux twajbin” li jistaʼ jkollna f’li nappoġġjaw l-interessi tas-Saltna. Imbagħad, meta r-rikkezzi materjali jonqsu jew igħibu, bħalma żgur li se jseħħ, il-ġejjieni etern tagħna jiġi assigurat.
Ġesù jissokta jgħid li persuni fidili f’li jieħdu ħsieb saħansitra dawn l-affarijiet materjali, jew l-iċken affarijiet, se jkunu fidili wkoll f’li jieħdu ħsieb affarijiet taʼ importanza akbar. “Għalhekk,” hu kompla, “jekk intom ma wrejtux li intom fidili f’konnessjoni mar-rikkezzi mhux twajbin, min se jafdakom f’dak li hu veru [jiġifieri, l-interessi spiritwali, jew tas-Saltna]? U jekk intom ma wrejtux li intom fidili f’konnessjoni maʼ dak li hu taʼ ħaddieħor [l-interessi tas-Saltna li bihom Alla jafda lill-qaddejja tiegħu], min se jagħtikom dak li hu għalikom infuskom [il-premju taʼ ħajja fl-agħmajjar taʼ dejjem]?”
Aħna sempliċement ma nistgħux inkunu qaddejja veri t’Alla u fl-istess ħin irsiera taʼ rikkezzi mhux twajbin, rikkezzi materjali, bħalma jikkonkludi Ġesù: “Ebda qaddej f’dar ma jistaʼ jkun irsir taʼ żewġ sidien; għax jew se jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jibqaʼ maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu rsiera t’Alla u tar-rikkezzi.” Luqa 15:1, 2; 16:1-13; Ġwann 10:16.
▪ Il-prokuratur fit-tixbieha taʼ Ġesù kif jagħmel ħbieb maʼ dawk li jistgħu jgħinuh iktar tard?
▪ X’inhuma “r-rikkezzi mhux twajbin,” u kif nistgħu nagħmlu ħbieb permezz tagħhom?
▪ Min jistaʼ jilqagħna ġewwa “l-agħmajjar taʼ dejjem,” u x’postijiet huma dawn?