Kapitlu 94
Il-Ħtieġa għal Talb u għal Umiltà
IKTAR kmieni, meta kien fil-Ġudea, Ġesù rrakkonta tixbieha rigward l-importanza taʼ li wieħed ikun persistenti fit-talb. Issa, fl-aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, hu jerġaʼ jenfasizza l-ħtieġa taʼ li wieħed m’għandux jieqaf mit-talb. Ġesù x’aktarx li għadu fis-Samarija jew fil-Galilija meta lid-dixxipli tiegħu jirrakkontalhom din it-tixbieha l-oħra:
“F’ċerta belt kien hemm ċertu mħallef li ma kellu ebda biżaʼ t’Alla u ma kellu ebda rispett lejn il-bniedem. Imma kien hemm armla f’dik il-belt u hi baqgħet tmur għandu, tgħid, ‘Ara li nieħu ġustizzja mingħand l-avversarju tiegħi fil-liġi.’ Sewwa, għal xi żmien hu ma riedx, imma wara hu qal bejnu u bejn ruħu, ‘Għalkemm ma nibżax minn Alla u lanqas ma nirrispetta lil bniedem, hu x’inhu, minħabba li din l-armla kontinwament taqlagħli l-inkwiet, se nara li hi tieħu ġustizzja, biex ma tibqax tiġi u ssawwatni sat-tmiem.’”
Ġesù mbagħad jagħmel l-applikar tal-istorja tiegħu, billi jgħid: “Isimgħu l-imħallef, għalkemm m’huwiex twajjeb, x’qal! Ċertament, mela, sejjer Alla ma jġigħelx li ssir ġustizzja mal-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, għalkemm hu jissaporti fit-tul lejhom?”
Ġesù ma jridx jimplika li Alla Jehovah huwa b’xi mod bħal dak l-imħallef li mhux twajjeb. Minflok, jekk saħansitra imħallef li mhux twajjeb se jwieġeb għal talb persistenti, m’għandu jkun hemm ebda dubju li Alla, li hu għalkollox twajjeb u tajjeb, se jwieġeb jekk in-nies tiegħu ma jiqfux mit-talb. Mela Ġesù jkompli: “Ingħidilkom, [Alla] se jġiegħel li ssir ġustizzja magħhom bil-ħeffa.”
Il-ġustizzja spiss tiġi miċħuda lill-baxx u lill-fqir, fil-waqt li s-setgħana u s-sinjuri spiss jiġu ffavoriti. Alla, madankollu, mhux biss se jaċċerta li l-ħżiena jiġu kkastigati b’mod ġust imma wkoll se jiżżgura li l-qaddejja tiegħu jiġu ttrattati b’mod ġust billi jagħtihom ħajja taʼ dejjem. Imma kemm hemm nies li jemmnu b’mod sod li Alla se jġiegħel li ssir ġustizzja bil-ħeffa?
Billi jirreferi b’mod speċjali għall-fidi li għandha x’taqsam mal-qawwa tat-talb, Ġesù jistaqsi: “Meta jasal Bin il-bniedem, se jsib tassew il-fidi fuq l-art?” Għalkemm il-mistoqsija ma tiġix imwieġba, l-implikazzjoni tistaʼ tkun li fidi bħal din ma kellhiex tkun komuni meta Kristu jasal f’qawwa tas-Saltna.
Fost dawk li qed jisimgħu lil Ġesù hemm xi wħud li jħossu li huma fiż-żgur mhux ħażin fil-fidi tagħhom. Huma jafdaw fihom infushom li huma twajbin, u jmaqdru lill-oħrajn. Ċerti wħud mid-dixxipli taʼ Ġesù jistgħu saħansitra jkunu inklużi f’dan il-grupp. Mela hu jindirizza t-tixbieha li ġejja lejn uħud bħal dawn:
“Żewġt irġiel telgħu fit-tempju biex jitolbu, wieħed Fariżew u l-ieħor kollettur tat-taxxa. Il-Fariżew qam u beda jitlob dawn l-affarijiet għalih innifsu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħattafa, mhux twajbin, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-kollettur tat-taxxa. Jien insum darbtejn fil-ġimgħa, jien nagħti wieħed minn kull għaxra tal-affarijiet kollha li nikseb.’”
Il-Fariżej huma magħrufin sewwa għall-wirjiet pubbliċi tagħhom taʼ tjieba biex jimpressjonaw lil ħaddieħor. Il-ġranet tas-soltu għas-sawm imponut fuqhom minnhom stess huma t-Tnejn u l-Ħamis, u huma bi skruplu jħallsu wieħed minn kull għaxra taʼ saħansitra l-ħxejjex iż-żgħar tal-għalqa. Ftit xhur qabel, it-tmaqdir tagħhom għan-nies komuni kien ġie muri matul il-Festa tal-Egħrejjex meta qalu: “Din il-folla li ma tafx il-Liġi [jiġifieri, l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-Fariżej] huma nies misħuta.”
Billi jkompli t-tixbieha tiegħu, Ġesù jitkellem dwar wieħed ‘misħut’ bħal dan: “Imma l-kollettur tat-taxxa bil-wieqfa ftit ’il bogħod lanqas ma ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-sema, imma baqaʼ jħabbat fuq sidru, igħid, ‘O Alla, kun ħelu miegħi midneb.’” Minħabba li l-kollettur tat-taxxa b’mod umli rrikonoxxa n-nuqqasijiet tiegħu, Ġesù jgħid: “Ingħidilkom, Dan ir-raġel niżel lejn daru ppruvat iktar twajjeb minn dak ir-raġel; għaliex kulmin jeżalta lilu nnifsu se jiġi umiljat, imma dak li jumilja lilu nnifsu se jiġi eżaltat.”
B’hekk Ġesù jerġaʼ jenfasizza l-ħtieġa taʼ li wieħed ikun umli. Billi huma mrobbijin f’soċjetà li fiha l-Fariżej, li jqisu lilhom infushom bħala twajbin, huma tant influwenti u l-pożizzjoni u l-kariga huma dejjem enfasizzati, mhux taʼ sorpriża għalina li saħansitra d-dixxipli taʼ Ġesù huma effettwati. Iżda, x’lezzjonijiet mill-aħjar f’dik li hi umiltà jgħallem Ġesù! Luqa 18:1-14; Ġwann 7:49.
▪ L-imħallef li mhux twajjeb għala jilqaʼ t-talba tal-armla, u t-tixbieha taʼ Ġesù liema lezzjoni tgħallem?
▪ Ġesù liema fidi se jfittex meta jasal?
▪ Ġesù lil min jindirizzaha t-tixbieha tiegħu dwar il-Fariżew u l-kollettur tat-taxxa?
▪ Liema attitudni tal-Fariżej trid tiġi evitata?